17.2.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 56/1 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/236
tal-21 ta’ Diċembru 2020
li jemenda l-istandards tekniċi stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 fir-rigward taż-żmien meta se jibdew japplikaw ċerti proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju għall-fini tal-iskambju tal-kollateral
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivattivi OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(15) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2251 (2) jispeċifika, fost l-oħrajn, il-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju, inklużi l-livelli u t-tip ta’ kollateral u arranġamenti ta’ segregazzjoni msemmija fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, li l-kontropartijiet finanzjarji huma meħtieġa li jkollhom għall-iskambju ta’ kollateral, fir-rigward tal-kuntratti tad-derivattivi OTC tagħhom mhux ikklerjati minn kontroparti ċentrali. Ir-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 jimplimenta l-qafas internazzjonali għall-iskambju ta’ kollateral li ntlaħaq qbil dwaru fil-livell globali mill-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO). |
(2) |
Ħafna kontropartijiet jidħlu f’kuntratti forward tal-kambju saldati fiżikament u saldati fiżikament biex jiħħeġġjaw ir-riskji tagħhom assoċjati mal-iskoperturi għar-riskju tal-munita tagħhom. Fid-dawl tal-profil tar-riskju speċifiku ta’ dawn il-kuntratti u l-ħtieġa għal konverġenza regolatorja internazzjonali, huwa xieraq li jiġi ristrett l-iskambju obbligatorju tal-marġni ta’ varjazzjoni għal dawk il-kuntratti bejn il-kontropartijiet l-aktar sistemiċi. Jenħtieġ li tiġi introdotta eżenzjoni permanenti għal dawn il-kuntratti meta jsiru ma’ non istituzzjonijiet. |
(3) |
Ir-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 jipprevedi introduzzjoni gradwali fuq għadd ta’ snin li tirrifletti l-iskeda ta’ implimentazzjoni maqbula mill-BCBS u l-IOSCO. Din l-introduzzjoni gradwali għandha l-għan li tiżgura konsistenza internazzjonali u b’hekk timminimizza l-possibbiltajiet għal arbitraġġ regolatorju. L-introduzzjoni gradwali għandha wkoll l-għan li tiffaċilita implimentazzjoni proporzjonata u effettiva tar-rekwiżiti kkonċernati billi tagħti lill-kontropartijiet, skont il-kategorija tal-kontroparti, dwar it-tip ta’ kuntratt u dwar meta sar jew ġie rinnovat il-kuntratt, biżżejjed żmien biex jadattaw is-sistemi u l-proċessi interni tagħhom għar-rekwiżiti kkonċernati. Fl-aħħar nett, l-introduzzjoni gradwali prevista fir-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 tqis il-kamp ta’ applikazzjoni u l-livell ta’ implimentazzjoni għar-rekwiżiti dwar l-iskambju ta’ kollateral li kien hemm qbil dwarhom mill-BCBS u l-IOSCO għal ġurisdizzjonijiet oħra, u b’hekk tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq u jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi globali għall-kontropartijiet stabbiliti fl-Unjoni. B’mod partikolari, ir-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 jipprevedi aktar żmien għal ċerti prodotti li mhumiex soġġetti għal rekwiżiti ta’ marġni ekwivalenti f’ġurisdizzjonijiet oħra. |
(4) |
Il-BCBS u l-IOSCO issa emendaw l-iskeda tagħhom għall-implimentazzjoni tar-rekwiżiti dwar l-iskambju ta’ kollateral biex jappoġġaw l-implimentazzjoni bla xkiel u ordnata tar-rekwiżiti tal-marġini fil-livell internazzjonali, u b’mod partikolari minħabba li kontropartijiet iżgħar ma kinux kapaċi jilħqu l-iskadenza prevista oriġinarjament. Barra minn hekk, għad hemm pajjiżi terzi li fihom ċerti prodotti mhumiex soġġetti għal rekwiżiti ta’ marġni ekwivalenti. Għalhekk, jenħtieġ li dik l-emenda għall-iskeda ta’ implimentazzjoni tal-BCBS u tal-IOSCO tiġi riflessa fl-introduzzjoni gradwali prevista fir-Regolament Delegat (UE) 2016/2251. |
