11.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 84/16


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/425

tad-9 ta’ Marzu 2021

li jissospendi l-miżuri ta’ politika kummerċjali li jikkonċernaw ċerti prodotti mill-Istati Uniti tal-Amerka imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1646 wara l-aġġudikazzjoni ta’ tilwima kummerċjali skont il-Fehim dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 654/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni għall-applikazzjoni u l-infurzar ta’ regoli kummerċjali internazzjonali u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Komunità fil-qasam ta’ politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b’mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-7 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1646 (2) dwar miżuri ta’ politika kummerċjali li jikkonċernaw ċerti prodotti mill-Istati Uniti tal-Amerika (l-Istati Uniti) wara l-aġġudikazzjoni ta’ tilwima kummerċjali skont il-Ftehim dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) li jipprevedi l-applikazzjoni ta’ dazji doganali addizzjonali fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ għadd ta’ prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti.

(2)

Il-premessa 9 tar-Regolament (UE) 2020/1646 tipprovdi li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tissospendi l-applikazzjoni tar-Regolament f’każ ta’ sospensjoni mill-Istati Uniti tal-kontromiżuri kontra l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti mill-Unjoni Ewropea, fir-rigward tat-tilwim tad-WTO dwar inġenji tal-ajru ċivili kbar.

(3)

Fl-4 ta’ Marzu 2021, intlaħaq ftehim mal-Istati Uniti biex jiġu sospiżi b’mod reċiproku l-miżuri kollha għal perjodu ta’ erba’ xhur, biex ikunu jistgħu jsiru n-negozjati għal soluzzjoni bilanċjata tat-tilwim tad-WTO dwar inġenji tal-ajru ċivili kbar, hekk kif jitlestew il-proċeduri interni fuq iż-żewġ naħat.

(4)

F’konformità mal-Artikolu 7(4) tar-Regolament (UE) Nru 654/2014, il-Kummissjoni tista’ tadotta minnufih atti ta’ implimentazzjoni applikabbli li jissospendu miżuri ta’ politika kummerċjali għal raġunijiet ta’ urġenza, meta din is-sospensjoni tkun relatata mal-modifika tal-miżura tal-pajjiż terz ikkonċernat,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1646 hija b’dan sospiża għal perjodu ta’ erba’ xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Għaldaqstant, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe sospensjoni jew modifika ulterjuri, id-dazji previsti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1646 għandhom jerġgħu japplikaw b’effett mill-11 ta’ Lulju 2021 u inkluż.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 189, 27.6.2014, p. 50; emendat bir-Regolament (UE) 2015/1843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2015 (ĠU L 272, 16.10.2015, p. 1) u bir-Regolament (UE) 2021/167 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2021 (ĠU L 49, 12.2.2021, p. 1).

(2)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1646 tas-7 ta’ Novembru 2020 dwar miżuri ta’ politika kummerċjali li jikkonċernaw ċerti prodotti mill-Istati Uniti tal-Amerka wara l-aġġudikazzjoni ta’ tilwima kummerċjali skont il-Fehim dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ĠU L 373, 9.11.2020, p. 1).