5.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 42/1


IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/133

tal-4 ta’ Frar 2021

li jimplimenta r-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-format bażiku, l-istruttura u l-mezzi ta’ skambju tad-data taċ-ċertifikat ta’ konformità f’format elettroniku

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 37(8) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom biżżejjed żmien biex jistabbilixxu l-organizzazzjoni u l-istruttura tan-network tad-data tagħhom, biex jippermettu l-forniment u r-riċeviment tad-data taċ-ċertifikati ta’ konformità bħala data strutturata f’format elettroniku, huwa xieraq li għall-iskambju ta’ dik id-data tiġi ddeżinjata s-Sistema ta’ Informazzjoni Ewropea tal-Liċenzji tal-Vetturi u tas-Sewqan (EUCARIS) (2). L-EUCARIS ġiet żviluppata mill-awtoritajiet governattivi u għalihom għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi u dwar il-liċenzji tas-sewqan.

(2)

Sabiex jiġi żgurat li ċ-ċertifikati ta’ konformità jiġu skambjati b’mod uniformi u li l-elementi tad-data u l-messaġġi li jkun fihom ikunu armonizzati, il-format u l-istruttura tal-elementi ta’ data taċ-ċertifikati ta’ konformità jenħtieġ li jkunu bbażati fuq l-istruttura u l-prinċipji tal-iskema tal-Extensible Markup Language (XML). Il-manifattur u l-awtorità tal-approvazzjoni jenħtieġ li jużaw il-messaġġi standardizzati tal-Informazzjoni Inizjali dwar il-Vettura (IVI) żviluppati mill-parti maħtura tal-EUCARIS għat-tħaddim għall-iskambju tagħhom bħala data strutturata f’format elettroniku.

(3)

Sabiex l-awtorità tal-approvazzjoni u l-manifattur jkunu jistgħu jimplimentaw l-emendi għall-elementi tad-data għaċ-ċertifikat ta’ konformità f’format stampat imsemmi fl-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) 2018/858 fin-network tad-data tagħhom, jeħtieġ li jiġu stabbiliti arranġamenti prattiċi għal tali emendi.

(4)

Sabiex l-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u l-awtoritajiet tar-reġistrazzjoni tal-Istati Membri kif ukoll il-manifatturi jkunu jistgħu jippreparaw għall-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda introdotti b’dan ir-Regolament, jenħtieġ li d-data tal-applikazzjoni tiġi differita.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Tekniku – Vetturi bil-Mutur (TCMV),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-mezzi ta’ skambju tad-data

1.   Il-manifattur għandu jagħmel disponibbli verżjoni elettronika taċ-ċertifikat ta’ konformità f’konformità mal-format u l-istruttura tal-elementi tad-data u l-messaġġi standardizzati stabbiliti fl-Artikolu 2 permezz ta’ kwalunkwe punt ta’ aċċess nazzjonali tas-Sistema ta’ Informazzjoni Ewropea tal-Liċenzji tal-Vetturi u tas-Sewqan (EUCARIS) fl-Unjoni lill-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip li tkun tat l-approvazzjoni tat-tip ta’ vettura sħiħa.

2.   L-awtorità tal-approvazzjoni għandha tuża l-EUCARIS bħala l-mezz ta’ skambju tad-data taċ-ċertifikat ta’ konformità bħala data strutturata f’format elettroniku imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 37(8) tar-Regolament (UE) 2018/858.

Artikolu 2

Format bażiku u struttura tal-elementi tad-data u messaġġi standardizzati

1.   Il-format u l-istruttura tal-elementi tad-data taċ-ċertifikati ta’ konformità f’format elettroniku u l-messaġġi użati fl-iskambju, imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 37(8) tar-Regolament (UE) 2018/858, għandhom ikunu bbażati fuq l-istruttura u l-prinċipji tal-iskema Extensible Markup Language (XML).

2.   Il-manifattur u l-awtorità tal-approvazzjoni għandhom jużaw il-messaġġi standardizzati tal-Informazzjoni Inizjali dwar il-Vettura (IVI) żviluppati mill-parti maħtura tal-EUCARIS għat-tħaddim, għall-iskambju taċ-ċertifikati ta’ konformità bħala data strutturata f’format elettroniku.

3.   Il-messaġġi IVI għandhom jinkludu l-elementi kollha tad-data taċ-ċertifikat ta’ konformità f’format stampat imsemmi fl-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) 2018/858.

Artikolu 3

Proċedura għall-emendar tal-elementi tad-data

1.   Wara konsultazzjoni mal-Forum għall-Iskambju ta’ Informazzjoni dwar l-Infurzar (“il-Forum”) imsemmi fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2018/858, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-parti maħtura tal-EUCARIS għat-tħaddim bl-emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-elementi tad-data għaċ-ċertifikat ta’ konformità f’format stampat imsemmi fl-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) 2018/858.

2.   Il-parti maħtura tal-EUCARIS għat-tħaddim għandha tagħmel l-emendi meħtieġa msemmija fil-paragrafu 1 għall-messaġġi IVI fi żmien tliet xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tal-emendi għaċ-ċertifikat ta’ konformità f’format stampat imsemmi fl-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) 2018/858 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

3.   Il-parti maħtura tal-EUCARIS għat-tħaddim għandha tippjana d-data jew id-dati tar-rilaxx tal-verżjoni emendata tal-messaġġi IVI stabbiliti f’konformità mal-paragrafu 2 f’ħarsa ġenerali annwali, u għandha tinforma lill-Forum u lill-Kummissjoni biha fil-bidu ta’ kull sena. L-għadd ta’ rilaxxi tal-messaġġi IVI għandu jkun limitat għal tnejn fis-sena.

4.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-verżjoni emendata tal-messaġġi IVI u d-dati annwali tar-rilaxx ippjanati tal-EUCARIS lill-Forum.

5.   L-awtoritajiet tal-approvazzjoni, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri u l-manifatturi għandhom jimplimentaw il-verżjoni emendata tal-messaġġi IVI fis-sistemi rispettivi tagħhom fi żmien 12-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni tal-emendi għaċ-ċertifikat ta’ konformità f’format stampat imsemmi fl-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) 2018/858 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

6.   Iċ-ċertifikat ta’ konformità li l-manifattur jagħmel disponibbli f’konformità mal-Artikolu 1(1) għandu jkun ibbażat fuq il-messaġġi IVI l-aktar reċenti li jirriflettu l-aktar emendi reċenti għaċ-ċertifikat ta’ konformità f’format stampat imsemmi fl-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) 2018/858.

7.   Il-Kummissjoni għandha tiddetermina d-dati tal-applikazzjoni tal-emendi għaċ-ċertifikat ta’ konformità f’format stampat imsemmi fl-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) 2018/858 billi tqis id-dati annwali tar-rilaxx ippjanati tal-messaġġi IVI.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Frar 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 151, 14.6.2018, p. 1.

(2)  Verżjoni konsolidata tat-Trattat EUCARIS dwar Sistema ta’ Informazzjoni Ewropea tal-Liċenzji tal-Vetturi u tas-Sewqan (EUCARIS) inklużi l-emendi ffirmati mill-Partijiet fit-8 ta’ Ġunju 2017.