28.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 29/5


IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/78

tas-27 ta’ Jannar 2021

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/600 li jidderoga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892, mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150, mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 615/2014, mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1368 u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39 fir-rigward ta’ ċerti miżuri biex tiġi indirizzata l-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 54 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/600 (2) introduċa għadd ta’ derogi għar-regoli eżistenti fost oħrajn fis-settur tal-inbid, li kellhom l-għan li jipprovdu taffija lill-operaturi fil-qasam tal-inbid biex jiġu mgħejuna jlaħħqu mal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19. Madankollu, minkejja l-utilità ta’ dawk il-miżuri, is-suq tal-inbid ma rnexxilux jerġa’ jikseb il-bilanċ tiegħu bejn il-provvista u d-domanda u mhuwiex mistenni li jirkuprah fi żmien qasir sa medju minħabba l-pandemija li għaddejja bħalissa.

(2)

Barra minn hekk, il-miżuri adottati biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19 qed jitkomplew fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri u madwar id-dinja. Dawk il-miżuri jinkludu l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet fir-rigward tad-daqs tal-laqgħat u ċ-ċelebrazzjonijiet soċjali, u fir-rigward tal-possibbiltajiet li wieħed jiekol u jixrob barra mid-dar. Il-lockdowns għadhom qed jiġu imposti f’ċerti oqsma, flimkien mal-kanċellazzjoni ta’ avvenimenti pubbliċi u festini privati. L-effett indirett ta’ dawn ir-restrizzjonijiet irriżulta fi tnaqqis ulterjuri fil-konsum tal-inbid fl-Unjoni u fi tnaqqis ikkonfermat fl-esportazzjoni tal-inbid lejn pajjiżi terzi. Barra minn hekk, l-inċertezza dwar it-tul ta’ żmien tal-kriżi, li huwa mistenni li se testendi lil hinn mill-aħħar tas-sena 2020, qed tikkawża ħsara fit-tul lis-settur tal-inbid tal-Unjoni peress li l-konsum tal-inbid x’aktarx li mhux se jirkupra u s-swieq tal-esportazzjoni se jintilfu. Din it-taħlita ta’ fatturi qed ikollha impatt negattiv sinifikanti fuq l-ipprezzar fis-suq tal-inbid tal-Unjoni. Il-ħażniet li kienu diġà f’livell rekord fil-bidu tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2019–2020 żdiedu. Fl-aħħar nett, il-ħsad għoli li jmiss tal-2020, li huwa mistenni li jaqbeż il-ħsad tal-2019 b’madwar 10 miljun ettolitru ta’ nbid, se jservi biss biex ikompli jaggrava s-sitwazzjoni.

(3)

Konsegwentement, minħabba t-tul ta’ żmien twil tar-restrizzjonijiet imposti mill-Istati Membri biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 u l-ħtieġa li jinżammu fis-seħħ ir-restrizzjonijiet, it-tfixkil ekonomiku serju fil-punti tal-bejgħ ewlenin tal-inbid u l-effett negattiv li jirriżulta fuq id-domanda għall-inbid huma aggravati.

(4)

Fid-dawl ta’ dan it-tfixkil eċċezzjonalment sever fis-suq u tal-akkumulazzjoni ta’ ċirkostanzi diffiċli li wieħed jiltaqa’ magħhom fis-settur tal-inbid, li għandha l-oriġini tagħha fl-impożizzjoni mill-Istati Uniti ta’ tariffi fuq l-importazzjonijiet tal-inbejjed tal-Unjoni f’Ottubru 2019 u li issa għadha għaddejja bil-konsegwenzi tal-miżuri restrittivi li għaddejjin minħabba l-pandemija dinjija tal-COVID-19, l-operaturi tas-settur tal-inbid tal-Unjoni għadhom qed jiltaqgħu ma’ diffikultajiet eċċezzjonali. Għalhekk hija meħtieġa aktar għajnuna lis-settur tal-inbid.

