26.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 24/19


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/57

tal-25 ta’ Jannar 2021

li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH) rigward iċ-ċomb fil-pritkuni sparati fl-artijiet mistagħdra jew fl-inħawi tagħhom

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 68(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jistabbilixxi restrizzjonijiet fuq il-manifattura, it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ ċerti sustanzi, taħlitiet u oġġetti perikolużi. L-entrata 63 ta’ dak l-Anness tipprevedi r-restrizzjonijiet fuq iċ-ċomb (Nru CAS 7439-92-1, Nru KE 231-100-4) u fuq il-komposti taċ-ċomb.

(2)

L-Unjoni u 23 Stat Membru tagħha huma Partijiet Kontraenti tal-Ftehim dwar il-konservazzjoni tal-għasafar tal-ilma migratorji Afro-Ewroasjatiċi (2) (AEWA). Skont il-paragrafu 4.1.4 tal-Pjan ta’ Azzjoni li huwa anness mal-AEWA, il-Partijiet Kontraenti huma meħtieġa jagħmlu l-isforzi biex kemm jista’ jkun malajr jibdew ftit ftit jeliminaw l-użu taċ-ċomb mill-kaċċa fl-artijiet mistagħdra, skont skedi li imponew huma stess u li ġew ippubblikati.

(3)

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jeżiġi li l-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari għall-protezzjoni tal-artijiet niedja u partikolarment għall-artijiet niedja ta’ importanza internazzjonali, fil-miżuri ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet migratorji regolari.

(4)

Fit-3 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni talbet lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) biex, skont l-Artikolu 69(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, tħejji dossier bil-mira li tiġi estiża r-restrizzjoni fuq iċ-ċomb u l-komposti taċ-ċomb fl-Anness XVII ta’ dak ir-Regolament ħalli jiġi kkontrollat ir-riskju għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem mill-użu taċ-ċomb u tal-komposti taċ-ċomb fil-pritkuni li jiġu sparati fl-artijiet mistagħdra (“id-dossier tal-Anness XV”). Sadattant, il-Kummissjoni talbet lill-Aġenzija tibda tiġbor ukoll l-informazzjoni dwar użi oħrajn tal-munizzjon magħmul biċ-ċomb, fosthom il-kaċċa f’tipi ta’ art oħra barra l-artijiet mistagħdra, it-tir għall-bersall, u dwar l-użu taċ-ċomb biex itaqqal ix-xbieki u l-ħbula tas-sajd.

(5)

Fil-21 ta’ Ġunju 2017, l-Aġenzija ppubblikat id-dossier tal-Anness XV (4) fejn ipproponiet l-introduzzjoni ta’ restrizzjoni fuq l-użu taċ-ċomb u l-komposti taċ-ċomb fil-pritkuni li jiġu sparati mis-snieter f’artijiet mistagħdra jew f’postijiet fejn il-pritkuni sparati jaqgħu f’art mistagħdra. L-Aġenzija pproponiet ukoll l-introduzzjoni ta’ restrizzjoni fuq il-pussess tal-pritkuni li jkun fihom konċentrazzjoni ta’ ċomb ta’ 1 % jew iżjed (“pritkuni taċ-ċomb”) fl-artijiet mistagħdra biex tiġi infurzata aħjar ir-restrizzjoni fuq l-użu taċ-ċomb fil-pritkuni li jiġu sparati. L-Aġenzija kkonkludiet li l-użu taċ-ċomb fil-pritkuni f’artijiet mistagħdra huwa ta’ riskju għall-għasafar li jibilgħu ċ-ċombiet li jkunu waqgħu, liema riskju jkollu effetti tossikoloġiċi, fosthom il-mewt.

