8.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 43/5


IR-REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/139

tal-4 ta’ Diċembru 2020

li jemenda l-Annessi I u V tar-Regolament (UE) 2019/125 dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra biex jitqies il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/125 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Jannar 2019 dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, (1) u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tiegħu,

Billi:

(1)

Dan il-Ftehim dwar il-Ħruġ (2) jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (“ir-Renju Unit”) mill-Unjoni u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(2)

Il-perjodu ta’ tranżizzjoni stabbilit fil-Parti Erbgħa tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020 meta d-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika għar-Renju Unit u fir-Renju Unit.

(3)

Skont l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, moqri flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2019/125 se japplikaw għar-Renju Unit u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq minn tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

(4)

Fejn ir-Regolament (UE) 2019/125 jistabbilixxi rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-kummerċ mill-Unjoni lejn pajjiżi terzi, tkun l-“awtorità kompetenti” tar-Renju Unit li, mill-1 ta’ Jannar 2021, tkun responsabbli biex tiddeċiedi dwar kull applikazzjoni għal awtorizzazzjoni bħal din li ssir minn esportaturi stabbiliti jew residenti fl-Irlanda ta’ Fuq skont dak ir-Regolament.

(5)

Soġġett għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/125 għar-Renju Unit u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, f’konformità mal-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq għall-Ftehim dwar il-Ħruġ, moqri flimkien mal-punt 47 tal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, huwa għalhekk xieraq li jiġi emendat l-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/125.

(6)

Skont l-Artikoli 16 u 19 tar-Regolament (UE) 2019/125, hija meħtieġa awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni tal-prodotti elenkati fl-Anness IV tar-Regolament li jistgħu jintużaw għall-eżekuzzjoni tal-bnedmin permezz ta’ injezzjoni letali.

(7)

L-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) 2019/125 jipprevedi “awtorizzazzjoni ġenerali tal-Unjoni għall-esportazzjoni”.

(8)

F’konformità mal-Anness V tar-Regolament (UE) 2019/125, l-awtorizzazzjoni ġenerali tal-Unjoni għall-esportazzjoni tapplika għall-esportazzjonijiet tal-prodotti elenkati f’kull entrata fl-Anness IV tar-Regolament (UE) 2019/125 u hija valida fl-Unjoni kollha għall-esportazzjonijiet lejn id-destinazzjonijiet elenkati fil-Parti 2 tal-Anness V. Dawk id-destinazzjonijiet huma pajjiżi terzi li abolixxew il-piena kapitali għar-reati kollha u kkonfermaw dik l-abolizzjoni permezz ta’ impenn internazzjonali (3).

(9)

L-awtorizzazzjoni ġenerali tal-Unjoni għall-esportazzjoni tgħin biex jiġi minimizzat il-piż regolatorju mqiegħed fuq il-kumpaniji tal-Unjoni li jesportaw il-prodotti elenkati fl-Anness IV tar-Regolament meta jesportaw tali prodotti mediċinali għal skopijiet terapewtiċi leġittimi.

(10)

Ir-Renju Unit irratifika l-Protokoll Nru 13 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali dwar l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt fiċ-ċirkostanzi kollha u għalhekk jissodisfa r-rekwiżiti għall-inklużjoni fil-lista ta’ destinazzjonijiet stabbilita fil-Parti 2 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2019/125.

(11)

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/125 għar-Renju Unit u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, f’konformità mal-Artikolu 5(4), moqri flimkien mal-punt 47 tal-Anness 2 tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq anness mal-Ftehim dwar il-Ħruġ, huwa għalhekk xieraq li jiġi emendat l-Anness V tar-Regolament (UE) 2019/125.

(12)

Huwa xieraq li tkun prevista l-applikabbiltà ta’ dan ir-Regolament wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021. Jekk il-perjodu ta’ oġġezzjoni jintemm wara l-1 ta’ Jannar 2021, huwa xieraq għal raġunijiet ta’ ċertezza tad-dritt u biex jiġi evitat kull tfixkil potenzjali għad-detriment tal-operazzjonijiet ta’ dawk il-kumpaniji tal-Unjoni li jixtiequ jesportaw il-prodotti elenkati fl-Anness IV lejn ir-Renju Unit li tkun prevista applikabbiltà retroattiva tar-Regolament mill-1 ta’ Jannar 2021,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi I u V tar-Regolament (UE) 2019/125 huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-ħames jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 30, 31.1.2019, p. 1.

(2)  Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7).

(3)  Il-Parti 3 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2019/125.


ANNESS

L-Annessi I u V tar-Regolament (UE) 2019/125 huma emendati kif ġej:

(1)

Fl-Anness I, il-lista ta’ awtoritajiet kompetenti hija emendata kif ġej:

(a)

fl-Intestatura “A. L-awtoritajiet tal-Istati Membri” titħassar l-entrata li tikkonċerna r-Renju Unit.

(b)

wara l-Intestatura “B. Indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea” tiżdied l-intestatura li ġejja:

“C.

L-Awtorità tar-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq

IR-RENJU UNIT, soġġett għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għar-Renju Unit u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, f’konformità mal-Artikolu 5(4), moqri flimkien mal-punt 47 tal-Anness 2 tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, mill-1 ta’ Jannar 2021

Importazzjoni tal-prodotti elenkati fl-Anness II:

Department for International Trade (DIT)

Import Licensing Branch (ILB)

Posta elettronika: enquiries.ilb@trade.gov.uk

L-esportazzjoni ta’ prodotti u l-forniment ta’ assistenza relatata mal-prodotti elenkati fl-Annessi II, III jew IV:

Department for International Trade

Export Control Joint Unit

3 Whitehall Place

London

SW1 A 2AW

UNITED KINGDOM

Tel. +44 2072154594

Posta elettronika: eco.help@trade.gov.uk”

(2)

Fl-Anness V, fil-lista fil-Parti 2 “Destinazzjonijiet”, l-entrata li ġejja tiddaħħal fl-ordni alfabetiku sabiex il-pajjiżi jiġu elenkati skont il-verżjoni lingwistika rispettiva:

“Ir-Renju Unit, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/125 għar-Renju Unit u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, f’konformità mal-Artikolu 5(4), moqri flimkien mal-punt 47 tal-Anness 2 tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq anness mal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, mill-1 ta’ Jannar 2021”