2.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 36/5


IR-REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/114

ta’-25 ta’ Settembru 2020

li jemenda l-Anness II u III tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Armenja u l-Vjetnam

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat r-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 5(3) u 10(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 jistabbilixxi l-kriterji għall-għoti tal-preferenzi tariffarji skont l-arranġament ġenerali tal-Iskema ta’ Preferenzi Ġeneralizzati (“SĠP”).

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 jipprovdi li pajjiż li jkun ġie kklassifikat mill-Bank Dinji bħala pajjiż bi dħul għoli jew bi dħul medju għoli għal tliet snin konsekuttivi, jew pajjiż li jibbenefika minn arranġament ta’ aċċess preferenzjali għas-suq li jipprovdi l-istess preferenzi tariffarji bħall-SĠP, jew aħjar, sostanzjalment għall-kummerċ kollu, ma jibbenefikax mill-SĠP.

(3)

Il-lista tal-pajjiżi benefiċjarji taħt l-SĠP hija stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 978/2012. Skont dak ir-Regolament, il-Kummissjoni se tirrieżamina l-Anness II sal-1 ta’ Jannar kull sena sabiex temenda l-istatus tal-pajjiżi elenkati skont il-kriterji stipulati fl-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament.

(4)

Skont ir-Regolament (UE) Nru 978/2012, hemm bżonn li jingħata żmien biżżejjed biex pajjiż benefiċjarju tal-SĠP u l-operaturi ekonomiċi ikunu jistgħu jadattaw ruħhom għall-istatus rivedut tal-pajjiż fir-rigward tal-SĠP. Għalhekk, l-SĠP għandha tkompli għal sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni li pajjiż benefiċjarju jitneħħa mil-lista ta’ pajjiżi benefiċjarji tal-SĠP abbażi tal-punt (a) tal-Artikolu 4(1) u għal sentejn wara d-data tal-applikazzjoni ta’ arranġament għal aċċess preferenzjali għas-suq abbażi tal-punt (b) tal-Artikolu 4(1).

(5)

L-Armenja ġiet ikklassifikata mill-Bank Dinji bħala pajjiż bi dħul medju superjuri fl-2018, l-2019 u l-2020. L-Armenja ma għadhiex tikkwalifika għal status ta’ pajjiż benefiċjarju tal-SĠP skont l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 u jenħtieġ li jitneħħa mill-Anness II ta’ dak ir-Regolament, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2022.

(6)

L-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 jistabbilixxi l-kriterji speċifiċi ta’ eliġibilità għall-għoti tal-preferenzi tariffarji skont l-arranġament speċjali dwar l-inċentivi għall-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba (“SĠP+”) lil pajjiżi benefiċjarji tal-SĠP. Il-lista tal-pajjiżi benefiċjarji tal-SĠP+ hija stabbilita fl-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 978/2012.

(7)

Bħala konsegwenza tal-fatt li ma tibqax pajjiż benefiċjarju tal-SĠP b’seħħ mill-1 ta’ Jannar 2022, l-Armenja lanqas ma tibqa’ pajjiż benefiċjarju tal-SĠP+ skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012. L-Armenja jentieġ li titneħħa mill-Anness III ta’ dak ir-Regolament b’effett mill-1 ta’ Jannar 2022.

(8)

Arranġament ta’ aċċess preferenzjali għas-suq beda japplika għall-Vjetnam fl-1 ta’ Awwissu 2020. Skont l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, il-Vjetnam għandu jitneħħa wkoll mill-Anness II ta’ dak ir-Regolament. F’konformità ma’ preċedenti f’każijiet komparabbli u sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u jiġi evitat piż amministrattiv mhux meħtieġ, it-tneħħija tal-Vjetnam mill-Anness II għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2023,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 huwa emendat kif ġej:

1.

Fl-Anness II, taħt l-intestatura “Pajjiżi benefiċjarji tal-arranġament ġenerali msemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 1(2)”, il-kodiċi alfabetiku u l-pajjiżi korrispondenti li ġejjin jitneħħew mill-kolonni A u B, rispettivament:

(a)

AM l-Armenja;

(b)

VN Il-Vjetnam.

2.

Fl-Anness III, il-kodiċi alfabetiku u l-pajjiż korrispondenti li ġejjin jitħassru mill-kolonni A u B, rispettivament:

AM L-Armenja

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-Il-Ġimgħa, 1 ta’ Jannar 2021.

L-Artikolu 1(1) (punt a) u l-Artikolu 1(2) għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2022.

L-Artikolu 1(1), (punt b) għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 25 ta’ Settembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1.