15.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 87/1


REGOLAMENT (UE) 2021/444 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Marzu 2021

li jistabbilixxi l-programm “Dwana” għal kooperazzjoni fil-qasam tad-dwana u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1294/2013

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 33, 114 u 207 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-programm Dwana 2020 stabbilit taħt ir-Regolament (UE) Nru 1294/2013 (3) u l-programmi predeċessuri tiegħu kkontribwew b’mod sinifikanti biex jiffaċilitaw u jtejbu l-kooperazzjoni doganali bejn l-awtoritajiet tad-dwana, kif ukoll biex isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom amministrattivi, umani u dawk tat-teknoloġija tal-informazzjoni (IT). Peress li bosta mill-attivitajiet tal-awtoritajiet doganali huma ta’ natura transfruntiera, mod aktar effettiv u effiċjenti biex tiġi żviluppata tali kooperazzjoni jrid joffri lill-Istati membri qafas li fih jista’ jsir dan billi jiġi stabbilit programm doganali fil-livell tal-Unjoni, implimentat mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-programm Dwana 2020 wera li huwa kosteffiċjenti u ġab valur reali għal oqfsa ta’ kooperazzjoni doganali oħra stabbiliti fuq bażi bilaterali jew multilaterali. Minbarra dan, il-programm Dwana 2020 ikkontribwixxa għas-salvagwardja tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-Istati Membri billi appoġġa l-ġbir effettiv tad-dazji doganali. Barra minn hekk, proċeduri doganali armonizzati huma importanti biex jinkisbu riżultati ekwivalenti fil-prevenzjoni tal-frodi u tal-flussi transfruntiera illegali tal-merkanzija. Huwa għaldaqstant xieraq, effiċjenti u fl-interess tal-Unjoni li jibqgħu jiġu ffinanzjati attivitajiet fil-qasam tal-kooperazzjoni doganali billi jiġi stabbilit programm ġdid, il-programm “Dwana” (“il-Programm”).

(2)

Għal 50 sena, l-unjoni doganali kienet waħda mill-pedamenti tal-Unjoni, li hija waħda mill-akbar blokok kummerċjali fid-dinja. L-unjoni doganali hija eżempju sinifikanti ta’ integrazzjoni ta’ suċċess tal-Unjoni u hija essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern għall-benefiċċju kemm tan-negozji kif ukoll taċ-ċittadini. L-unjoni doganali evolviet b’mod konsiderevoli tul dan il-perijodu u l-awtoritajiet doganali qed iwettqu b’suċċess firxa wiesgħa ta’ kompiti fil-fruntieri. Filwaqt li jaħdmu flimkien, huma jistinkaw biex jiffaċilitaw kummerċ leġittimu u ġust, inaqqsu l-burokrazija, jiġbru dħul għall-baġits nazzjonali u tal-Unjoni, u jgħinu biex jipproteġu liċ-ċittadini minn theddid terroristiku, ambjentali, għas-saħħa u theddid ieħor. B’mod partikolari, bl-introduzzjoni ta’ qafas komuni għall-ġestjoni tar-riskju fil-livell tal-Unjoni u bil-kontroll tal-flussi ta’ flus kontanti biex jiġu miġġielda l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, l-awtoritajiet doganali għandhom rwol importanti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u l-kompetizzjoni inġusta. Minħabba l-mandat estensiv tagħhom, l-awtoritajiet doganali huma effettivament l-awtoritajiet prinċipali għall-kontroll tal-merkanzija fil-fruntieri esterni tal-Unjoni. Unjoni aktar b’saħħitha u aktar ambizzjuża tista’ tinkiseb biss jekk ikunu disponibbli r-riżorsi meħtieġa. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li l-Programm ma jkoprix biss il-kooperazzjoni doganali, iżda jenħtieġ li jagħti wkoll appoġġ għall-missjoni usa’ tal-awtoritajiet doganali, kif previst fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), jiġifieri s-superviżjoni tal-kummerċ internazzjonali tal-Unjoni, biex b’hekk jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-aspetti esterni tas-suq intern, tal-politika kummerċjali komuni u tal-linji politiċi komuni l-oħrajn tal-Unjoni li jaffettwaw il-kummerċ u s-sigurtà fil-katina kollha tal-forniment.

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-bażi ġuridika ta’ dan ir-Regolament tkopri l-kooperazzjoni doganali kif previst fl-Artikolu 33 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), is-suq intern, kif previst fl-Artikolu 114 TFUE u l-politika kummerċjali komuni, kif previst fl-Artikolu 207 TFUE.

(3)

Jenħtieġ li l-Programm jassisti lill-Istati Membri u l-Kummissjoni billi jipprovdi qafas għal azzjonijiet li jkollhom l-għan li jappoġġaw lill-unjoni doganali u l-awtoritajiet doganali li jaħdmu flimkien u li jaġixxu bħala entità waħda; li jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha; li jiżguraw s-sigurtà u s-sikurezza tal- Unjoni u tar-residenti tagħha, biex b’hekk jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-konsumatur; li jipproteġu lill-Unjoni minn prattiki kummerċjali inġusti u illeċiti, filwaqt li jiffaċilitaw attività kummerċjali leġittima; u li jiffaċilitaw il-kummerċ leġittimu sabiex in-negozji u ċ-ċittadini jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-potenzjal sħiħ tas-suq intern u l-kummerċ dinji.

(4)

Id-dwana hija qasam dinamiku ta’ politika li qed jiffaċċja sfidi ġodda, bħall-globalizzazzjoni, xejriet ġodda fil-frodi u l-kuntrabandu, u d-diġitalizzazzjoni. Dawn l-isfidi jżidu d-domanda għal appoġġ lill-awtoritajiet doganali u jirrikjedu soluzzjonijiet innovattivi. Huma jissottolinjaw ulterjorment il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali.