(6)

L-għadd stmat ta’ għasafar tal-ilma li jmutu vvelenati biċ-ċomb fl-Unjoni huwa madwar miljun fis-sena. L-użu taċ-ċomb fil-pritkuni huwa ta’ riskju wkoll għall-ispeċijiet li jieklu l-għasafar li jkunu kkontaminati bil-pritkuni taċ-ċomb u ta’ riskju għall-bnedmin li jieklu l-għasafar tal-ilma li jinqatlu biċ-ċombiet, iżda dan l-aħħar riskju ġie vvalutat biss b’mod kwalitattiv mill-Aġenzija. L-esponiment tal-bnedmin għaċ-ċomb huwa assoċjat ma’ effetti fuq l-iżvilupp newroloġiku, ma’ funzjonament insuffiċjenti tal-kliewi u ma’ nuqqas ta’ fertilità, ma’ pressjoni għolja, ma’ riżultati ħżiena fit-tqala u mal-mewt.

(7)

L-Aġenzija kkonkludiet li jeżistu l-alternattivi għall-pritkuni taċ-ċomb, bħall-pritkuni tal-azzar jew tal-bismut, li huma faċilment disponibbli u teknikament fattibbli, u li għandhom profili tar-riskju aħjar għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent minn dak taċ-ċombiet. Barra minn hekk, il-pritkuni tal-azzar, li probabbilment ikunu l-iżjed li jintużaw, jistgħu jinxtraw bi prezz simili għal dak taċ-ċombiet.

(8)

Diġà jeżistu dispożizzjonijiet li jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-użu taċ-ċomb fil-pritkuni fl-artijiet mistagħdra fil-maġġoranza tal-Istati Membri, iżda d-diskrepanzi bejn id-dispożizzjonijiet ta’ pajjiż u ta’ ieħor qed iwasslu għal livelli differenti ta’ kemm jitnaqqas ir-riskju. Minbarra dan, ir-rotot migratorji tal-għasafar tipikament jgħaddu minn fuq għadd ta’ Stati Membri differenti, u għaldaqstant l-għasafar jistgħu jibilgħu ċ-ċombiet sparati f’dawk l-Istati Membri fejn ma hemmx miżuri fis-seħħ jew fejn il-miżuri jkunu limitati. Id-dossier tal-Anness XV juri li hija meħtieġa l-azzjoni madwar l-Unjoni kollha biex jiġu indirizzati b’mod armonizzat ir-riskji li jġib miegħu l-użu taċ-ċomb fil-pritkuni fl-artijiet mistagħdra. Iżda l-leġiżlazzjoni armonizzata jenħtieġ li tkun ibbażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni. Għaldaqstant, ir-riżultat tal-armonizzazzjoni ma għandux ikun li tobbliga lil dawk l-Istati Membri li għandhom dispożizzjonijiet aktar stretti dwar iċ-ċomb fil-pritkuni jabbandunaw id-dispożizzjonijiet tagħhom, għaliex dan iwassal għal tnaqqis fil-livell tal-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa f’dawk l-Istati Membri.

(9)

L-Aġenzija ssuġġeriet perjodu ta’ tliet snin biex tiġi introdotta r-restrizzjoni.

(10)

Fid-9 ta’ Marzu 2018, il-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskju (RAC) tal-Aġenzija adotta opinjoni skont l-Artikolu 70 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 dwar id-dossier tal-Anness XV. F’dik l-opinjoni l-RAC qabel mal-konklużjoni tal-Aġenzija li l-inġestjoni mill-għasafar tal-ilma taċ-ċombiet sparati tikkawża effetti tossikoloġiċi, fosthom il-mewt. F’dak li għandu x’jaqsam mas-saħħa tal-bniedem, l-RAC ikkonkluda li ċ-ċomb huwa tossiku ħafna u li ma ġiex stabbilit limitu massimu la għall-effetti fuq l-iżvilupp newroloġiku tat-tfal, u lanqas fuq il-pressjoni għolja u l-effetti fuq il-kliewi fl-adulti, u b’hekk, kwalunkwe ammont ta’ esponiment għaċ-ċomb jikkostitwixxi riskju. L-RAC ikkonkluda li r-restrizzjoni proposta hija miżura xierqa għall-Unjoni kollha biex jiġu indirizzati r-riskji identifikati.

(11)

L-RAC kien ħafna favur perjodu iqsar mit-tliet snin li pproponiet l-Aġenzija. Ir-raġuni li ta għal dan kienet li għal kull sena ta’ dewmien ir-riżultat ikun 4 000 tunnellata iżjed ta’ ċomb li jiġi rrilaxxat fiż-żoni mistagħdra, li jikkawża l-mewt ta’ madwar miljun għasfur.

