4.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 74/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/382

tat-3 ta’ Marzu 2021

li jemenda l-Annessi tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel fir-rigward tal-ġestjoni tal-allerġeni tal-ikel, ir-ridistribuzzjoni tal-ikel u l-kultura tas-sikurezza tal-ikel

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(1)(c) u (d) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 jistabbilixxi regoli ġenerali għall-operaturi tan-negozji tal-ikel dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel filwaqt li jqis il-prinċipju li fil-katina alimentari kollha jeħtieġ tkun żgurata s-sikurezza tal-ikel, l-ewwel nett mill-produzzjoni primarja. Għaldaqstant, l-operaturi tan-negozji tal-ikel jeħtieġ jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ġenerali tal-iġjene stabbiliti fl-Annessi I u II ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Fit-30 ta’ Ottubru 2014, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) aġġornat il-parir xjentifiku tagħha dwar l-evalwazzjoni ta’ ikel allerġeniku u ingredjenti tal-ikel għall-finijiet ta’ tikkettar (2), li jindika li l-preżenza ta’ allerġiji tal-ikel madwar l-Ewropa ġiet stmata għal bejn 3 % u 4 % kemm għall-adulti kif ukoll għat-tfal. L-awtorità kkonkludiet li, filwaqt li l-allerġiji tal-ikel jaffettwaw proporzjon relattivament żgħir tal-popolazzjoni, reazzjoni allerġika tista’ tkun severa, u potenzjalment fatali, u kulma jmur qed jidher aktar li l-persuni b’allerġiji jew intolleranzi tal-ikel jesperjenzaw tnaqqis sinifikanti ħafna fil-kwalità tal-ħajja.

(3)

F’Settembru 2020, il-Kummissjoni Codex Alimentarius adottat kodiċi ta’ prattika dwar il-ġestjoni tal-allerġeni tal-ikel għall-operaturi tan-negozji tal-ikel (CXC 80-2020) li jinkludi rakkomandazzjonijiet dwar il-mitigazzjoni tal-allerġeni tal-ikel b’approċċ armonizzat fil-katina alimentari bbażat fuq rekwiżiti ġenerali tal-iġjene.

(4)

Jekk titqies l-adozzjoni tal-istandard globali CXC 80-2020 u l-aspettattivi tal-konsumaturi u tas-sħab kummerċjali li l-ikel prodott fl-UE jkun konformi tal-anqas ma’ dawn l-istandard globali, jeħtieġ jiġu introdotti rekwiżiti li jintroduċu prattiki tajba tal-iġjene biex jipprevjenu jew jillimitaw il-preżenza ta’ sustanzi li jikkawżaw allerġiji jew intolleranzi, kif imsemmi fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 f’tagħmir, trasportaturi u/jew kontenituri użati għall-ħsad, għat-trasport jew għall-ħżin tal-oġġetti tal-ikel. Billi l-kontaminazzjoni tal-oġġetti tal-ikel tista’ sseħħ kemm fil-livell tal-produzzjoni primarja kif ukoll fi stadji lil hinn minn dik il-produzzjoni, jenħtieġ jiġu emendati ż-żewġ Annessi I u II tar-Regolament (KE) Nru 852/2004.

(5)

L-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” għal sistema tal-ikel ġusta, sana u favur l-ambjent, adottata mill-Kummissjoni, hi komponent ewlieni tal-inizjattiva tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. It-tnaqqis fil-ħela tal-ikel hu wieħed mill-objettivi tal-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” li se jikkontribwixxi wkoll biex tinkiseb ekonomija ċirkolari. Ir-ridistribuzzjoni tal-ikel żejjed għall-konsum mill-bniedem, b’mod partikolari b’donazzjonijiet tal-ikel, meta jkun sikur li dan isir, tiżgura l-ogħla valur tar-riżorsi tal-ikel li jittieklu, filwaqt li tipprevjeni l-ħela tal-ikel.

(6)

Fis-27 ta’ Settembru 2018, l-Awtorità adottat it-tieni opinjoni xjentifika dwar l-approċċi tal-analiżi tal-perikli għal ċerti stabbilimenti żgħar tal-bejgħ bl-imnut u donazzjonijiet tal-ikel (3). Fl-opinjoni, din tiddikjara li d-donazzjonijiet tal-ikel jippreżentaw diversi sfidi ġodda għas-sikurezza tal-ikel fil-livell tal-bejgħ bl-imnut u għalhekk tirrakkomanda diversi rekwiżiti ġenerali addizzjonali tal-iġjene. Għalhekk jeħtieġ jiġu stabbiliti ċerti rekwiżiti biex tiġi promossa u ffaċilitata r-ridistribuzzjoni tal-ikel, filwaqt li tkun żgurata s-sikurezza tiegħu għall-konsumaturi.