(5) |
L-awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (l-ASE) immonitorjaw il-progress li l-kontropartijiet għamlu fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-marġni inizjali għal derivattivi kklerjati mhux ċentralment. L-ASE huma konxji li fil-fażi finali tal-implimentazzjoni, ir-rekwiżiti tal-marġni inizjali se japplikaw għall-ewwel darba għal għadd kbir ta’ entitajiet. Fl-interess li tiġi appoġġata l-implimentazzjoni bla xkiel u ordnata tar-rekwiżiti tal-marġini fost il-membri tal-BCBS u l-IOSCO u biex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq, l-iskadenza għall-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-marġni inizjali jenħtieġ li tiġi estiża b’sena żejda għall-kontropartijiet b’ammont nozzjonali aggregat medju ta’ derivattivi kklerjati mhux ċentralment bejn EUR 8 biljun u EUR 50 biljun. |
(6) |
L-ASE mmonitorjaw ukoll l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq is-swieq finanzjarji, u b’mod partikolari fir-rigward tal-isfidi sinifikanti għall-kontropartijiet mill-COVID-19, inkluż l-ispostament tal-persunal u l-ħtieġa li r-riżorsi jiġu ffukati fuq il-ġestjoni tar-riskji assoċjati mal-volatilità tas-suq relatata. Il-qafas tal-BCBS-IOSCO ġie emendat ukoll biex iqis dawk l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19 u biex jipposponi l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-marġni inizjali. Dik l-emenda jeħtieġ li tiġi riflessa fl-iskeda ta’ implimentazzjoni stabbilita fir-Regolament Delegat (UE) 2016/2251. Tali estensjoni ulterjuri tal-iskadenza għall-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-marġni inizjali tirriżulta f’kontropartijiet b’ammont nozzjonali aggregat medju ta’ derivattivi kklirjati mhux ċentralment ogħla minn EUR 50 biljun li jkunu soġġetti għar-rekwiżiti tal-marġni inizjali mill-1 ta’ Settembru 2021, u kontropartijiet b’ammont nozzjonali medju aggregat ta’ derivattivi kklerjati mhux ċentralment ogħla minn EUR 8 biljun li jkunu soġġetti għar-rekwiżiti tal-marġni inizjali mill-1 ta’ Settembru 2022. |
(7) |
Ir-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 jipprevedi data differita tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-marġini bilaterali għal kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment konklużi bejn kontropartijiet li huma parti mill-istess grupp u fejn kontroparti waħda tkun stabbilita f’pajjiż terz u l-kontroparti l-oħra tkun stabbilita fl-Unjoni. Dik id-data differita tal-applikazzjoni kienet meħtieġa biex jiġi żgurat li tali kuntratti tad-derivattivi OTC ma kinux soġġetti għar-rekwiżiti tal-marġini bilaterali qabel l-adozzjoni ta’ att ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Minkejja l-isforzi investiti biex jiġu analizzati ġurisdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi li fir-rigward tagħhom jista’ jkun meħtieġ kwalunkwe att ta’ implimentazzjoni bħal dan, sal-lum, żewġ atti ta’ implimentazzjoni bħal dawn biss ġew adottati skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet ta’ derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment. L-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-marġini bilaterali għal kuntratti intragrupp tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment għalhekk jenħtieġ li tiġi differita aktar sabiex jiġi evitat l-impatt ekonomiku detrimentali mhux intenzjonat li jkollha l-iskadenza ta’ dik l-eżenzjoni fuq id-ditti tal-Unjoni. |
(8) |
Sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi globali għall-kontropartijiet stabbiliti fl-Unjoni, jenħtieġ li tiġi żgurata wkoll konverġenza regolatorja internazzjonali fir-rigward tal-proċeduri ta’ ġestjoni tar-riskju għal klassijiet oħra ta’ derivattivi OTC li mhumiex soġġetti għal rekwiżiti ta’ marġni ekwivalenti. B’mod partikolari, filwaqt li jiġi rikonoxxut il-fatt li f’xi ġurisdizzjonijiet opzjonijiet ta’ ekwità ta’ stokk uniku u opzjonijiet ta’ indiċi mhumiex soġġetti għal rekwiżiti ta’ marġni ekwivalenti, u li huwa improbabbli, speċjalment fil-kuntest attwali, li dawk il-ġurisdizzjonijiet dalwaqt jimxu lejn aktar konverġenza regolatorja fir-rigward ta’ dawk il-prodotti, it-trattament ta’ dawk il-prodotti għandu jiġi introdott aktar gradwalment. Dak il-perjodu ta’ introduzzjoni gradwali ulterjuri jenħtieġ li jipprovdi żmien għall-monitoraġġ tal-iżviluppi regolatorji f’ġurisdizzjonijiet oħra u jenħtieġ li jiżgura li fl-Unjoni jkun hemm rekwiżiti xierqa biex jimmitigaw ir-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti fir-rigward ta’ tali kuntratti filwaqt li jiġi evitat l-ambitu għal arbitraġġ regolatorju. |
(9) |
Ir-Renju Unit sar pajjiż terz fl-1 ta’ Frar 2020 u d-dritt tal-Unjoni mhux se jibqa’ japplika għar-Renju Unit u fih fil-31 ta’ Diċembru 2020. Ir-rekwiżit għal skambju ta’ kollateral stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward ta’ kuntratti ta’ derivattivi barra l-borża (over-the-counter, “OTC”) mhux ikklerjati minn kontroparti ċentrali (centra; counterpart, “CCP”) ma jqisx l-eventwalità li Stat Membru joħroġ mill-Unjoni. L-isfidi ffaċċjati mill-partijiet ta’ kuntratt ta’ derivattivi OTC li l-kontropartijiet tiegħu huma stabbiliti fir-Renju Unit, huma konsegwenza diretta ta’ avveniment li huwa lil hinn mill-kontroll tagħhom u jista’ jpoġġihom fi żvantaġġ meta mqabbel ma’ kontropartijiet oħra fl-Unjoni. Ir-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 jispeċifika dati differenti ta’ applikazzjoni tal-proċeduri għall-iskambju ta’ kollateral għall-kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment, skont il-kategorija tal-kontroparti għal dawn il-kuntratti. Il-kontropartijiet ma jistgħux jipprevedu x’jista’ jkun l-istatus ta’ kontroparti stabbilita fir-Renju Unit jew sa liema punt din il-kontroparti tkun tista’ tkompli tipprovdi ċerti servizzi lil kontrapartijiet stabbiliti fl-Unjoni. |
(10) |
Biex jindirizzaw din is-sitwazzjoni, il-kontropartijiet jistgħu jkunu jridu jissostitwixxu l-kuntratt tagħhom billi kontroparti stabbilita fi Stat Membru tieħu post il-kontroparti stabbilita fir-Renju Unit. Qabel bdew japplikaw ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 u r-Regolament Delegat (UE) 2016/2251, il-kontropartijiet għall-kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment ma kinux meħtieġa li jiskambjaw il-kollateral, u għalhekk in-negozji bilaterali ma kinux kollateralizzati jew kienu kollateralizzati fuq bażi volontarja. Jekk il-kontropartijiet kienu se jkunu meħtieġa jiskambjaw il-kollateral bħala riżultat tas-sostituzzjoni tal-kuntratti tagħhom biex jindirizzaw l-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni, il-kontroparti l-oħra tista’ ma taqbilx mas-sostituzzjoni. Biex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-suq u kundizzjonijiet ekwi bejn il-kontropartijiet stabbiliti fl-Unjoni, il-kontropartijiet jenħtieġ li jkunu jistgħu jissostitwixxu l-kontropartijiet stabbiliti fir-Renju Unit ma’ kontropartijiet fi Stat Membru mingħajr ma jkun meħtieġ l-iskambju ta’ kollateral fir-rigward ta’ dawn il-kuntratti sostitwiti. |
(11) |
Barra minn hekk, il-kontropartijiet jenħtieġ li jingħataw biżżejjed żmien biex jissostitwixxu l-kontropartijiet tagħhom stabbiliti fir-Renju Unit. Id-data li minnha jista’ jiskatta r-rekwiżit għall-iskambju tal-kollateral għan-novazzjoni ta’ dawk il-kuntratti għalhekk jenħtieġ li tiġi differita. |
(12) |
Għaldaqstant ir-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan. |
(13) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomessi mill-ESAs lill-Kummissjoni. |
(14) |