(12)

Fl-14 ta’ Ġunju 2018, il-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika (SEAC) tal-Aġenzija adotta opinjoni skont l-Artikolu 71(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, fejn ikkonkluda li r-restrizzjoni proposta tkun xierqa bħala miżura li tittieħed mal-Unjoni kollha biex jiġu indirizzati r-riskji identifikati, meta wieħed iqis li l-benefiċċji soċjoekonomiċi tagħha huma proporzjonati mal-kostijiet soċjoekonomiċi. Barra minn hekk, l-SEAC ikkonkluda li l-ispejjeż tar-restrizzjoni proposta jġarrbuhom il-kaċċaturi, u li ż-żieda fl-ispiża għall-kaċċaturi hija waħda raġonevoli.

(13)

L-SEAC kien tal-fehma li perjodu iqsar mit-tliet xhur issuġġeriti fid-dossier tal-Anness XV jista’ joħloq diffikultajiet fl-implimentazzjoni għal dawk l-Istati Membri li attwalment għandhom projbizzjoni limitata jew li ma għandhom l-ebda projbizzjoni fuq l-użu tal-pritkuni taċ-ċomb fl-artijiet mistagħdra; fl-istess ħin l-SEAC ammetta wkoll li perjodu tranżizzjonali iqsar jista’ jkun fattibbli meta wieħed iqis li l-pritkuni mingħajr ċomb huma diġà disponibbli fis-suq u li, f’termini ta’ aktar spejjeż minħabba li s-snieter ikollhom jinbidlu aktar malajr, perjodu iqsar ikollu biss impatt żgħir.

(14)

Il-Forum għall-Iskambju tal-Informazzjoni dwar l-Infurzar ġie kkonsultat waqt il-proċess tar-restrizzjoni f’konformità mal-Artikolu 77(4)(h) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu ġew ikkunsidrati.

(15)

Fis-17 ta’ Awwissu 2018, l-Aġenzija ressqet l-opinjonijiet tal-RAC u tal-SEAC (5) lill-Kummissjoni.

(16)

Meta jitqiesu d-dossier tal-Anness XV, l-opinjonijiet tal-RAC u tal-SEAC, l-impatt soċjoekonomiku u d-disponibbiltà ta’ alternattivi, il-Kummissjoni hija tal-fehma li hemm riskju inaċċettabbli għall-ambjent u riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem ikkawżat mir-rilaxx ta’ ċombiet fl-artijiet mistagħdra jew fl-inħawi tagħhom, u dan jeħtieġ li jiġi indirizzat mal-Unjoni kollha. Għaldaqstant jixraq li tiġi introdotta restrizzjoni fuq l-att ta’ sparar li jirrilaxxa ċ-ċomb fl-artijiet mistagħdra u fl-inħawi tagħhom.

(17)

Minħabba li huwa diffiċli li l-awtoritajiet jaqbdu lill-kaċċaturi fl-att li jisparaw, jenħtieġ li r-restrizzjoni tkun ukoll fuq il-ġarr tal-pritkuni taċ-ċomb waqt ħarġa għall-isparar. B’hekk ikun possibbli li tiġi infurzata b’ħafna aktar effikaċja r-restrizzjoni fuq l-isparar tal-pritkuni taċ-ċomb u għalhekk tkun żgurata l-effikaċja tar-restrizzjoni biex jiġu indirizzati r-riskji għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem li ġew identifikati. Jenħtieġ li r-restrizzjoni ma tkunx marbuta mad-drittijiet tal-pussess. Għaldaqstant jenħtieġ li jintuża t-terminu “ġarr” minflok “pussess”, li kien it-terminu li ssuġġeriet l-Aġenzija.

