11.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 84/18


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/426

tal-10 ta’ Marzu 2021

li jikkoreġi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1263/2011 fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tal-Lactococcus lactis (NCIMB 30160) bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-użu tal-preparazzjoni ta’ Lactococcus lactis NCIMB 30160 bħala addittiv tal-għalf ġie awtorizzat għall-ispeċijiet kollha tal-annimali bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1263/2011 (2) għal perjodu ta’ 10 snin.

(2)

Sussegwentement, l-awtorizzazzjoni ġiet modifikata bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1092 (3) skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-addittiv.

(3)

Il-modifika maħsuba ma kinitx tikkonċerna l-perjodu ta’ awtorizzazzjoni stabbilit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1263/2011, li kellu jibqa’ għaddej sas-26 ta’ Diċembru 2021. Madankollu, fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1092, ġie indikat bi żball li l-perjodu ta’ awtorizzazzjoni għal-Lactococcus lactis NCIMB 30160 kellu jibqa’ għaddej sas-16 ta’ Awwissu 2030. Għalhekk, dak iż-żball iddaħħal fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1263/2011 permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1092.

(4)

Għal raġunijiet ta’ ċarezza u ċertezza legali, huwa meħtieġ għalhekk li jiġi kkoreġut ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1263/2011 fir-rigward tat-tmiem tal-perjodu ta’ awtorizzazzjoni għal-Lactococcus lactis NCIMB 30160.

(5)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1092 ippreveda li l-modifika li trid issir fit-termini tal-awtorizzazzjoni tal-addittiv Lactococcus lactis NCIMB 30160 kienet tikkonċerna biss il-formulazzjoni tal-addittiv. Ma saret l-ebda referenza għall-ħtieġa li jiġi modifikat il-perjodu ta’ awtorizzazzjoni ta’ dak l-addittiv. Flimkien ma’ dan, l-Artikolu 9(8) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jippreskrivi li l-awtorizzazzjonijiet jingħataw għal perjodu ta’ għaxar snin u tali regola ma tistax tiġi dderogata permezz ta’ modifika fit-termini ta’ awtorizzazzjoni. Barra minn hekk, ir-Reġistru tal-addittivi tal-għalf kompla jsemmi d-data tas-26 ta’ Diċembru 2021 bħala d-data tal-iskadenza tal-awtorizzazzjoni tal-addittiv Lactococcus lactis NCIMB 30160, anke wara l-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1092. In-nuqqas ta’ effett retroattiv tal-korrezzjoni proposta jwassal għal ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn l-operaturi, billi l-għoti ta’ perjodu estiż ta’ awtorizzazzjoni mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1092 lill-addittiv Lactococcus lactis NCIMB 30160 ikun ta’ benefiċċju biss għall-operaturi li jikkummerċjalizzaw jew jużaw dak l-addittiv. Barra minn hekk, f’dan il-każ ir-retroattività ma titqiesx li taffettwa l-aspettattivi leġittimi tal-operaturi kkonċernati. Fl-aħħar nett, il-korrezzjoni proposta tressqet f’kuntest mhux kriminali, billi jitqies li t-tmiem żbaljat tal-perjodu ta’ awtorizzazzjoni msemmi fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1092 kien ir-riżultat ta’ żball. Għaldaqstant, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika retroattivament mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1092.

(6)

Sabiex jiġu ppreservati l-aspettattivi leġittimi tal-partijiet interessati u minħabba l-applikazzjoni retroattiva tal-korrezzjoni proposta, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b’urġenza.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1263/2011 huwa emendat kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mis-16 ta’ Awwissu 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1263/2011 tal-5 ta’ Diċembru 2011 li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni ta’ Lactobacillus buchneri (DSM 16774), Lactobacillus buchneri (DSM 12856), Lactobacillus paracasei (DSM 16245), Lactobacillus paracasei (DSM 16773), Lactobacillus plantarum (DSM 12836), Lactobacillus plantarum (DSM 12837), Lactobacillus brevis (DSM 12835), Lactobacillus rhamnosus (NCIMB 30121), Lactococcus lactis (DSM 11037), Lactococcus lactis (NCIMB 30160), Pediococcus acidilactici (DSM 16243) u Pediococcus pentosaceus (DSM 12834) bħala addittivi tal-għalf għall-ispeċi tal-annimali kollha (ĠU L 322, 6.12.2011, p. 3).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1092 tal-24 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1263/2011 fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tal-Lactococcus lactis (NCIMB 30160) bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali (ĠU L 241, 27.7.2020, p. 10).


ANNESS

Fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1263/2011, l-entrata dwar l-addittiv Lactococcus lactis NCIMB 30160 bin-numru ta’ identifikazzjoni 1k2082 hija kkoreġuta kif ġej:

 

Fil-kolonna “Tmiem il-perjodu ta’ awtorizzazzjoni”, id-data: “16.8.2030” hija sostitwita bi: “26.12.2021”.