L-emendi għar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 huma aġġustamenti limitati tal-qafas regolatorju eżistenti f’konformità mal-iżviluppi internazzjonali. Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tal-emendi u l-urġenza tal-kwistjoni, ikun sproporzjonat għall-ASE li jwettqu konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa jew analiżijiet tal-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati. L-ESAs madankollu talbu wkoll l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni u tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Qasam tal-Pensjonijiet tax-Xogħol stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). |
(15) |
Jeħtieġ li tingħata ċertezza legali lill-parteċipanti fis-suq malajr kemm jista’ jkun sabiex ikunu jistgħu jħejju b’mod adegwat għall-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012, li l-applikazzjoni tiegħu se tkun affettwata minn dan ir-Regolament Delegat, b’mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżiti li għalihom qed toqrob malajr l-iskadenza applikabbli attwali. Għaldaqstant jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emenda għar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251
Ir-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 huwa emendat kif ġej:
(1) |
għandu jiddaħħal l-Artikolu 31 a li ġej: “Artikolu 31a Trattament ta’ forwards tal-kambju saldati b’mod fiżiku u swaps tal-kambju saldati fiżikament Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 2(2), il-kontropartijiet jistgħu jipprevedu fil-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju tagħhom li l-marġnijiet ta’ varjazzjoni mhumiex meħtieġa li jiġu depożitati jew miġbura għal kuntratti forward tal-kambju saldati fiżikament u kuntratti ta’ swaps tal-kambju saldati fiżikament meta waħda mill-kontropartijiet ma tkunx istituzzjoni kif definit fl-Artikolu 4(1), il-punt (3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) jew ma tikkwalifikax bħala tali istituzzjoni kieku kienet stabbilita fl-Unjoni. (*1) Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).”;" |
(2) |
L-Artikolu 35 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 35 Dispożizzjonijiet tranżizzjonali Il-kontropartijiet imsemmija fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jistgħu jkomplu japplikaw il-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju li jkollhom fis-seħħ fit-18 ta’ Frar 2021 fir-rigward tal-kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment konklużi bejn l-16 ta’ Awwissu 2012 u d-dati rilevanti tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Il-kontropartijiet imsemmija fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jistgħu wkoll ikomplu japplikaw il-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju li jkollhom fit-18 ta’ Frar 2021 fir-rigward ta’ kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
|
(3) |
L-Artikolu 36 huwa emendat kif ġej:
|
(4) |
fl-Artikolu 37(3), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:
|
(5) |
fl-Artikolu 38, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej: “1. B’deroga mill-Artikolu 36(1) u l-Artikolu 37, fir-rigward tad-derivattivi OTC ikklerjati mhux ċentralment li huma opzjonijiet ta’ ekwità ta’ stokk uniku jew opzjonijiet ta’ indiċi, l-Artikoli msemmija fl-Artikoli 36(1) u 37 għandhom japplikaw mill-4 ta’ Jannar 2024.”. |
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Diċembru 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2251 tal-4 ta’ Ottubru 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet rigward standards tekniċi regolatorji għal tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għall-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklirjati minn kontroparti ċentrali (ĠU L 340, 15.12.2016, p. 9).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).