(5)

Sabiex tiġi żgurata l-kosteffettività, jenħtieġ li l-Programm jisfrutta sinerġiji possibbli ma’ miżuri oħra tal-Unjoni f’oqsma relatati, bħall-programm Fiscalis li ser jiġi stabbilit b’Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm “Fiscalis” għal kooperazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni, l-istrument ta’ appoġġ finanzjarju għat-tagħmir ta’ kontroll doganali li see jiġi stabbilit b’Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, l-istrument għal appoġġ finanzjarju għat-tagħmir ta’ kontroll doganali (l-ir-“Regolament dwar l-Istrument għat-Tagħmir ta’ Kontroll Doganali”), il-Programm tal-Unjoni kontra l-Frodi, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-ġestjoni tal-fruntieri u għall-viżi li ser jiġi stabbilit b’Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi il-Programm tal-Unjoni kontra l-Frodi bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-ġestjoni tal-fruntieri u għall-viżi (BMVI), il-Fond għas-Sigurtà Interna li għandu jiġi stabbilit b’Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond għas-Sigurtà Interna, il-Programm tas-Suq Uniku li ser jiġi stabbilit b’Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi li jistabbilixxi l-Programm għas-suq intern, għall-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, għall-qasam tal-pjanti, l-annimali, l-ikel u l-għalf, u għall-istatistika Ewropea(Programm tas-Suq Uniku),

il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(6)

Fid-dawl tal-importanza li jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima, u f’konformità mal-impenji tal-Unjoni biex jiġi implimentat il-Ftehim ta’ Pariġi (7), u biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli adottata fil-25 ta’ Settembru 2015, jenħtieġ li l-azzjonijiet taħt dan ir-Regolament jikkontribwixxu biex jintlaħaq l-għan tal-Unjoni li tonfoq mill-inqas 30 % tal-ammont totali tal-baġit tal-Unjoni f’appoġġ għall-objettivi klimatiċi u l-ambizzjoni tal-Unjoni li tonfoq 7.5 % tal-baġit annwali tal-Unjoni fuq il-bidiversità fl-2024 u 10 % kemm fl-2026 u fl-2027, filwaqt li jitqiesu d-duplikazzjonijiet eżistenti bejn il-miri klimatiċi u dawk tal-bijodiversità.

(7)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għal-Programm, li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta’ referenza primarja, skont it-tifsira tal-punt 18 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda (8), għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali. Biex titqies eliġibbli għal finanzjament, jenħtieġ li kwalunkwe nefqa mhux prevista tkun direttament relatata mal-objettivi tal-Programm. Jenħtieġ li l-pakkett finanzjarju tal-Programm ikopri l-ispejjeż meħtieġa u debitament iġġustifikati għall-ġestjoni tal-Programm u l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tiegħu, dment li dawk l-attivitajiet ikunu relatati mal-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-Programm.

(8)

Sabiex jappoġġa l-proċess ta’ adeżjoni u ta’ assoċjazzjoni min-naħa ta’ pajjiżi terzi, jenħtieġ li, jekk ikunu ssodisfati ċerti kondizzjonijiet, il-Programm ikun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi aderenti, pajjiżi kandidati, kandidati potenzjali u pajjiżi koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat. Jista’ jkun miftuħ ukoll għal pajjiżi terzi oħra, f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fi ftehimiet speċifiċi bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi li jkopru l-parteċipazzjoni tagħhom fi kwalunkwe programm tal-Unjoni.

(9)

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) (“ir-Regolament Finanzjarju”) japplika għall-Programm. Ir-Regolament Finanzjarju jistabbilixxi regoli dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, inkluż ir-regoli dwar għotjiet, premjijiet, akkwist pubbliku, ġestjoni indiretta, strumenti finanzjarji, garanziji baġitarji, assistenza finanzjarja u r-rimborż ta’ esperti esterni.

(10)

Ir-regoli finanzjarji orizzontali adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu 322 TFUE japplikaw għal dan ir-Regolament. Dawk ir-regoli huma stipulati fir-Regolament Finanzjarju u jiddeterminaw b’mod partikolari l-proċedura għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit permezz ta’ għotjiet, akkwist pubbliku, premji, implimentazzjoni indiretta, u jipprevedu verifiki dwar ir-responsabbiltà tal-atturi finanzjarji. Ir-regoli adottati abbażi tal-Artikolu 322 TFUE jinkludu wkoll reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

(11)

L-azzjonijiet li kienu japplikaw taħt il-programm Dwana 2020 urew li kienu adegwati u għaldaqstant jenħtieġ li jinżammu. Sabiex jipprovdu aktar sempliċità u flessibbiltà fit-twettiq tal-Programm u b’hekk jintlaħqu aħjar l-objettivi tiegħu, jenħtieġ li l-azzjonijiet jiġu definiti biss f’termini ta’ kategoriji ġenerali b’lista ta’ eżempji illustrattivi ta’ attivitajiet konkreti. Jenħtieġ li l-Programm, permezz ta’ kooperazzjoni u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet, jippromwovi u jappoġġa wkoll l-użu u l-isfruttament tal-innovazzjoni biex itejjeb ulterjorment il-kapaċitajiet biex jintlaħqu l-prijoritajiet ewlenin tad-dwana. Jenħtieġ li l-azzjonijiet iffinanzjati minn dan il-Programm jintemmu jew jiġu aġġustati sabiex isiru aktar effettivi jew rilevanti jekk fi kwalunkwe ħin juru li mhumiex adegwati.

(12)

Ir-Regolament dwar l-istrument għal tagħmir ta’ kontroll doganali dalwaqt ser jiġi adottat. Sabiex tiġi ppreservata l-koerenza u l-koordinazzjoni orizzontali tal-azzjonijiet ta’ kooperazzjoni kollha relatati mad-dwana u mat-tagħmir ta’ kontroll doganali, jixraq li tali azzjonijiet jiġu implimentati taħt att legali uniku, jiġifieri dan ir-Regolament, u li jkun fih sett wieħed ta’ regoli. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għal tagħmir ta’ kontroll doganali jappoġġa biss ix-xiri, il-manutenzjoni u l-aġġornament tat-tagħmir ta’ kontroll doganali eliġibbli, filwaqt li dan il-Programm jenħtieġ li jappoġġa l-azzjonijiet relatati l-oħra kollha, bħal azzjonijiet ta’ kooperazzjoni għall-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tat-tagħmir jew, fejn ikun xieraq, taħriġ fir-rigward tat-tagħmir mixtri.

(13)

L-iskambju ta’ informazzjoni doganali u ta’ informazzjoni relatata oħra huwa fundamentali għal funzjonament tajjeb ta -dwana u jmur lil hinn ferm mill-iskambji fi ħdan l-unjoni doganali. L-adattamenti jew l-estensjonijiet tas-sistemi elettroniċi Ewropej biex jagħmlu l-kooperazzjoni possibbli ma’ pajjiżi terzi li ma jkunux qed jipparteċipaw fil-Programm u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali jistgħu ikunu ta’ interess għall-Unjoni. Għaldaqstant, meta jkunu ġġustifikati kif xieraq b’interess bħal dan, jenħtieġ li l-adattamenti jew l-estensjonijiet korrispondenti tas-sistemi elettroniċi Ewropej ikunu eliġibbli għal finanzjament taħt il-Programm.