(18)

Jenħtieġ li r-restrizzjoni fuq il-ġarr ta’ pritkuni taċ-ċomb tkun tapplika b’mod speċifiku għall-ġarr meta persuna tkun ħarġet tispara, u mhux għall-ġarr f’kuntest differenti, pereżempju waqt li dak li jkun ikun qed jittrasporta l-pritkuni f’artijiet mistagħdra biex iwassalhom xi mkien ieħor. Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-restrizzjoni fuq il-ġarr jenħtieġ li tkun marbuta direttament ma’ tip ta’ sparar partikolari fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-restrizzjoni (l-isparar f’artijiet mistagħdra jew fl-inħawi tagħhom). Dan minħabba li xi osservazzjonijiet li tressqu waqt il-konsultazzjoni pubblika dwar id-dossier tal-Anness XV indikaw li f’xi Stati Membri, il-kaċċaturi li jkunu qed jieħdu sehem f’tipi oħra ta’ sparar ħafna drabi jimxu f’tipi ta’ art diversi, fosthom artijiet mistagħdra, f’ġurnata tipika meta jkunu qed jisparaw. Il-Kummissjoni hija tal-fehma wkoll li biex l-infurzar ikun iżjed effikaċi, ir-restrizzjoni fuq il-ġarr jenħtieġ li tkun tkopri mhux biss il-ġarr waqt li dak li jkun ħareġ jispara f’artijiet mistagħdra, iżda wkoll il-ġarr bħala parti minn ħarġa għall-isparar f’artijiet mistagħdra, fi kliem ieħor, meta jkun hemm rabta mill-qrib mal-att tal-isparar. B’hekk, pereżempju, ikun kopert il-ġarr anki meta dak li jkun ikun fi triqtu lejn ġurnata ta’ sparar f’artijiet mistagħdra jew ikun sejjer lura d-dar wara, u anki l-ġarr minn xi ħadd li jkun qed jgħin lill-kaċċaturi waqt ħarġa għall-isparar.

(19)

Minħabba d-diffikultajiet prattiċi biex jiġi ppruvat x’tip ta’ sparar ikun biħsiebu jagħmel xi ħadd li jinsab li jkun qed iġorr il-pritkuni taċ-ċomb, jixraq li tiġi stabbilita preżunzjoni legali li kull min jinstab bil-pritkuni taċ-ċomb f’artijiet mistagħdra jew fl-inħawi tagħhom waqt ħarġa għall-isparar, jew bħala parti minn ħarġa għall-isparar f’artijiet mistagħdra, ikun preżunt li jkun qed iġorr dawk il-pritkuni waqt li jkun ħareġ jispara, jew bħala parti minn dik il-ħarġa għall-isparar. Fi kliem ieħor, ikun id-dmir ta’ dik il-persuna li tagħti l-provi li fil-fatt kellha l-intenzjoni li tikkaċċja xi mkien ieħor u li kienet biss qed taqsam l-art mistagħdra biex tasal xi mkien ieħor għall-kaċċa.

(20)

F’dak li għandu x’jaqsam mal-ambitu ġeografiku, l-Aġenzija pproponiet li r-restrizzjoni fuq l-isparar ta’ pritkuni taċ-ċomb jenħtieġ li tkun tapplika mhux biss f’artijiet mistagħdra, iżda wkoll f’żoni fejn “il-pritkuni sparati jaqgħu f’art mistagħdra”. Il-Kummissjoni tosserva li fl-RAC kien hemm min kien favur definizzjoni kwantitattiva ta’ żona ta’ lqugħ fissa madwar l-artijiet mistagħdra, flok li wieħed ikollu joqgħod fuq test ibbażat fuq fejn jaqgħu l-pritkuni sparati. Il-Kummissjoni taqbel li żona ta’ lqugħ fissa wisq probabbli tgħin biex dak li jkun jikkonforma mar-restrizzjoni u li din tiġi infurzata. Għaldaqstant jenħtieġ li r-restrizzjoni tkun tapplika għall-isparar ta’ pritkuni taċ-ċomb mhux biss f’artijiet mistagħdra iżda wkoll f’żona ta’ lqugħ fissa li tiġi ddefinita b’mod kwantitattiv. Meta wieħed iqis il-ħtieġa li tkun żgurata l-proporzjonalità, id-daqs taż-żona ta’ lqugħ jenħtieġ li tiġi ffissata għal 100 metru madwar l-artijiet mistagħdra.

