11.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 48/1


IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/166

tal-10 ta’ Frar 2021

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1368 fir-rigward tal-estensjoni tal-programmi nazzjonali fis-settur tal-apikultura

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikulari l-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 u l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 223(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1368 (2) jistabbilixxi r-regoli għan-notifika, l-approvazzjoni u l-emenda tal-programmi nazzjonali tal-apikultura.

(2)

Skont ir-Regolament (UE) 2020/2220 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), il-programmi nazzjonali mfassla għall-perjodu mill-1 ta’ Awwissu 2019 sal-31 ta’ Lulju 2022 għandhom jiġu estiżi sal-31 ta’ Diċembru 2022.

(3)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (4) jistabbilixxi limitu massimu annwali għall-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (“FAEG”). Fi ħdan dak il-livell massimu, dak il-fond se jiffinanzja l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-programmi tal-apikultura, b’effett mill-2021. L-ammont totali previst fil-qafas finanzjarju pluriennali fir-rigward tal-FAEG jinkludi żieda ta’ EUR 60 miljun fis-sena għall-programmi tal-apikultura.

(4)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jimmodifikaw il-programmi nazzjonali tagħhom sabiex jitqiesu l-estensjoni taż-żmien u ż-żieda fil-baġit għas-settur tal-apikultura. Huma jenħtieġ li jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-programmi mmodifikati li għandhom bżonn approvazzjoni sal-15 ta’ Marzu 2021.

(5)

Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fil-pagamenti, dawk marbuta mal-miżuri implimentati mill-1 ta’ Awwissu 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2022 jenħtieġ li jintbagħtu lill-benefiċjarji bejn is-16 ta’ Ottubru 2022 u l-15 ta’ Ottubru 2023.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1368 jiġi emendat skont dan.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1368 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 3, it-tieni paragrafu li ġej jiġi miżjud:

“Sal-15 ta’ Marzu 2021, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-emenda għall-programmi nazzjonali tagħhom skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Din l-emenda għandha tqis il-kontribuzzjoni miżjuda tal-Unjoni mill-2021.”;

(2)

fl-Artikolu 5(1) jiżdied it-tieni subparagrafu li ġej:

“L-emendi tal-programmi tal-apikultura skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni, skont il-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, sal-15 ta’ Ġunju 2021.”;

(3)

fl-Artikolu 7, jiddaħħal it-tielet paragrafu li ġej:

“B’deroga mit-tieni paragrafu, il-pagamenti marbuta mal-miżuri implimentati mill-1 ta’ Awwissu 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2022 għandhom isiru bejn is-16 ta’ Ottubru 2022 u l-15 ta’ Ottubru 2023.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Frar 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1368 tas-6 ta’ Awwissu 2015 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-għajnuna lis-settur tal-apikultura (ĠU L 211, 8.8.2015, p. 9).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2020/2220 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet tranżizzjonali għall-appoġġ mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) fis-snin 2021 u 2022 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013, (UE) Nru 1306/2013 u (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward tar-riżorsi u l-applikazzjoni fis-snin 2021 u 2022 u r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tar-riżorsi u d-distribuzzjoni ta’ tali appoġġ fir-rigward tas-snin 2021 u 2022 (ĠU L 437, 28.12.2020, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021 sal-2027 (ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 11).