16.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 53/1


REGOLAMENT (UE) 2021/177 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-10 ta’ Frar 2021

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 223/2014 fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ miżuri speċifiċi għall-indirizzar tal-kriżi assoċjata mat-tifqigħa tal-COVID-19

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari it-tielet paragrafu tal-Artikolu 175 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw l-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (“il-Fond”).

(2)

Fis-17 ta’ Novembru 2017, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (“il-Pilastru”) ġie proklamat b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni bħala reazzjoni għall-isfidi soċjali fl-Unjoni. Il-Pilastru jistipula 20 prinċipju, li huma maqsuma fi tliet kategoriji: opportunitajiet indaqs u aċċess għas-suq tax-xogħol; kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti; u inklużjoni u protezzjoni soċjali. Jenħtieġ li dawk l-20 prinċipju jiggwidaw l-azzjonijiet b’reazzjoni għall-kriżi assoċjata mat-tifqigħa tal-COVID-19 sabiex jiġi żgurat irkupru soċjalment ġust u reżiljenti.

(3)

L-Istati Membri ġew affettwati mill-kriżi assoċjata mat-tifqigħa tal-COVID-19 bħal qatt qabel. Il-kriżi wasslet għal konsegwenzi ekonomiċi u soċjali serji ħafna u aggravat is-sitwazzjoni ta’ aktar minn 20 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni li jinsabu f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali, intensifikat l-iżbilanċi soċjali, u żiedet it-telf tal-impjiegi, ir-rati tal-qgħad u l-inugwaljanzi. Dan ħoloq sitwazzjoni eċċezzjonali li jeħtieġ tiġi indirizzata b’mod urġenti, b’miżuri speċifiċi f’konformità mal-Pilastru. Il-kriżi għandha wkoll impatt soċjo-ekonomiku sproporzjonat fuq in-nisa u l-bniet u qed iżżid il-femminizzazzjoni tal-faqar. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jkomplu jiżguraw l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u l-integrazzjoni kemm tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll tal-perspettiva tal-ġeneri matul l-istadji differenti u fl-attivitajiet kollha tal-Fond, f’konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(4)

Il-kriżi tal-COVID-19 qed ikollha impatt partikolarment negattiv fuq il-Fond u l-abbiltà tal-organizzazzjonijiet sħab li jagħtu appoġġ lill-persuni l-aktar milquta mill-kriżi. Sa mit-twaqqif tiegħu fl-2014, il-Fond seta’ jkun ta’ benefiċċju għal 13-il miljun persuna fis-sena, inklużi madwar 4 miljun tifel u tifla. Sfortunatament, l-għadd ta’ persuni li qed ibatu minn privazzjoni mill-ikel u dik materjali qed jiżdied minħabba l-kriżi, u l-persuni l-aktar fil-bżonn qed jiffaċċjaw riskji partikolari u aktar tbatija. Barra minn hekk, il-kriżi tpoġġi l-inklużjoni soċjali tal-persuni l-aktar fil-bżonn f’riskju ogħla. Għalhekk, l-Istati Membri qed iħabbtu wiċċhom ma’ żieda fid-domanda għall-appoġġ mill-Fond.

(5)

Sabiex jinstab rimedju għax-xokkijiet kbar fuq l-ekonomija u s-soċjetà, li ħolqu domanda addizzjonali fuq is-sistemi tal-welfare tal-Istati Membri u affettwaw serjament il-funzjonament tas-suq intern minħabba r-restrizzjonijiet eċċezzjonali li tqiegħdu fis-seħħ mill-Istati Membri biex tiġi kkontrollata t-tifqigħa tal-COVID-19, fit-23 ta’ April 2020, il-Kunsill Ewropew laqa’ l-“Pjan direzzjonali għall-irkupru” b’komponent ta’ investiment b’saħħtu, sejjaħ għall-istabbiliment tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru u inkariga lill-Kummissjoni biex tanalizza l-ħtiġijiet sabiex ir-riżorsi jkunu jistgħu jiġu mmirati għas-setturi u l-partijiet ġeografiċi l-aktar milquta tal-Unjoni, filwaqt li kkjarifikaw ukoll ir-rabta mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021–2027.

(6)

Ir-Regolament (UE) 2020/2221 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jiżblokka riżorsi addizzjonali biex jappoġġa lill-Istati Membri fl-azzjonijiet tagħhom li jsewwu d-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19 u fil-preparazzjoni għall-irkupru soċjali, reżiljenti u sostenibbli tal-ekonomija u tas-soċjetà. Sabiex tipprevedi r-reazzjoni effettiva għall-impatt soċjali tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq il-persuni l-aktar fil-bżonn, dak ir-Regolament jipprovdi għall-allokazzjoni ta’ riżorsi addizzjonali lill-Fond fejn Stat Membru hekk jiddeċiedi u f’konformità mal-ħtiġijiet tiegħu. Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħtu attenzjoni xierqa liż-żieda fl-għadd tal-persuni l-aktar fil-bżonn mindu bdiet it-tifqigħa tal-COVID-19, iqisu r-rwol vitali tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) fil-qerda tal-faqar u fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, u fiż-żamma tas-saħħa operattiva tal-FSE. Barra minn hekk, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti limiti massimi li jikkonċernaw l-allokazzjoni tar-riżorsi addizzjonali għall-assistenza teknika tal-Istat Membru. Filwaqt li jitqies l-infiq rapidu mistenni tar-riżorsi addizzjonali, l-impenji marbuta ma’ dawk ir-riżorsi addizzjonali jenħtieġ li jiġu diżimpenjati wkoll mal-għeluq tal-programmi.