(21)

Minħabba l-vantaġġi marbuta mal-infurzar u mal-effikaċja tar-restrizzjoni li jkun hemm meta l-kaċċaturi ma jridux bilfors jinqabdu fl-att reali ta’ sparar ta’ pritkuni taċ-ċomb, il-Kummissjoni hija tal-fehma li jkun xieraq li r-restrizzjoni fuq il-ġarr tal-pritkuni taċ-ċomb ma tkunx ristretta biss għall-ġarr f’artijiet mistagħdra, iżda tkun ukoll fuq il-ġarr fiż-żona ta’ lqugħ fissa madwar l-artijiet mistagħdra.

(22)

Billi l-pritkuni b’mod ġenerali mhumiex maħsubin u ma jitqegħdux fis-suq biss biex jintużaw f’artijiet mistagħdra jew fl-inħawi tagħhom, restrizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq taċ-ċomb fil-pritkuni taffettwa l-isparar f’kull tip ta’ art. Għalhekk, jenħtieġ li r-restrizzjoni tkun limitata għall-isparar u għall-ġarr tal-pritkuni taċ-ċomb.

(23)

Jenħtieġ li r-restrizzjoni tkun tapplika għal pritkuni taċ-ċomb li fihom konċentrazzjoni ta’ ċomb ta’ 1 % jew iżjed. Il-konċentrazzjoni ta’ 1 % hija l-limitu applikat għall-proċess tal-approvazzjoni ta’ pritkuni “mhux tossiċi” fl-Istati Uniti tal-Amerka biex jiġi evitat il-periklu ta’ tossiċità sinifikanti għall-għasafar migratorji u għal annimali selvaġġi oħra, jew għall-ħabitats tagħhom. Barra minn hekk, limitu massimu ta’ konċentrazzjoni ta’ 1 % għar-restrizzjoni jitqies li huwa biżżejjed biex jindirizza r-riskji ta’ materjal tal-isparar li fih iċ-ċomb, filwaqt li huwa faċli biex jilħquh il-produtturi ta’ pritkuni alternattivi, billi xi wħud minn dawk l-alternattivi x’aktarx ikun fihom xi ftit ċomb fil-forma ta’ impurità.

(24)

Jixraq li, għall-finijiet tar-restrizzjoni, tiġi riflessa d-definizzjoni ta’ “artijiet mistagħdra” li ntużat fil-Konvenzjoni dwar l-Artijiet Mistagħdra ta’ Importanza Internazzjonali (il-Konvenzjoni ta’ Ramsar) li ġiet iffirmata f’Ramsar fit-2 ta’ Frar 1971, kif ġie propost mill-Aġenzija u kif ġie kkonfermat fl-opinjonijiet tal-RAC u tal-SEAC, billi dik id-definizzjoni hija komprensiva u tkopri kull tip ta’ art mistagħdra (fosthom it-torbiera, fejn jinsabu ħafna għasafar tal-ilma wkoll), u billi l-Konvenzjoni ta’ Ramsar żviluppat ukoll sistema ta’ klassifikazzjoni tat-tipi ta’ artijiet mistagħdra li tgħin għall-identifikazzjoni tal-artijiet mistagħdra.

(25)

Jenħtieġ li l-partijiet ikkonċernati jingħataw biżżejjed żmien biex jieħdu l-miżuri xierqa biex jikkonformaw mar-restrizzjoni, u li l-Istati Membri jingħataw biżżejjed żmien biex jitħejjew għall-infurzar tagħha. Meta jitqiesu l-fehmiet li wrew l-RAC u l-SEAC dwar il-fattibbiltà u l-pertinenza ta’ perjodu iqsar mit-tliet snin proposti mill-Aġenzija, u meta jitqies b’mod partikolari l-impatt stmat ta’ kull sena li jiddaħħal aktar ċomb fl-artijiet mistagħdra bl-użu tal-pritkuni taċ-ċomb, l-applikazzjoni tar-restrizzjoni jenħtieġ li tiġi diferita b’24 xahar.

