12.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 85/149


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/439

tat-3 ta’ Marzu 2021

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 215/2014 fir-rigward taż-żieda ta’ objettiv tematiku ġdid man-nomenklatura tal-kategoriji ta’ intervent għall-FEŻR, għall-FSE u għall-Fond ta’ Koeżjoni fil-qafas tal-mira tal-Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 96(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 215/2014 (2) jistabbilixxi n-nomenklatura tal-kategoriji ta’ intervent għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni taħt l-Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi.

(2)

L-Artikolu 92b(9) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 kif emendat bir-Regolament (UE) 2020/2221 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi l-objettiv tematiku ġdid “Trawwim ta’ miżuri li jsewwu d-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali tagħha u t-tħejjija ta’ rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija”, li fil-qafas tiegħu għandha tingħata l-għajnuna mir-riżorsi addizzjonali mill-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru. Minħabba ż-żieda ta’ dak l-objettiv tematiku, jenħtieġ li t-Tabella 5 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 215/2014 tiġi emendata skont dan.

(3)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni immedjata tal-miżuri previsti f’dan ir-Regolament, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(4)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Koordinament għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fit-Tabella 5 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 215/2014, tiżdied ir-ringiela li ġejja:

“13

– Trawwim ta’ miżuri li jsewwu d-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali tagħha u t-tħejjija ta’ rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 215/2014 tas-7 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd u li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd fir-rigward ta’ metodoloġiji tal-appoġġ għat-tibdil fil-klima, id-determinazzjoni tal-istadji importanti u l-miri fil-qafas tal-prestazzjoni u n-nomenklatura ta’ kategoriji ta’ intervent għall-Fondi ta’ Investiment Strutturali Ewropej (ĠU L 69, 8.3.2014, p. 65).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2020/2221 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta’ riżorsi addizzjonali u arranġamenti ta’ implimentazzjoni biex jipprovdi assistenza għat-trawwim ta’ miżuri li jsewwu d-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali tagħha u għat-tħejjija ta’ rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija (REACT-EU) (ĠU L 437, 28.12.2020, p. 30).