(7)

F’Settembru 2020, il-Kummissjoni tal-Codex Alimentarius adottat reviżjoni tal-istandard globali tagħha dwar il-Prinċipji Ġenerali tal-Iġjene tal-Ikel (CXC 1-1969). Is-CXC 1-1969 rivedut jintroduċi l-kunċett ta’ “kultura tas-sikurezza tal-ikel” bħala prinċipju ġenerali. Il-Kultura tas-Sikurezza tal-Ikel ittejjeb is-sikurezza tal-ikel billi żżid l-għarfien u ttejjeb l-imġiba tal-impjegati fl-istabbilimenti tal-ikel. Dan l-impatt fuq is-sikurezza tal-ikel intwera f’diversi pubblikazzjonijiet xjentifiċi.

(8)

Meta wieħed iqis ir-reviżjoni tal-istandard globali u l-aspettattivi tal-konsumaturi u tas-sħab kummerċjali li l-ikel prodott fl-UE jikkonforma tal-anqas ma’ dan l-istandard globali, jeħtieġ li fir-Regolament (KE) Nru 852/2004 jiġu inklużi rekwiżiti ġenerali dwar il-kultura tas-sikurezza tal-ikel.

(9)

Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 jenħtieġ jiġi emendat skont dan.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi I u II tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 huma emendati skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1.

(2)  http://www.efsa.europa.eu/sites/default/files/consultation/140523.pdf

(3)  EFSA Journal 2018; 16(11):5432


ANNESS

(1)   

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 huwa emendat kif ġej:

Fil-Parti A, it-Taqsima II, jiddaħħal il-punt 5a li ġej:

“5a.

It-tagħmir, it-trasportaturi u/jew il-kontenituri użati għall-ħsad, għat-trasport jew għall-ħżin ta’ waħda mis-sustanzi jew mill-prodotti li jikkawżaw allerġiji jew intolleranzi, imsemmija fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, ma għandhomx jintużaw għall-ħsad, għat-trasport jew għall-ħżin ta’ xi ikel li ma fihx dik is-sustanza jew dak il-prodott, sakemm it-tagħmir, it-trasportaturi u/jew il-kontenituri ma jkunux tnaddfu u ġew verifikati tal-inqas għan-nuqqas ta’ xi residwu viżibbli ta’ dik is-sustanza jew ta’ dak il-prodott.”

(2)   

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 huwa emendat kif ġej:

(a)

L-introduzzjoni hija sostitwita b’dan li ġej:

“INTRODUZZJONI

Il-Kapitoli V, Va, VI, VII, VIII, IX, X, XI, XIa u XII japplikaw għall-istadji kollha tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tad-distribuzzjoni tal-ikel. Il-Kapitoli li jifdal japplikaw kif ġej:

Il-Kapitolu I japplika għall-istabbilimenti tal-ikel kollha, għajr għall-istabbilimenti li japplika għalihom il-Kapitolu III;

Il-Kapitolu II japplika għall-kmamar kollha fejn ikun preparat, trattat jew ipproċessat l-ikel, għajr għaż-żoni fejn jiġi servut l-ikel u l-istabbilimenti li japplika għalihom il-Kapitolu III;

Il-Kapitolu III japplika għall-istabbilimenti elenkati fl-intestatura ta’ dak il-Kapitolu;

Il-Kapitolu IV japplika għat-trasportazzjoni kollha”;

(b)

Wara l-Kapitolu V jiddaħħal il-Kapitolu Va li ġej:

“KAPITOLU Va

Ridistribuzzjoni tal-ikel

L-operaturi tan-negozji tal-ikel jistgħu jirridistribwixxu l-ikel għall-fini ta’ donazzjoni tal-ikel, soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(1)

L-operaturi tan-negozji tal-ikel għandhom jivverifikaw b’rutina jekk l-ikel fir-responsabbiltà tagħhom hux ta’ ħsara għas-saħħa u jekk hux tajjeb għall-konsum mill-bniedem skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 (*1). Jekk il-verifika mwettqa tkun sodisfaċenti, l-operaturi tan-negozji tal-ikel jistgħu jirridistribwixxu l-ikel skont il-punt (2):

għall-ikel li għalih tiġi applikata data ta’ “uża sa” skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, qabel tiskadi dik id-data;

għall-ikel li għalih tiġi applikata data ta’ durabbiltà minima skont l-Artikolu 2(2)(r) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, sa u wara dik id-data; jew,

għall-ikel li għalih mhix meħtieġa data ta’ durabbiltà minima skont il-punt 1(d) tal-Anness X tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, f’xi ħin previst.