(26)

F’Settembru tal-2018, l-Aġenzija ppubblikat ir-riżultati ta’ rapport ta’ investigazzjoni (6) li evalwat mill-ġdid l-informazzjoni disponibbli dwar l-użi diversi taċ-ċomb, fost l-oħrajn l-użu taċ-ċomb fil-pritkuni f’żoni li mhumiex artijiet mistagħdra, jiġifieri f’ambjenti terrestri. Billi r-rapport tal-investigazzjoni sab, fost affarijiet oħra, li l-informazzjoni disponibbli tissuġġerixxi li l-użu tal-pritkuni taċ-ċomb f’ambjenti terrestri kien ta’ riskju kemm għas-saħħa tal-bniedem kif ukoll għall-ambjent, fl-2019 il-Kummissjoni talbet lill-Aġenzija tħejji d-dossier tal-Anness XV bil-għan li possibbilment issir restrizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq u fuq l-użu taċ-ċomb fil-munizzjon u fit-tagħmir tas-sajd (7).

(27)

Barra minn hekk, fl-opinjonijiet tagħhom fid-dossier tal-Anness XV dwar l-użu taċ-ċomb fil-pritkuni għall-isparar fl-artijiet mistagħdra, l-RAC u l-SEAC wrew li qablu mal-fehma tal-Aġenzija li projbizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq u fuq l-użu tal-pritkuni taċ-ċomb f’kull tip ta’ art tirriżulta f’livell ogħla ta’ protezzjoni ambjentali u tkun aktar effettiva mill-perspettiva prattika u dik tal-infurzar.

(28)

F’xi Stati Membri, ir-restrizzjoni introdotta permezz ta’ dan ir-Regolament tista’ twassal għal diffikultajiet partikolari minħabba l-kundizzjonijiet ġeografiċi speċifiċi f’dawk l-Istati Membri. Fl-Istati Membri li għandhom proporzjon kbir ta’ artijiet mistagħdra fit-territorju tagħhom, projbizzjoni fuq l-isparar u fuq il-ġarr tal-pritkuni taċ-ċomb f’artijiet mistagħdra u fl-inħawi tagħhom tista’ fil-prattika jkollha effett simili għal projbizzjoni totali ta’ kull tip ta’ sparar mat-territorju kollu, billi l-kaċċaturi, huma min huma, spiss u kważi b’mod inevitabbli se jsibu ruħhom f’artijiet mistagħdra jew fl-inħawi tagħhom. Barra minn hekk, ir-riżorsi li mbagħad ikunu jridu jintużaw għall-infurzar ta’ restrizzjoni li tkun immirata biss lejn żoni f’artijiet mistagħdra jew fl-inħawi tagħhom jistgħu ma jkunux wisq inqas, u tabilħaqq jistgħu jkunu iktar, mir-riżorsi meħtieġa biex tiġi infurzata restrizzjoni li tkopri t-territorju kollu tagħhom.

(29)

Minħabba d-diffikultajiet deskritti, il-ħtieġa li l-miżura tkun mhux biss effettiva, iżda sempliċi u ġusta wkoll għall-komunità tal-kaċċaturi kollha, u minħabba r-riżultati tar-rapport tal-investigazzjoni tal-Aġenzija, u minħabba l-fehmiet tal-RAC u tal-SEAC, il-Kummissjoni hija tal-fehma li jenħtieġ li dawk l-Istati Membri fejn x’aktarx ikun hemm dan it-tip ta’ diffikultajiet jingħataw l-għażla li jimponu restrizzjoni differenti fit-territorju tagħhom, li tkun tipprojbixxi kemm it-tqegħid fis-suq tal-pritkuni taċ-ċomb, kif ukoll l-isparar u l-ġarr tagħhom fit-territorju kollu tagħhom, kemm fl-artijiet mistagħdra kif ukoll f’postijiet oħra, b’rabta ma’ kull tip ta’ sparar.

(30)

F’ġieħ iċ-ċertezza legali, huwa importanti li jiġu identifikati biċ-ċar l-Istati Membri li huma eliġibbli jagħmlu dik l-għażla jekk jixtiequ. Din l-għażla jenħtieġ li tingħata lil dawk l-Istati Membri li għandhom mill-inqas 20 % tat-territorju tagħhom magħmul minn artijiet mistagħdra. Limitu ta’ 20 % għandu jkun biżżejjed biex ikopri lil dawk l-Istati Membri li x’aktarx se jiltaqgħu ma’ dawk id-diffikultajiet minħabba l-kundizzjonijiet ġeografiċi speċifiċi tagħhom.