(14)

Meta titqies l-importanza tal-globalizzazzjoni, jenħtieġ li l-Programm ikompli jipprevedi l-possibbiltà li jiġu involuti esperti esterni skont it-tifsira tal-Artikolu 238 tar-Regolament Finanzjarju. Tali esperti esterni jenħtieġ li prinċipalment jinkludu rappreżentanti tal-awtoritajiet governattivi, inkluż awtoritajiet governattivi ta’ pajjiżi terzi li ma jkunux qed jipparteċipaw fil-Programm, kif ukoll akkademiċi u rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, ta’ operaturi ekonomiċi jew tas-soċjetà ċivili. Jenħtieġ li l-għażla ta’ esperti esterni għall-gruppi ta’ esperti tkun ibbażata fuq id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Mejju 2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-funzjonament tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni. Jenħtieġ li l-esperti esterni li jipparteċipaw fil-kapaċità personali tagħhom f’avvenimenti ad hoc taħt il-Programm, bħal laqgħat u konferenzi ta’ darba, jintgħażlu mill-Kummissjoni, inkluż minn esperti proposti mill-pajjiżi parteċipanti. Jeħtieġ li jiġi żgurat li l-esperti esterni li jinħatru fil-kapaċità personali tagħhom u li jiġu rikjesti biex jaġixxu b’mod indipendenti u fl-interess pubbliku, jaġixxu b’mod imparzjali, u ma jkun hemm l-ebda konflitt ta’ interess possibbli mar-responsabbiltajiet professjonali tagħhom. Jenħtieġ li l-informazzjoni dwar l-għażla tal-esperti esterni kollha u l-parteċipazzjoni tagħhom tkun disponibbli għall-pubbliku. Jenħtieġ li jitqies l-objettiv li tiġi żgurata rappreżentanza bilanċjata tal-partijiet ikkonċernati u l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri meta jintgħażlu esperti esterni.

(15)

F’konformità mal-impenn tal-Kummissjoni li tiżgura l-koerenza u s-simplifikazzjoni tal-programmi ta’ finanzjament, stabbilit fil-Komunikazzjoni tagħha tad-19 ta’ Ottubru 2010 intitolata “Ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE”, jenħtieġ li r-riżorsi jiġu kondiviżi ma’ strumenti oħra ta’ finanzjament tal-Unjoni jekk l-azzjonijiet previsti taħt il-Programm ikollhom objettivi li huma komuni għal diversi strumenti ta’ finanzjament, sakemm dan ma jirriżultax f’finanzjament doppju. Jenħtieġ li l-azzjonijiet taħt il-Programm jiżguraw il-koerenza fl-użu tar-riżorsi tal-Unjoni li jappoġġaw l-unjoni doganali u l-awtoritajiet doganali.

(16)

It-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-IT huma mistennija li jattiraw l-akbar sehem tal-baġit taħt il-Programm. Fost dawk l-azzjonijiet ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-IT, jenħtieġ li tingħata prijorità ewlenija lil dawk l-azzjonijiet relatati ma’ sistemi elettroniċi li huma meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-unjoni doganali u għall-awtoritajiet doganali biex iwettqu l-missjoni tagħhom.. Jenħtieġ li l-komponenti komuni u nazzjonali tas-sistemi elettroniċi Ewropej jiġu definiti f’dan ir-Regolament. Kombinamenti ta’ komponenti komuni u nazzjonali huma possibbli. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu definiti b’mod ċar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-azzjonijiet u r-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri.

(17)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi implimentat permezz ta’ programmi ta’ ħidma. Fid-dawl tan-natura fuq terminu medju sa twil tal-objettivi segwiti u abbażi tal-esperjenza miksuba matul iż-żmien, jenħtieġ li jkun possibbli li l-programmi ta’ ħidma jkunu kapaċi jkopru diversi snin. Bidla minn programmi ta’ ħidma annwali għal programmi pluriennali, tnaqqas il-piż amministrattiv kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għall-Istati Membri. Il-Programmi ta’ ħidma pluriennali jenħtieġ li jkunu għal massimu ta’ tliet snin.

(18)

Jenħtieġ li l-azzjonijiet implimentati skont il-Programm jieħdu kont tas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri fil-qasam tad-dwana, b’mod partikolari r-Rapport Speċjali Nru 19/2017 tal-5 ta’ Diċembru 2017 intitolat “Proċeduri ta’ importazzjoni: xi nuqqasijiet fil-qafas legali u implimentazzjoni ineffettiva għandhom impatt fuq l-interessi finanzjarji tal-UE”, u r-Rapport Speċjali Nru 26/2018 tal-10 ta’ Ottubru 2018 intitolat “Bosta dewmien fis-Sistemi tal-IT doganali: x’mar ħażin?”.

(19)

Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

(20)

Skont il-paragrafi 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (11), jenħtieġ li l-Programm jiġi evalwat abbażi tal-informazzjoni miġbura f’konformità ma’ rekwiżiti speċifiċi ta’ monitoraġġ, filwaqt li jiġi evitat piż amministrattiv, b’mod partikolari fuq l-Istati Membri, kif ukoll ir-regolamentazzjoni żejda. Dawk ir-rekwiżiti, fejn xieraq, jenħtieġ li jinkludu indikaturi li jistgħu jitkejlu bħala bażi biex jiġu evalwati, b’mod komparabbli u komplet, l-effetti tal-Programm fil-prattika. L-evalwazzjonijiet interim u finali, li jenħtieġ li jsiru mhux aktar tard minn erba’ snin wara l-bidu tal-implimentazzjoni u l-ikkompletar tal-Programm rispettivament, jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet effiċjenti dwar il-kooperazzjoni fil-qasam doganali taħt l-oqfsa finanzjarji pluriennali li jmiss. Huwa għalhekk tal-akbar importanza li l-evalwazzjonijiet interim u finali jinkludu informazzjoni sodisfaċenti u suffiċjenti u li dawk l-evalwazzjonijiet isiru fi żmien xieraq. Minbarra l-evalwazzjonijiet interim u finali tal-Programm, jenħtieġ li jinħarġu r-rapporti ta’ progress annwali, bħala parti mis-sistema ta’ rapportar dwar il-prestazzjoni, biex jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-Programm. Jenħtieġ li dawk ir-rapporti jinkludu sommarju tat-tagħlimiet meħuda u, fejn xieraq, tal-ostakli u n-nuqqasijiet li jkunu nstabu, fil-kuntest tal-attivitajiet tal-Programm li jkunu seħħew fis-sena inkwistjoni. Dawk ir-rapporti ta’ progress annwali jenħtieġ li jiġu kkomunikati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(21)

Sabiex ikun hemm reazzjoni xierqa għall-bidliet fil-prijoritajiet tal-politika, jenħtieġ li s-setgħa li jiġu adottati atti f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tal-lista ta’ indikaturi biex jitkejjel kemm intlaħqu l-objettivi speċifiċi tal-Programm u biex dan ir-Regolament jiġi supplimentat b’dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni. Huwa partikularment importanti li matul il-ħidma preparatorja tagħha, il-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċievuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom sistematikament aċċess għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(22)

F’konformità mar-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (UE Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) u r-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (13), (Euratom, KE) Nru 2185/96 (14) u (UE) 2017/1939 (15), l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jridu jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati, inkluż miżuri relatati mal-prevenzjoni, is-sejbien, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, inkluż frodi, mal-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod mhux korrett, u, fejn xieraq, mal-impożizzjoni ta’ penali amministrattivi. B’mod partikolari, f’konformità mar-Regolamenti (Euratom, KE) Nru 2185/96 u (UE, Euratom) Nru 883/2013, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) għandu s-setgħa li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) għandu s-setgħa, f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/1939, li jinvestiga u jressaq għall-prosekuzzjoni reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16).