(7)

Ir-regoli finanzjarji orizzontali adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu 322 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) japplikaw għal dan ir-Regolament. Dawk ir-regoli huma stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u, b’mod partikolari, jiddeterminaw il-proċedura għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit permezz ta’ għotjiet, għoti ta’ kuntratti, premjijiet u implimentazzjoni indiretta, u jipprevedu verifiki fuq ir-responsabbiltà tal-atturi finanzjarji. Ir-regoli adottati abbażi tal-Artikolu 322 tat-TFUE jinkludu wkoll reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

(8)

Meta jiġu adottati miżuri biex jiġi protett il-baġit tal-Unjoni, huwa essenzjali li l-interessi leġittimi tar-riċevituri u tal-benefiċjarji finali jiġu ssalvagwardjati kif xieraq.

(9)

Sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom mezzi finanzjarji suffiċjenti biex jimplimentaw malajr azzjonijiet li jsewwu d-dannu kkawżat mill-kriżi fid-dawl tal-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 fuq il-faqar u l-esklużjoni soċjali, u jippreparaw irkupru soċjali, reżiljenti u sostenibbli tal-ekonomija u tas-soċjetà, huwa meħtieġ li jingħata livell ogħla ta’ pagament ta’ prefinanzjament għall-implimentazzjoni ta’ malajr tal-azzjonijiet appoġġati mir-riżorsi addizzjonali. Il-kobor tal-prefinanzjament jenħtieġ li jiżgura li l-Istati Membri jkollhom il-mezzi biex jorganizzaw pagamenti avvanzati għall-benefiċjarji kmieni kemm jista’ jkun sabiex jipprovduhom b’għajnuna immedjata, u biex jirrimborżaw malajr lill-benefiċjarji wara t-tressiq tat-talbiet għall-pagamenti.

(10)

Bl-għan li jittaffa l-piż fuq il-baġits pubbliċi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jsewwu d-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19 u li jsiru l-preparamenti għall-irkupru soċjali, reżiljenti u sostenibbli tal-ekonomija u tas-soċjetà, huwa xieraq li l-Istati Membri jingħataw il-possibbiltà eċċezzjonali li jitolbu rata ta’ kofinanzjament sa 100 % li għandha tiġi applikata għall-appoġġ mir-riżorsi addizzjonali.

(11)

Sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkunu jistgħu jaġġustaw malajr il-miżuri taħt il-Fond b’reazzjoni għat-tifqigħa tal-COVID-19, jixraq li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkjarifikaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-assistenza teknika.

(12)

Skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 (6) u fil-limiti tar-riżorsi allokati minnu, jenħtieġ li jittieħdu miżuri taħt dan il-Fond biex jiġi indirizzat l-impatt mingħajr preċedent tal-kriżi tal-COVID-19. Ir-riżorsi addizzjonali jenħtieġ li jintużaw f’konformità mal-limiti ta’ żmien previsti f’dak ir-Regolament u soġġetti għall-kundizzjonijiet rilevanti stabbiliti fih u fir-Regolament (UE) 2020/2221.

(13)

Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, prinċipalment li jindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjo-ekonomiċi tagħha fuq il-persuni l-aktar fil-bżonn, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dan l-għan.

(14)

Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni marbuta mat-tifqigħa tal-COVID-19, huwa xieraq li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(15)

L-Artikolu 135(2) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (7) jistipula li l-emendi għar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (8) jew għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom (9), li jiġu adottati fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dak il-Ftehim jew wara, ma għandhomx japplikaw għar-Renju Unit sa fejn dawk l-emendi jkollhom impatt fuq l-obbligi finanzjarji tar-Renju Unit. L-appoġġ skont l-Artikolu 6a tar-Regolament (UE) Nru 223/2014 għall-2021 u l-2022 huwa ffinanzjat minn żieda fil-limitu massimu tar-riżorsi proprji tal-Unjoni, li jkollu impatt fuq l-obbligi finanzjarji tar-Renju Unit. Għalhekk, jenħtieġ li dak l-appoġġ ma japplikax għar-Renju Unit jew fir-Renju Unit.