(31)

Billi r-restrizzjoni li tista’ tiġi imposta minn dawk l-Istati Membri tkun iżjed strinġenti mir-restrizzjoni li tkun limitata biss għaż-żoni tal-artijiet mistagħdra u l-inħawi tagħhom, jixraq li jiġi ffissat perjodu itwal għall-introduzzjoni ta’ dik ir-restrizzjoni. Dak il-perjodu jenħtieġ li jiġi ffissat għal 36 xahar, u dan jikkorrispondi mal-perjodu tranżizzjonali li ssuġġeriet l-Aġenzija oriġinarjament fid-dossier tal-Anness XV.

(32)

Għar-raġunijiet ta’ trasparenza u ċertezza legali, jenħtieġ li l-Istati Membri li jieħdu dik l-għażla jintalbu biex, sa ċertu żmien, jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom u jikkomunikaw il-miżuri li jkunu adottaw biex jimplimentawha, u jenħtieġ li mingħajr dewmien il-Kummissjoni tippubblika l-avviżi ta’ intenzjoni u t-testi tal-miżuri nazzjonali adottati.

(33)

Hemm għadd ta’ Stati Membri fejn iseħħu dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-użu taċ-ċomb fil-pritkuni biex jipproteġu l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem li huma aktar stretti minn dawk stipulati f’dan ir-Regolament. Jekk dawk l-Istati Membri jkollhom bilfors inaqqsu l-livell ta’ protezzjoni biex jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament, dan jista’ jwassal biex jiżdied l-użu tal-pritkuni taċ-ċomb f’dawk l-Istati Membri. Dan ma jkunx kompatibbli mal-livell għoli ta’ protezzjoni li jitlob l-Artikolu 114(3) tat-Trattat. Għalhekk jenħtieġ li l-Istati Membri jingħataw l-għażla li jżommu dawn id-dispożizzjonijiet aktar stretti.

(34)

Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jiġi emendat skont dan.

(35)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Jannar 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(2)  https://www.unep-aewa.org/sites/default/files/basic_page_documents/agreement_text_english_final.pdf

(3)  Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).

(4)  https://echa.europa.eu/documents/10162/6ef877d5-94b7-a8f8-1c49-8c07c894fff7

(5)  https://echa.europa.eu/documents/10162/b092e670-3266-fb5d-6296-544eaccb5d4a

(6)  https://echa.europa.eu/documents/10162/13641/lead_ammunition_investigation_report_en.pdf/efdc0ae4-c7be-ee71-48a3-bb8abe20374a

(7)  https://echa.europa.eu/documents/10162/13641/rest_lead_ammunition_COM_request_en.pdf/f607c957-807a-3b7c-07ae-01151001d939


ANNESS

Fl-entrata 63 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin fit-tieni kolonna:

 

“11.

Wara l-15 ta’ Frar 2023 kull wieħed minn dawn l-atti li ġejjin hu pprojbit fl-artijiet mistagħdra jew f’distanza ta’ 100 metru lil hinn minnhom:

(a)

l-isparar ta’ pritkuni li fihom konċentrazzjoni ta’ ċomb (espress bħala metall) ta’ 1 % jew iżjed tal-piż tagħhom;

(b)

il-ġarr ta’ kull pritkuna ta’ dan it-tip waqt ħarġa għall-isparar f’artijiet mistagħdra jew f’ħarġa li tkun parti minn ħarġa għall-isparar f’artijiet mistagħdra.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu:

(a)

“inqas minn 100 metru bogħod minn art mistagħdra” tfisser inqas minn 100 metru bogħod mill-konfini kollha ta’ barra ta’ art mistagħdra;

(b)

“l-isparar f’artijiet mistagħdra” tfisser l-isparar f’artijiet mistagħdra jew fil-konfini ta’ 100 metru lil hinn minnhom;

(c)

jekk persuna tinstab li tkun qed iġġorr il-pritkuni f’artijiet mistagħdra jew fil-konfini ta’ 100 metru lil hinn minnhom meta tkun ħarġet biex tispara, jew bħala parti minn ħarġa biex isir sparar, għandu jkun preżunt li dan l-isparar qed isir f’artijiet mistagħdra sakemm dik il-persuna ma tkunx tista’ tagħti provi li kien tip ieħor ta’ sparar.