(2)

L-operaturi tan-negozji tal-ikel, li jittrattaw l-ikel imsemmi fil-punt 1, għandhom jivvalutaw jekk l-ikel hux ta’ ħsara għas-saħħa u jekk hux tajjeb għall-konsum mill-bniedem billi jqisu tal-anqas dan li ġej:

id-data ta’ durabbiltà minima jew id-data ta’ “uża sa”, li tiżgura li jkun fadal biżżejjed żmien fuq l-ixkaffa biex tippermetti r-ridistribuzzjoni sikura u l-użu mill-konsumatur finali;

l-integrità tal-imballaġġ, meta applikabbli;

il-kundizzjonijiet xierqa tal-ħżin u tat-trasport, inkluż ir-rekwiżiti applikabbli tat-temperatura;

id-data tal-iffriżar skont il-punt 2(b) tat-Taqsima IV tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), meta applikabbli;

il-kundizzjonijiet organolettiċi;

l-assigurazzjoni tat-traċċabbiltà skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 931/2011 (*3), fil-każ ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali.

(*1)  Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1)."

(*2)  Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55)."

(*3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 931/2011 tad-19 ta’ Settembru 2011 dwar ir-rekwiżiti tat-traċċabbiltà stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 242, 20.9.2011, p. 2).”"

(c)

Fil-Kapitolu IX, jiddaħħal il-punt 9 li ġej:

“9.

It-tagħmir, it-trasportaturi u/jew il-kontenituri użati għall-ipproċessar, għat-trattament, għat-trasport jew għall-ħżin ta’ waħda mis-sustanzi jew mill-prodotti li jikkawżaw allerġiji jew intolleranzi, imsemmija fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, ma għandhomx jintużaw għall-ipproċessar, għat-trattament, għat-trasport jew għall-ħżin ta’ xi ikel li ma fihx dik is-sustanza jew dak il-prodott, sakemm it-tagħmir, it-trasportaturi u/jew il-kontenituri ma jkunux tnaddfu u ġew verifikati tal-inqas għan-nuqqas ta’ xi residwu viżibbli ta’ dik is-sustanza jew ta’ dak il-prodott.”

(d)

Wara l-Kapitolu XI jiddaħħal il-Kapitolu XIa li ġej:

“KAPITOLU XIa

Kultura tas-Sikurezza tal-Ikel

1.

L-operaturi tan-negozji tal-ikel għandhom jistabbilixxu, iżommu u jipprovdu evidenza ta’ kultura tas-sikurezza tal-ikel xierqa billi jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

l-impenn tal-maniġment, skont il-punt 2, u l-impjegati kollha għal produzzjoni u distribuzzjoni sikuri tal-ikel;

(b)

tmexxija lejn il-produzzjoni ta’ ikel sikur u l-involviment tal-impjegati kollha fil-prattiki tas-sikurezza tal-ikel;

(c)

għarfien dwar il-perikli għas-sikurezza tal-ikel u l-importanza tas-sikurezza tal-ikel u tal-iġjene mill-impjegati kollha fin-negozju;

(d)

komunikazzjoni miftuħa u ċara bejn l-impjegati kollha fin-negozju, f’attività u bejn attivitajiet konsekuttivi, inkluż il-komunikazzjoni ta’ devjazzjonijiet u aspettattivi;

(e)

id-disponibbiltà ta’ riżorsi suffiċjenti biex ikun żgurat it-trattament sikur u iġjeniku tal-ikel.

2.

L-impenn tal-maniġment għandu jinkludi:

(a)

l-iżgurar li r-rwoli u r-responsabbiltajiet jiġu kkomunikati b’mod ċar f’kull attività tan-negozju tal-ikel;

(b)

iż-żamma tal-integrità tas-sistema tal-iġjene tal-ikel meta jkunu ppjanati u implimentati xi bidliet;

(c)

verifika li l-kontrolli qed isiru fil-ħin u b’mod effiċjenti, u li d-dokumentazzjoni hi aġġornata;

(d)

l-iżgurar li għall-persunal hemm fis-seħħ taħriġ u superviżjoni xierqa;

(e)

l-iżgurar tal-konformità mar-rekwiżiti regolatorji rilevanti;

(f)

l-inkoraġġiment ta’ titjib kontinwu tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza tal-ikel tan-negozju, meta xieraq, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi fix-xjenza u fit-teknoloġija u l-awqa prattiki.

3.

L-implimentazzjoni tal-kultura tas-sikurezza tal-ikel għandha tqis in-natura u d-daqs tan-negozju tal-ikel.”

(*1)  Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

(*2)  Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55).

(*3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 931/2011 tad-19 ta’ Settembru 2011 dwar ir-rekwiżiti tat-traċċabbiltà stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 242, 20.9.2011, p. 2).””