(16)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 223/2014 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 6(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Bl-eċċezzjoni ta’ riżorsi addizzjonali allokati b’reazzjoni għat-tifqigħa tal-COVID-19, kif imsemmi fl-Artikolu 6a, l-allokazzjoni tal-Fond għall-perijodu 2014–2020 għal kull Stat Membru hija stabbilita fl-Anness III. L-ammont minimu għal kull Stat Membru huwa ta’ EUR 3 500 000 għall-perijodu kollu.”;

(2)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 6a

Riżorsi addizzjonali b’reazzjoni għall-kriżi assoċjata mat-tifqigħa tal-COVID-19

1.   Meta l-Istat Membru jqis li jkun xieraq, ir-riżorsi msemmija fl-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament għandhom jiżdiedu b’ reazzjoni għall-kriżi assoċjata mat-tifqigħa tal-COVID-19, f’konformità mas-seba’ subparagrafu tal-Artikolu 92b(5) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) u skont il-kundizzjonijiet rilevanti stabbiliti f’dak il-paragrafu. Ir-riżorsi addizzjonali għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat estern kif imsemmi fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 (*2) u għandhom ikunu soġġetti għall-Artikolu 3(3), (4), (7) u (9) tiegħu. Ir-riżorsi addizzjonali jistgħu jaffettwaw l-impenji tal-baġit għall-2021 u l-2022.

2.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 7(1), il-perijodu għall-programmi operazzjonali li jibbenefikaw mir-riżorsi addizzjonali f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun sal-31 ta’ Diċembru 2022.

3.   Permezz ta’ deroga mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 38 ta’ dan ir-Regolament, l-impenji tal-baġit għar-riżorsi addizzjonali fir-rigward ta’ kull programm għandhom isiru fis-snin 2021 u 2022.

Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 59(1) ta’ dan ir-Regolament, l-impenji tal-baġit għar-riżorsi addizzjonali għandhom jiġi diżimpenjati skont ir-regoli li għandhom jiġu segwiti għall-għeluq tal-programmi.

4.   Minbarra l-prefinanzjament imsemmi fl-Artikolu 44(1), il-Kummissjoni għandha tħallas ammont ta’ prefinanzjament ta’ 11 % tar-riżorsi addizzjonali allokati għas-sena 2021 wara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-emenda ta’ programm għall-allokazzjoni tar-riżorsi addizzjonali.

L-ammont imħallas bħala prefinanzjament inizjali kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jiġi saldat għalkollox mill-kontijiet tal-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn meta jingħalaq il-programm.

5.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 20, rata ta’ kofinanzjament sa 100 % tista’ tiġi applikata lir-riżorsi addizzjonali taħt il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

(*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320)."

(*2)  Ir-Regolament (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 23).”;"

(3)

fl-Artikolu 27, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Fuq l-inizjattiva tal-Istati Membri, u soġġett għal limitu massimu ta’ 5 % tal-allokazzjoni tal-Fond fil-waqt tal-adozzjoni tal-programm operazzjonali u 5 % tar-riżorsi addizzjonali msemmija fl-Artikolu 6a(1), il-programm operazzjonali jista’ jiffinanzja l-miżuri tal-preparazzjoni, tal-ġestjoni, tal-monitoraġġ, tal-amministrazzjoni u l-assistenza teknika, tal-awditjar, tal-informazzjoni, tal-kontroll u tal-evalwazzjoni neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Fond, inklużi l-ispejjeż tal-preparazzjoni u dawk operatorji tal-iskemi tal-vawċers fejn dawk il-kostijiet jiġġarrbu mill-awtorità tal-ġestjoni jew korp pubbliku ieħor li mhuwiex organizzazzjoni sieħba. Il-programm operazzjonali jista’ jiffinanzja wkoll l-assistenza teknika u l-bini tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet sħab u kwalunkwe attur ieħor involut fl-implimentazzjoni tal-Fond, inkluż għat-trawwim tal-kapaċità ta’ rispons għall-kriżi biex tiġi indirizzata t-tifqigħa tal-COVID-19. L-azzjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu jistgħu jikkonċernaw il-perijodu ta’ programmazzjoni sussegwenti, inkluż biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-appoġġ mill-Fond permezz ta’ Fondi oħra tal-Unjoni.”;

(4)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 63a

Applikabbiltà

L-Artikolu 6a ma għandux japplika għar-Renju Unit jew fir-Renju Unit. Ir-referenzi għall-Istati Membri f’dak l-Artikolu għandhom jinftiehmu li ma jinkludux lir-Renju Unit.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Frar 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)   ĠU C 311, 18.9.2020, p. 82.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Jannar 2021 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta’ Frar 2021.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (ĠU L 72, 12.3.2014, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2020/2221 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta’ riżorsi addizzjonali u arranġamenti ta’ implimentazzjoni biex jipprovdi assistenza għat-trawwim ta’ miżuri li jsewwu d-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali tagħha u t-tħejjija ta’ rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija (REACT-EU) (ĠU L 437, 28.12.2020, p. 30).

(5)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 23).

(7)  Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014–2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta’ Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105).