Ir-restrizzjoni stabbilita fl-ewwel subparagrafu ma għandhiex tapplika fi Stat Membru jekk dak l-Istat Membru javża lill-Kummissjoni f’konformità mal-paragrafu 12 li biħsiebu jieħu l-għażla mogħtija f’dak il-paragrafu.

12.

Jekk Stat Membru jkun fih 20 % mit-total tat-territorju tiegħu, minbarra l-ilmijiet territorjali, li jkunu artijiet mistagħdra, dak l-Istat Membru jista’, minflok ir-restrizzjoni stabbilita fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 11, jipprojbixxi dawn l-atti li ġejjin fit-territorju kollu tiegħu mill-15 ta’ Frar 2024:

(a)

it-tqegħid fis-suq ta’ pritkuni li fihom konċentrazzjoni ta’ ċomb (espress bħala metall) ta’ 1 % jew iżjed tal-piż tagħhom;

(b)

l-isparar ta’ kull pritkuna ta’ dan it-tip;

(c)

il-ġarr ta’ pritkuni ta’ dan it-tip waqt ħarġa fejn se jsir sparar jew f’ħarġa li tkun parti minn ħarġa biex isir sparar.

Kull Stat Membru li biħsiebu jieħu l-għażla mogħtija fl-ewwel subparagrafu għandu javża lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu sal-15 ta’ Awwissu 2021. L-Istat Membru għandu jibgħat it-test tal-miżuri nazzjonali li jkun adotta lill-Kummissjoni mingħajr dewmien, u fi kwalunkwe każ sal-15 ta’ Awwissu 2023. Il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tippubblika kull avviż ta’ intenzjoni u t-testi tal-miżuri nazzjonali li tirċievi.

13.

Għall-finijiet tal-paragrafi 11 u 12:

(a)

“artijiet mistagħdra” tfisser żoni ta’ bur, mgħaddra, torbiera jew ilma, kemm jekk ikunu naturali, kif ukoll artifiċjali, permanenti jew temporanji, li jkun fihom ilma qiegħed jew ġieri, ħelu, salmastru jew mielaħ, inklużi ż-żoni tal-ilma baħar li l-fond tagħhom meta l-ilma jkun baxx ma jkunx iktar minn sitt metri;

(b)

“pritkuni” tfisser il-pritkuni li jintużaw jew li huma maħsubin biex jintużaw f’karga waħda jew fi skartoċċ f’senter;

(c)

“senter” tfisser arma tan-nar b’kanna lixxa, minbarra l-ixkubetti tal-arja;

(d)

“sparar” tfisser kull sparar b’senter;

(e)

“il-ġarr” tfisser kull ġarr fuq il-persuna jew il-ġarr jew trasportazzjoni b’kull mezz ieħor;

(f)

biex jiġi ddeterminat jekk persuna li tinqabad bil-pritkuni tkunx qed iġġorr il-pritkuni “bħala parti minn ħarġa għall-isparar”:

(i)

għandhom jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ;

(ii)

il-persuna li tinqabad bil-pritkuni mhijiex bilfors l-istess persuna li tkun qed tispara.

14.

L-Istati Membri jistgħu jżommu d-dispożizzjonijiet nazzjonali għall-protezzjoni tal-ambjent jew tas-saħħa tal-bniedem u dispożizzjonijiet li jirrestrinġu aktar milli stipulat fil-paragrafu 11 l-użu taċ-ċomb fil-pritkuni li jkunu diġà fis-seħħ fil-15 ta’ Frar 2021.

L-Istat Membru għandu jibgħat it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet nazzjonali lill-Kummissjoni mingħajr dewmien. Il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tippubblika kull test tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li tirċievi.”