F’konformità mar-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi mill-Unjoni trid tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet u l-aċċess neċessarji lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-Qorti tal-Awdituri u, fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, lill-UPPE, u tiżgura li kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni ta’ fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti.

(23)

Pajjiżi terzi jistgħu jipparteċipaw fil-Programm abbażi ta’ deċiżjoni adottata skont ftehim internazzjonali jew abbażi ta’ strumenti legali oħra. F’dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi introdotta dispożizzjoni speċifika li tirrikjedi li pajjiżi terzi jagħtu d-drittijiet u l-aċċess neċessarji meħtieġa biex l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli, l-OLAF u l-Qorti tal-Awdituri jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b’mod komprensiv.

(24)

L-ispejjeż eliġibbli jenħtieġ li jiġu ddeterminati b’referenza għan-natura tal-azzjonijiet eliġibbli u inkluż, inter alia, spejjeż ta’ vvjaġġar u ta’ sussistenza għall-parteċipanti f’ laqgħat u avvenimenti simili jew spejjeż marbuta mal-organizzazzjoni ta’ avvenimenti. Jenħtieġ li l-finanzjament taħt il-Programm ikun soġġett għall-prinċipji msemmija fir-Regolament Finanzjarju, bħat-trattament ugwali, il-proporzjonalità, it-trasparenza u jenħtieġ li jiżgura l-aħjar użu tar-riżorsi finanzjarji tiegħu fil-kisba tal-objettivi tiegħu.

(25)

Jenħtieġ li t-tipi ta’ finanzjament u l-metodi ta’ implimentazzjoni skont dan ir-Regolament jintgħażlu abbażi tal-abbiltà tagħhom li jilħqu l-objettivi speċifiċi tal-azzjonijiet u li jwasslu r-riżultati maħsuba, filwaqt li jitqiesu, b’mod partikolari, l-ispejjeż tal-kontrolli, il-piż amministrattiv, u r-riskju mistenni ta’ nuqqas ta’ konformità. Jenħtieġ li dawk it-tipi ta’ finanzjament u metodi ta’ implimentazzjoni jinkludu l-konsiderazzjoni tal-użu ta’ somom sħaħ, ta’ rati fissi u ta’ kostijiet unitarji, kif ukoll il-finanzjament mhux marbut mal-ispejjeż kif imsemmi fl-Artikolu 125(1) tar-Regolament Finanzjarju.

(26)

Peress li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment ta’ programm tal-Unjoni għal kooperazzjoni fil-qasam tad-dwana ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(27)

Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fl-għoti ta’ appoġġ fil-qasam ta’ politika rilevanti u biex l-implimentazzjoni tkun tista’ tibda mill-bidu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza u jenħtieġ li japplika, b’effett retroattiv, mill-1 ta’ Jannar 2021.

(28)

Dan ir-Regolament jissostitwixxi r-Regolament (UE) Nru 1294/2013, li għalhekk jenħtieġ li jitħassar,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-programm “Dwana” għall-kooperazzjoni fil-qasam tad-dwana (“il-Programm”) għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027. Id-durata tal-Programm għandha tkun allinjata mad-durata tal-qafas finanzjarju pluriennali.

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-objettivi tal-Programm, il-baġit għall-perijodu mill-2021sal-2027, il-forom ta’ finanzjament tal-Unjoni u r-regoli għall-forniment tat-tali finanzjament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“awtoritajiet doganali” tfisser l-awtoritajiet doganali kif iddefiniti fil-punt (1) tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013;

(2)

“Sistemi elettroniċi Ewropej” tfisser sistemi elettroniċi meħtieġa għall-unjoni doganali u għall-eżekuzzjoni tal-missjoni tal-awtoritajiet doganali, b’mod partikolari s-sistemi elettroniċi msemmija fl-Artikolu 16(1), u fl-Artikoli 278 u 280 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2019/880 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17), u f’dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw is-sistemi elettroniċi għal finijiet doganali, inkluż ftehimiet internazzjonali, bħall-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti koperti b’Carnets tat-TIR (Konvenzjoni TIR) (18).

(3)

“komponent komuni” tfisser komponent tas-sistemi elettroniċi Ewropej żviluppat fil-livell tal-Unjoni, li huwa disponibbli għall-Istati Membri kollha jew identifikat bħala komuni mill-Kummissjoni għal raġunijiet ta’ effiċjenza, sigurtà u razzjonalizzazzjoni;

(4)

“komponent nazzjonali” tfisser komponent tas-sistemi elettroniċi Ewropej, żviluppat fil-livell nazzjonali, li huwa disponibbli fl-Istat Membru li ħoloq dak il-komponent jew li kkontribwixxa għall-ħolqien konġunt tiegħu;

(5)

“pajjiż terz” tfisser pajjiż li mhuwiex Stat Membru tal-Unjoni.

Artikolu 3

Objettivi tal-programm

1.   L-objettiv ġenerali tal-Programm huwa li jappoġġa lill-unjoni doganali u l-awtoritajiet doganali li jaħdmu flimkien u li jaġixxu bħala entità waħda, biex jipproteġu l-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, biex jiżguraw is-sigurtà u s-sikurezza ġewwa l-Unjoni u biex jipproteġu lill-Unjoni minn kummerċ żleali u illegali, filwaqt li jiffaċilitaw attività kummerċjali leġittima.

2.   L-objettivi speċifiċi tal-Programm huma li jappoġġa:

(a)

it-tħejjija u l-implimentazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni u l-politika doganali;

(b)

il-kooperazzjoni doganali;

(c)

it-tisħiħ tal-kapaċitajiet amministrattivi u tal-IT, inkluż il-kompetenza umana u t-taħriġ, kif ukoll l-iżvilupp u t-tħaddim tas-sistemi elettroniċi Ewropej;

(d)

l-innovazzjoni fil-qasam tal-politika doganali.