(5)

L-implimentazzjoni kontinwa tal-miżuri biex tiġi indirizzata l-kriżi fis-settur tal-inbid tal-Unjoni li ġew introdotti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/600 hija meqjusa essenzjali biex l-Istati Membri u l-operaturi jingħataw il-flessibbiltajiet meħtieġa biex jimplimentaw programmi ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-possibbiltà li l-Istati Membri jintroduċu bidliet fil-programmi nazzjonali rispettivi tagħhom kull meta jkun meħtieġ matul is-sena ppermettiet lill-Istati Membri li jirreaġixxu malajr għaċ-ċirkostanzi eċċezzjonali tax-xhur reċenti u jissottomettu bidliet fil-programmi ta’ appoġġ tagħhom kmieni kemm jista’ jkun. Din il-flessibbiltà ppermettiet lill-Istati Membri jintroduċu miżuri ġodda, jottimizzaw il-miżuri diġà fis-seħħ u jaġġustaw il-miżuri b’mod aktar frekwenti, u kif meħtieġ, b’kont meħud tas-sitwazzjoni tas-suq li qed tinbidel malajr. Barra minn hekk, il-flessibbiltà introdotta għall-implimentazzjoni tal-miżura tal-ħsad bikri tat lill-operaturi ż-żmien meħtieġ biex jippjanaw il-miżura u biex isibu l-forza tax-xogħol meħtieġa biex joperaw taħt il-kundizzjonijiet diffiċli li jirriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19.

(6)

Peress li l-pandemija tal-COVID-19 hija mistennija li tkompli lil hinn minn tmiem is-sena 2020 u għalhekk matul parti konsiderevoli tas-sena finanzjarja 2021, huwa meqjus neċessarju li tiġi estiża l-applikazzjoni tal-miżuri għat-tul ta’ żmien tas-sena finanzjarja 2021.

(7)

Barra minn hekk, minħabba d-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom fil-ġestjoni tal-programmi nazzjonali ta’ appoġġ matul il-pandemija tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa, xi Stati Membri rrapportaw li mhumiex f’pożizzjoni li jeżaminaw mill-ġdid l-iskali standard tal-kostijiet unitarji applikati għal ċerti miżuri f’dawk il-programmi u li huma stabbiliti skont l-Artikolu 24(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 (3). Għalhekk, matul is-snin 2020, 2021 u 2022, l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jestendu l-perjodu li matulu għandu jitwettaq tali eżami mill-ġdid, minn kull tieni sena wara l-aħħar kalkoli, kif previst fl-Artikolu 24(3) ta’ dak ir-Regolament, għar-raba’ sena wara l-aħħar kalkoli. Sabiex tiġi evitata d-diskriminazzjoni, din il-flessibbiltà jenħtieġ li tapplika b’mod retroattiv mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/600.

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/600 jiġi emendat skont dan.

(9)

Sabiex jiġi evitat tfixkil fl-implimentazzjoni tal-miżuri biex tiġi indirizzata l-kriżi fis-settur tal-inbid tal-Unjoni u tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel bejn is-sentejn finanzjarji, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u japplika b’mod retroattiv mis-16 ta’ Ottubru 2020.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/600

L-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/600 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit bis-segwenti:

“1.   B’deroga mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu, b’rabta mal-miżuri msemmija fl-Artikoli 45(1)(a) u 46 sa 52 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, kull meta jkun meħtieġ matul is-snin finanzjarji 2020 u 2021 iżda mhux iktar tard mill-15 ta’ Ottubru 2021, bidliet fil-programmi nazzjonali ta’ appoġġ tagħhom fis-settur tal-inbid kif imsemmi fl-Artikolu 41(5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.”;

(2)

fil-paragrafu 2, il-frażi introduttorja tinbidel b’dan li ġej:

“2.   B’deroga mill-Artikolu 8 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150, matul is-snin finanzjarji 2020 u 2021, l-Istati Membri jistgħu:”;

(3)

Għandu jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3.   B’deroga mill-Artikolu 24(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150, matul is-snin 2020, 2021 u 2022, l-Istati Membri għandhom jeżaminaw mill-ġdid il-kalkoli previsti fil-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu sa mhux aktar tard mir-raba’ sena wara l-kalkoli preċedenti u għandhom, jekk ikun meħtieġ, jaġġustaw l-iskali standard tal-kostijiet unitarji stabbiliti inizjalment.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mis-16 ta’ Ottubru 2020. Madankollu, il-punt (3) tal-Artikolu 1 għandu japplika mir-4 ta’ Mejju 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Jannar 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/600 tat-30 ta’ April 2020 li jidderoga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892, mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150, mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 615/2014, mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1368 u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39 fir-rigward ta’ ċerti miżuri biex tiġi indirizzata l-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 140, 4.5.2020, p. 40).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 tal-15 ta’ April 2016 li jistabbilixxi r-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-każ ta’ programmi nazzjonali ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid (ĠU L 190, 15.7.2016, p. 23).