Artikolu 4

Baġit

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perijodu 2021 – 2027 għandu jkun ta’ EUR 950 000 000 fi prezzijiet kurrenti.

2.   L-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jkopri wkoll spejjeż għat-tħejjija, il-monitoraġġ, il-kontroll, l-awditjar, l-evalwazzjoni u attivitajiet oħra għall-ġestjoni tal-Programm u għall-evalwazzjoni tal-kisba tal-objettivi tiegħu. Jista’ jkopri wkoll l-ispejjeż marbuta ma’ studji, laqgħat ta’ esperti, azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni, li jkunu relatati mal-objettivi tal-Programm, kif ukoll spejjeż marbuta ma’ networks tat-teknoloġija tal-informazzjoni li jiffukaw fuq l-ipproċessar u l-iskambju ta’ informazzjoni, inkluż għodod korporattivi tat-teknoloġija tal-informazzjoni u assistenza teknika u amministrattiva oħra meħtieġa b’rabta mal-ġestjoni tal-Programm.

Artikolu 5

Parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi fil-Programm

Il-Programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi terzi li ġejjin:

(a)

pajjiżi aderenti, pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, f’konformità mal-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi fi programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni rispettivi, jew fi ftehimiet simili […] u f’konformità mal-kondizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi;

(b)

pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, f’konformità mal-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas rispettivi u deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, jew fi ftehimiet simili, u f’konformità mal-kondizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi;

(c)

pajjiżi terzi oħra, f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fi ftehim speċifiku li jkopri l-parteċipazzjoni tal-pajjiż terz fi kwalunkwe programm tal-Unjoni, dment li l-ftehim:

(i)

jiżgura bilanċ ġust fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji tal-pajjiż terz li jipparteċipa fil-programmi tal-Unjoni;

(ii)

jistabbilixxi l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fil-programmi, inkluż il-kalkolu ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji għal programmi individwali, u l-kostijiet amministrattivi tagħhom.

(iii)

ma jagħti lill-pajjiż terz l-ebda setgħa ta’ teħid ta’ deċiżjoni fir-rigward tal-programm tal-Unjoni;

(iv)

jiggarantixxi d-drittijiet tal-Unjoni li tiżgura ġestjoni finanzjarja tajba u tipproteġi l-interessi finanzjarji tagħha.

Il-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-punt (c)(ii) tal-ewwel paragrafu għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat f’konformità mal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 6

Implimentazzjoni u forom ta’ finanzjament tal-Unjoni

1.   Il-Programm għandu jiġi implimentat taħt ġestjoni diretta f’konformità mar-Regolament Finanzjarju.

2.   Il-Programm jista’ jipprovdi finanzjament fi kwalunkwe waħda mill-forom stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju, b’mod partikolari permezz ta’ għotjiet, premjijiet, akkwist pubbliku u rimborż ta’ spejjeż ta’ vjaġġar u sussistenza mġarrba minn esperti esterni.

KAPITOLU II

ELIĠIBBILTÀ

Artikolu 7

Azzjonijiet eliġibbli

1.   L-azzjonijiet li jimplimentaw l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 biss għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament.

2.   L-azzjonijiet li jikkomplementaw jew li jappoġġaw l-azzjonijiet li jimplimentaw l-objettivi stabbiliti fir-Regolament tal-l-istrument għat-Tagħmir ta’ Kontroll Doganali għandhom ikunu wkoll eliġibbli għal finanzjament taħt il-Programm.

3.   L-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jinkludu dan li ġej:

(a)

laqgħat u avvenimenti simili ad hoc;

(b)

kollaborazzjoni strutturata bbażata fuq il-proġetti, bħall-iżvilupp kollaborattiv tal-IT minn grupp ta’ Stati Membri;

(c)

azzjonijiet ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet fl-IT, b’mod partikolari l-iżvilupp u t-tħaddim tas-sistemi elettroniċi Ewropej;

(d)

azzjonijiet ta’ tisħiħ tal-kapaċità umana u azzjonijiet ta’ tisħiħ ta’ kapaċitajiet oħrajn, inkluż taħriġ u skambju tal-aħjar prattiki;

(e)

azzjonijiet ta’ appoġġ u azzjonijiet oħra, inkluż:

(i)

studji;

(ii)

attivitajiet ta’ innovazzjoni, b’mod partikolari provi tal-kunċett, proġetti pilota, inizjattivi għall-iżvilupp ta’ prototipi, estrazzjoni intelliġenti ta’ data u kollaborazzjoni bejn is-sistemi;

(iii)

azzjonijiet ta’ komunikazzjoni żviluppati b’mod konġunt;

(iv)

kwalunkwe azzjoni oħra prevista fil-programmi ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 12, li tkun meħtieġa biex jinkisbu jew biex jiġu appoġġati l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3.

L-Anness I fih lista mhux eżawrjenti ta’ forom ta’ azzjonijiet possibbli kif msemmija fil-punti (a), (b) u (d) tal-ewwel subparagrafu.

4.   L-azzjonijiet li jikkonsistu mill-iżvilupp, l-implimentazzjoni, il-manutenzjoni u t-tħaddim ta’ adattamenti jew ta’ estensjonijiet għall-komponenti komuni tas-sistemi elettroniċi Ewropej biex tkun possibbli l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi li ma jkunux qed jipparteċipaw fil-Programm jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament meta dawn ikunu ta’ interess għall-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-arranġamenti amministrattivi meħtieġa, li jistgħu jinkludu rekwiżit għall-partijiet terzi kkonċernati li jikkontribwixxu b’mod finanzjarju għal dawn l-azzjonijiet.

5.   Meta azzjoni ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-IT kif imsemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu tikkonċerna l-iżvilupp u t-tħaddim ta’ sistema elettronika Ewropea, l-ispejjeż relatati mar-responsabbiltajiet mogħtija lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(2) biss għandhom ikunu eliġibbli għal finanzjament taħt il-Programm. L-Istati Membri għandhom iġarrbu l-ispejjeż relatati mar-responsabbiltajiet mogħtija lilhom skont l-Artikolu 11(3).

Artikolu 8

Esperti esterni

1.   Meta dan ikun ta’ benefiċċju biex titlesta azzjoni li timplimenta l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3, ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet governattivi, inkluż dawk minn pajjiżi terzi li ma jkunux qed jipparteċipaw fil-Programm, l-akkademiċi u r-rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u ta’ organizzazzjonijiet rilevanti oħra, rappreżentanti ta’ operaturi ekonomiċi, rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-operaturi ekonomiċi u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, jistgħu jieħdu sehem bħala esperti esterni f’tali azzjonijiet.

2.   L-ispejjeż imġarrba mill-esperti esterni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu eliġibbli għal rimborż taħt il-Programm f’konformità mal-Artikolu 238 tar-Regolament Finanzjarju.

3.   L-esperti esterni għall-gruppi ta’ esperti għandhom jintgħażlu mill-Kummissjoni, inkluż minn esperti proposti mill-Istati Membri.

L-esperti esterni li jipparteċipaw fil-kapaċità personali tagħhom f’avvenimenti ad hoc taħt il-Programm, bħal laqgħat u konferenzi ta’ darba, għandhom jintgħażlu mill-Kummissjoni, inkluż minn esperti proposti mill-pajjiżi parteċipanti.

L-esperti esterni għandhom jintgħażlu abbażi tal-ħiliet, l-esperjenza u l-għarfien rilevanti tagħhom għall-azzjoni speċifika u skont il-ħtiġijiet. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta, fost oħrajn, l-imparzjalità tal-esperti esterni li jinħatru fil-kapaċità personali tagħhom u li jkunu rikjesti li jaġixxu b’mod indipendenti u fl-interess pubbliku, u n-nuqqas ta’ konflitt ta’ interess mar-responsabbiltajiet professjonali tagħhom.

KAPITOLU III

GĦOTJIET

Artikolu 9

Għoti, komplementarjetà u finanzjament ikkombinat

1.   L-għotjiet taħt il-Programm għandhom jingħataw u jiġu ġestiti f’konformità mat-Titolu VIII tar-Regolament Finanzjarju.

2.   Azzjoni li tkun irċeviet kontribuzzjoni taħt il-Programm tista’ tirċievi wkoll kontribuzzjoni minn programm tal-Unjoni ieħor, dment li l-kontribuzzjonijiet ma jkoprux l-istess spejjeż. Ir-regoli tal-programm rilevanti tal-Unjoni għandhom japplikaw għall-kontribuzzjoni korrispondenti għall-azzjoni. Il-finanzjament kumulattiv ma għandux jaqbeż il-kostijiet eliġibbli totali tal-azzjoni. L-appoġġ mill-programmi differenti tal-Unjoni jista’ jiġi kkalkolat fuq bażi pro rata f’konformità mad-dokumenti li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għall-appoġġ.

3.   F’konformità mal-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 195 tar-Regolament Finanzjarju, l-għotjiet għandhom jingħataw mingħajr sejħa għal proposti meta l-entitajiet eliġibbli jkunu awtoritajiet doganali ta’ pajjiżi parteċipanti, dment li jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament.

4.   Il-ħidma tal-kumitat ta’ evalwazzjoni imsemmi fl-Artikolu 150 tar-Regolament Finanzjarju għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji ġenerali applikabbli għall-għotjiet stipulati fl-Artikolu 188 tar-Regolament Finanzjarju u b’mod partikolari, fuq il-prinċipji tat-trattament ugwali u tat-trasparenza stabbiliti fil punti (a) u (b) tal-Artikolu 188 tar-Regolament Finanzjarju, kif ukoll fuq il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

5.   Il-kumitat ta’ evalwazzjoni għandu jevalwa l-proposti abbażi tal-kriterji tal-għoti, filwaqt li jqis, fejn xieraq, ir-rilevanza tal-azzjoni proposta fid-dawl tal-objettivi segwiti, il-kwalità tal-azzjoni proposta, l-impatt tagħha, inkluż l-impatt ekonomiku, soċjali u dak ambjentali tagħha, u l-baġit u l-kosteffettività tagħha.

Artikolu 10

Rata ta’ kofinanzjament

1.   B’deroga mill-Artikolu 190 tar-Regolament Finanzjarju, il-Programm jista’ jiffinanzja sa 100 % tat-total tal-ispejjeż eliġibbli ta’ azzjoni.

2.   Ir-rata ta’ kofinanzjament applikabbli meta l-azzjonijiet ikunu jirrikjedu l-għoti ta’ għotjiet għandha tiġi stabbilita fil-programmi ta’ ħidma pluriennali msemmija fl-Artikolu 12.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI GĦAL AZZJONIJIET TA’ TISĦIĦ TAL-KAPAĊITAJIET FL-IT

Artikolu 11

Responsabbiltajiet

1.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom b’mod konġunt, u f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni msemmija fid-definizzjoni fil-punt (2) tal-Artikolu 2, jiżguraw l-iżvilupp u t-tħaddim tas-sistemi elettroniċi Ewropej, inkluż it-tfassil, l-ispeċifikazzjoni, l-ittestjar tal-konformità, l-implimentazzjoni, il-manutenzjoni, l-evoluzzjoni, il-modernizzazzjoni, is-sigurtà, l-assigurazzjoni tal-kwalità u l-kontroll tal-kwalità tagħhom.

2.   B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tiżgura dan li ġej:

(a)

l-iżvilupp u t-tħaddim ta’ komponenti komuni

(b)

il-koordinazzjoni ġenerali tal-iżvilupp u t-tħaddim tas-sistemi elettroniċi Ewropej bil-ħsieb li jinkisbu l-operabbiltà, ir-reżiljenza ċibernetika, l-interkonnettività, it-titjib kontinwu u l-implimentazzjoni sinkronizzata tagħhom, u, bħala parti minn dik il-koordinazzjoni ġenerali, il-faċilitazzjoni ta’ komunikazzjoni effiċjenti u rapida mal-Istati Membri u bejniethom dwar kwistjonijiet relatati ma’ dawk is-sistemi;

(c)

il-koordinazzjoni tas-sistemi elettroniċi Ewropej fil-livell tal-Unjoni fid-dawl tal-promozzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom fil-livell nazzjonali;

(d)

il-koordinazzjoni tal-iżvilupp u t-tħaddim tas-sistemi elettroniċi Ewropej fir-rigward tal-interazzjonijiet tagħhom ma’ partijiet terzi, minbarra azzjonijiet imfassla biex jissodisfaw rekwiżiti nazzjonali;

(e)

il-koordinazzjoni tas-sistemi elettroniċi Ewropej ma’ azzjonijiet rilevanti oħra relatati mal-gvern elettroniku fil-livell tal-Unjoni;

(f)

il-komunikazzjoni f’waqtha u trasparenti mal-partijiet ikkonċernati li jkunu involuti fl-implimentazzjoni tas-sistemi elettroniċi Ewropej fil-livelli tal-Unjoni tal-Istati Membri, b’mod partikolari dwar dewmien fl-implimentazzjoni tal-komponenti komuni u nazzjonali.

3.   B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw dan li ġej:

(a)

l-iżvilupp u t-tħaddim ta’ komponenti nazzjonali;

(b)

il-koordinazzjoni tal-iżvilupp u t-tħaddim tal-komponenti nazzjonali fil-livell nazzjonali;

(c)

il-koordinazzjoni tas-sistemi elettroniċi Ewropej ma’ azzjonijiet rilevanti oħra relatati mal-gvern elettroniku fil-livell nazzjonali;

(d)

il-forniment regolari ta’ informazzjoni lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda biex l-awtoritajiet doganali jew l-operaturi ekonomiċi kkonċernati jkunu jistgħu jagħmlu użu sħiħ u effettiv mis-sistemi elettroniċi Ewropej;

(e)

l-implimentazzjoni ta’ sistemi elettroniċi Ewropej fil-livell nazzjonali.

4.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika u taġġorna b’mod regolari, għal finijiet ta’ informazzjoni, lista indikattiva tas-sistemi elettroniċi Ewropej iffinanzjati taħt il-Programm.

KAPITOLU V

PROGRAMMAZZJONI, MONITORAĠĠ, EVALWAZZJONI U KONTROLL

Artikolu 12

Programm ta’ ħidma

1.   Il-Programm għandu jiġi implimentat permezz ta’ programmi ta’ ħidma pluriennali kif imsemmija fl-Artikolu 110(2) tar-Regolament Finanzjarju.

2.   Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-Programm, u mingħajr preġudizzju għar-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu programmi ta’ ħidma pluriennali. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 17(2).

3.   Il-programmi ta’ ħidma pluriennali għandu jkollhom l-għan li jiksbu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 permezz tal-azzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 7. Huma għandhom jistabbilixxu, fejn xieraq, l-ammont totali tal-pjan ta’ finanzjament għall-azzjonijiet kollha, u għandhom jistabbilixxu:

(a)

għal kull azzjoni:

(i)

l-objettivi segwiti u r-riżultati mistennija, f’konformità mal-objettivi ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 3;

(ii)

deskrizzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati;

(iii)

fejn xieraq, indikazzjoni tal-ammont allokat għal kull azzjoni; u

(iv)

il-metodu ta’ implimentazzjoni u skeda ta’ implimentazzjoni indikattiva;

(b)

għall-għotjiet, ir-rata massima ta’ kofinanzjament imsemmija fl-Artikolu 10(2), u fejn xieraq, il-kriterji essenzjali tal-għoti li għandhom jiġu applikati.

Artikolu 13

Monitoraġġ u rappurtar

1.   L-indikaturi għar-rappurtar dwar il-progress magħmul mill-Programm lejn il-kisba tal-objettivi ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 3 huma elenkati fl-Anness II.

2.   Biex tiżgura valutazzjoni effettiva tal-progress tal-Programm lejn il-kisba tal-għanijiet tiegħu, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 16, biex temenda l-Anness II fir-rigward tal-indikaturi meta dan ikun meqjus meħtieġ, kif ukoll biex tissupplimenta dan ir-Regolament b’dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni.

3.   Is-sistema tar-rapportar dwar il-prestazzjoni għandha tiżgura li d-data għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u r-riżultati tal-Programm jinġabru b’mod effiċjenti, effettiv u fil-ħin. Għal dak il-għan, għandhom jiġu imposti rekwiżiti ta’ rappurtar proporzjonati fuq dawk li jirċievu fondi mill-UE.

Artikolu 14

Evalwazzjoni

1.   L-evalwazzjonijiet għandhom jitwettqu f’waqthom sabiex dawn ikunu jistgħu jintużaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

2.   Għandha titwettaq evalwazzjoni interim tal-Programm mill-Kummissjoni ladarba jkun hemm informazzjoni suffiċjenti disponibbli dwar l-implimentazzjoni tiegħu, iżda mhux aktar tard minn erba’ snin wara l-bidu ta’ dik l-implimentazzjoni. Fl-evalwazzjoni interim tagħha, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-prestazzjoni tal-Programm, inkluż aspetti bħall-effikaċja, l-effiċjenza, il-koerenza, ir-rilevanza, is-sinerġiji fil-Programm u l-valur miżjud tal-Unjoni.

3.   Fi tmiem l-implimentazzjoni tal-Programm, iżda mhux aktar tard minn erba’ snin wara t-tmiem tal-perijodu speċifikat fl-Artikolu 1, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni finali tal-Programm.

4.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat il-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet, flimkien mal-osservazzjonijiet tagħha u t-tagħlimiet meħuda, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

Artikolu 15

Ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

Meta pajjiż terz jieħu sehem fil-Programm permezz ta’ deċiżjoni adottata skont ftehim internazzjonali jew abbażi ta’ kwalunkwe strument ġuridiku ieħor, il-pajjiż terz għandu jagħti d-drittijiet u l-aċċess neċessarji meħtieġa biex l-uffiċjal ta’ awtorizzazzjoni responsabbli, l-OLAF u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b’mod komprensiv. Fil-każ tal-OLAF, dawn id-drittijiet għandhom jinkludu d-dritt li jwettaq investigazzjonijiet, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, kif previst fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013.

KAPITOLU VI

EŻERĊIZZJU TAD-DELEGA U PROĊEDURA TA’ KUMITAT

Artikolu 16

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 13(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2027. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel dik id-data. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 13(2) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandha taffettwa l-validità ta’ ebda att delegat li diġà jkun fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti maħtura minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 13(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma ssir l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew, jekk qabel ma jiskadi dak il-perijodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu għarrfu lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 17

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat imsejjaħ il-“Kumitat tal-Programm Dwana”. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI U FINALI

Artikolu 18

Informazzjoni, komunikazzjoni u pubbliċità

1.   Ir-riċevituri ta’ finanzjament mill-Unjoni għandhom jirrikonoxxu l-oriġini ta’ dawk il-fondi u jiżguraw il-viżibilità tal-finanzjament tal-Unjoni, b’mod partikolari meta jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom, billi jipprovdu informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi, inkluż lill-media u lill-pubbliku.

2.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni relatati mal-Programm, mal-azzjonijiet meħuda skont il-Programm u mar-riżultati miksuba.

3.   Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Programm għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sakemm dawk il-prijoritajiet ikunu relatati mal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 3.

Artikolu 19

Tħassir

Ir-Regolament (UE) Nru 1294/2013 jitħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021.

Artikolu 20

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.   Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-kontinwazzjoni jew il-modifika tal-azzjonijiet mibdija skont ir-Regolament (UE) Nru 1294/2013, li għandu jibqa’ japplika għal dawk l-azzjonijiet sal-għeluq tagħhom.

2.   Il-pakkett finanzjarju għall-Programm jista’ jkopri wkoll l-ispejjeż tal-assistenza teknika u amministrattiva meħtieġa biex tkun żgurata t-tranżizzjoni bejn il-Programm u l-miżuri adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 1294/2013.

3.   Jekk ikun meħtieġ, l-approprjazzjonijiet jistgħu jiddaħħlu fil-baġit tal-Unjoni lil hinn mill-2027 biex ikopru l-ispejjeż previsti fl-Artikolu 4(2), biex ikunu jistgħu jiġu ġestiti azzjonijiet li ma jkunux tlestew sal-31 ta’ Diċembru 2027.

Artikolu 21

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Marzu 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  ĠU C 62,15.2.2019, p. 45.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ April 2019 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-1 ta’ Marzu 2021 (ĠU C 86, 12.3.2021, p. 1). Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Marzu 2021 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Regolament (UE) Nru 1294/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi programm ta’ azzjoni għad-dwana fl-Unjoni Ewropea għall-perijodu 2014-2020 (Dwana 2020) u jirrevoka d-Deċiżjoni Nru 624/2007/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 209).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269 tal-10.10.2013, p. 1).

(5)  Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021 p. 17).

(6)  Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi Strument ta’ Appoġġ Tekniku (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 1).

(7)  ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.

(8)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28

(9)  Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(10)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13)

(11)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(12)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal- Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(13)  Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).

(14)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292,15.11.1996, p. 2).

(15)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

(16)  Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).

(17)  Ir-Regolament (UE) 2019/880 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-introduzzjoni u l-importazzjoni ta’ beni kulturali (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 1).

(18)  ĠU L 165, 26.6.2009, p. 3.


ANNESS I

LISTA MHUX EŻAWRJENTI TA’ FOR OM TA’ AZZJONIJIET POSSIBBLI KIF IMSEMMIJA FIL-PUNTI (A), (B) U (D) TAL-EWWEL SUBPARAGRAFU TAL-ARTIKOLU 7(3)

L-azzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(3) jistgħu inter alia jieħdu l-forom li ġejjin:

1.

Laqgħat u avvenimenti ad hoc simili:

seminars u workshops li ġeneralment jattendu għalihom parteċipanti mill-pajjiżi parteċipanti kollha u li fihom isiru preżentazzjonijiet u l-parteċipanti jkunu involuti f’diskussjonijiet intensivi dwar suġġett partikolari u f’attivitajiet relatati ma’ suġġett partikolari;

żjarat ta’ ħidma, organizzata biex l-uffiċjali jkunu jistgħu jiksbu jew itejbu l-ħila esperta jew l-għarfien tagħhom f’materji doganali;

2.

kollaborazzjoni strutturata bbażata fuq Proġett:

gruppi ta’ proġett, ġeneralment magħmul minn għadd limitat ta’ pajjiżi parteċipanti, li jkunu operattivi għal perijodu ta’ żmien limitat bl-iskop li jintlaħaq objettiv predefinit b’eżitu definit b’mod preċiż, inkluż koordinazzjoni jew valutazzjoni komparattiva;

task forces, jiġifieri forom strutturati ta’ kooperazzjoni, ta’ natura permanenti jew mhux permanenti, li jlaqqgħu flimkien ħiliet esperti biex jitwettqu kompiti f’oqsma speċifiċi jew biex jitwettqu attivitajiet operazzjonali, possibbilment bl-appoġġ ta’ servizzi ta’ kollaborazzjoni online, assistenza amministrattiva u faċilitajiet ta’ infrastruttura u tagħmir;

attivitajiet ta’ monitoraġġ, imwettqa minn timijiet konġunti magħmula minn uffiċjali tal-Kummissjoni u uffiċjali tal-awtoritajiet eliġibbli biex janalizzaw il-prattiki doganali, biex jidentifikaw kwalunkwe diffikultà fl-implimentazzjoni tar-regoli u, fejn ikun il-każ, biex jagħmlu suġġerimenti għall-adattament tar-regoli u l-metodi ta’ ħidma tal-Unjoni;

3.

azzjonijiet għat-tisħiħ tal-kompetenzi umani u ta’ kapaċitajiet oħra:

taħriġ komuni jew żvilupp tat-tagħlim elettroniku biex jappoġġaw l-akkwist tal-ħiliet u l-għarfien professjonali meħtieġa relatati mad-dwana;

appoġġ tekniku, bl-għan li jittejbu l-proċeduri amministrattivi, tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva u jittejbu l-funzjonament u l-ħidmiet tal-awtoritajiet doganali permezz tal-iżvilupp u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki.


ANNESS II

INDIKATURI KIF IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 13(1)

Sabiex isir rapport dwar il-progress tal-Programm fil-kisba tal-objettivi ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 3, għandhom jintużaw l-indikaturi li ġejjin:

A.

Tisħiħ tal-kapaċitajiet (kapaċità amministrattiva, umana u fl-IT):

1.

l-Indiċi tal-Applikazzjoni u l-Implimentazzjoni tal-Liġi u l-Politika tal-Unjoni (l-għadd ta’ azzjonijiet taħt il-Programm organizzati b’rabta mal-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tad-dritt u l-politika tal-Unjoni fir-rigward tad-dwana u n-numru ta’ rakkomandazzjonijiet maħruġa b’segwitu għal dawk l-azzjonijiet);

2.

l-Indiċi tat-Tagħlim (l-għadd ta’ moduli tat-tagħlim użati; l-għadd ta’ uffiċjali mħarrġa u l-punteġġ tal-kwalità mogħti mill-parteċipanti);

3.

id-disponibbiltà ta’ sistemi elettroniċi Ewropej (f’termini ta’ perċentwal ta’ ħin);

4.

id-disponibbiltà tan-Network Komuni ta’ Komunikazzjoni (f’termini ta’ perċentwal ta’ ħin);

5.

l-użu ta’ sistemi elettroniċi Ewropej ewlenin immirati biex iżidu l-interkonnettività u biex iwasslu għal unjoni doganali mingħajr l-użu ta’ karti (għadd ta’ messaġġi skambjati u konsultazzjonijiet imwettqa);

6.

r-rata ta’ tlestija tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU) (perċentwal tal-istadji importanti milħuqa fl-implimentazzjoni tas-sistemi elettroniċi tal-KDU);

B.

Kondiviżjoni tal-għarfien u networking

1.

l-Indiċi tar-Robustezza tal-Kollaborazzjoni (il-grad ta’ networking iġġenerat, l-għadd ta’ laqgħat wiċċ imb’wiċċ, u l-għadd ta’ gruppi ta’ kollaborazzjoni online);

2.

indiċi tal-Aħjar Prattiki u Linji Gwida (l-għadd ta’ azzjonijiet taħt il-Programm organizzati b’rabta mal-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-aħjar prattika u l-linji gwida li jirrigwardaw id-dwana u l-perċentwal ta’ parteċipanti li għamlu użu minn linji gwida dwar il-prattiki ta’ ħidma li ġew żviluppati bl-appoġġ tal-Programm).