26.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 24/1


REGOLAMENT (UE) 2021/56 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta’ Jannar 2021

li jistabbilixxi miżuri ta’ ġestjoni, ta’ konservazzjoni u ta’ kontroll applikabbli fiż-żona tal-Konvenzjoni Inter-Amerikana għat-Tonn Tropikali u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 520/2007

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz ta’ att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Waqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-għan tal-Politika Komuni tas-Sajd, kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), huwa li tiżgura sfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar li jipprovdi kundizzjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali sostenibbli.

(2)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE (4), l-Unjoniapprovat il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim għall-Implimentazzjoni ta’ dik il-Konvenzjoni relatata mal-Konservazzjoni u l-Ġestjoni tal-Istokks tal-Ħut fuq iż-żewġ naħat tal-istess żona u l-Istokks tal-Ħut li Jpassi (5) bil-Qawwi, li fihom prinċipji u regoli fir-rigward tal-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar. Fil-qafas tal-obbligi internazzjonali aktar ġenerali tagħha, l-Unjoni tieħu sehem fl-isforzi li jsiru fl-ibħra internazzjonali għall-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut.

(3)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/539/KE (6), l-Unjoni approvat il-Konvenzjoni għat-Tisħiħ tal-Kummissjoni Inter-Amerikana għat-Tonn Tropikali stabbilita mill-Konvenzjoni tal-1949 bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u r-Repubblika tal-Costa Rica (“il-Konvenzjoni”).

(4)

Il-Kummissjoni Inter-Amerikana għat-Tonn Tropikali (IATTC) għandha l-awtorità li tadotta deċiżjonijiet (“Riżoluzzjonijiet”) sabiex tiżgura l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli fit-tul tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni. Ir-Riżoluzzjonijiet huma vinkolanti għall-Partijiet Kontraenti. Ir-Riżoluzzjonijiet huma essenzjalment indirizzati lill-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni, iżda jinkludu wkoll obbligi għall-operaturi privati (pereżempju għall-kaptani tal-bastimenti). Ir-Riżoluzzjonijiet jidħlu fis-seħħ 45 jum wara l-adozzjoni tagħhom u, fil-każ tal-Unjoni, iridu jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni malajr kemm jista’ jkun.

(5)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/938/KE (7), l-Unjoni approvat il-Ftehim dwar il-Programm Internazzjonali għall-Konservazzjoni tad-Delfini (“il-Ftehim”), li stabbilixxa l-Programm Internazzjonali għall-Konservazzjoni tad-Delfini (IDCP).

(6)

Skont l-Artikolu XIV tal-Ftehim, l-IATTC għandu jkollha rwol integrali biex tikkoordina l-implimentazzjoni tal-Ftehim u tal-miżuri li se jkunu adottati fi ħdan il-qafas tal-IATTC.

(7)

Fi ħdan l-IDCP, il-Laqgħa tal-Partijiet hija responsabbli għall-adozzjoni ta’ miżuri mfassla biex progressivament inaqqsu l-imwiet aċċidentali tad-dniefel fis-sajd tat-tonn bit-tartarun fiż-Żona tal-Ftehim għal livelli li jqarrbu lejn iż-żero, permezz tal-iffissar ta’ limiti annwali. Dawn il-miżuri jsiru vinkolanti fuq l-Unjoni.

(8)

L-aktar implimentazzjoni reċenti tar-Riżoluzzjonijiet twettqet permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 520/2007 (8).

(9)

B’kont meħud li r-Riżoluzzjonijiet huwa probabbli li jiġu emendati fil-laqgħat annwali tal-IATTC, u sabiex dawn jiġu inkorporati malajr fil-liġi tal-Unjoni, sabiex jissaħħu l-kundizzjonijiet ekwi u tkompli tiġi appoġġata l-ġestjoni sostenibbli fit-tul tal-istokkijiet, il-Kummissjoni għandha tiġi ddelegata bis-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-aspetti li ġejjin: l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għal-lenez tal-klieb il-baħar, il-perjodi ta’ waqfien mis-sajd, l-iskedi ta’ żmien għar-rappurtar tat-tagħmir biex jinġabar il-ħut (FADs), id-dispożizzjonijiet dwar it-tfassil u l-użu tal-FADs, l-iskadenzi għall-ġbir tad-data, iż-żoni u l-miżuri ta’ mitigazzjoni għall-protezzjoni tat-tjur tal-baħar, il-kopertura tal-osservaturi xjentifiċi, l-informazzjoni relatata mar-Reġistru Reġjonali tal-Bastimenti, ir-referenza għat-tabella għall-forniment tad-data għall-ġurnali ta’ abbord u r-rekords tal-ħatt, id-dokument statistiku dwar it-tonn obeż, diversi skadenzi għar-rappurtar u l-linji gwida dwar il-mortalità tal-fkieren. Huwa importanti ħafna li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet twettaqhom f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (9). B’mod partikolari, sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom sistematikament ikollhom aċċess għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(10)

Id-delega tas-setgħat prevista f’dan ir-Regolament jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjonijiet futuri fid-dritt tal-Unjoni permezz tal-proċedura leġislattiva ordinarja.

(11)

Peress li dan ir-Regolament jimplimenta l-miżuri kollha tal-IATTC, l-Artikolu 3(3), l-Artikolu 4(3) u t-Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 520/2007 għandhom jitħassru,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri ta’ ġestjoni, konservazzjoni u kontroll relatati mas-sajd fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni u fir-rigward tal-istokkijiet tat-tonn u ta’ speċijiet jixbhu lit-tonn, speċijiet oħra ta’ ħut li jinqabdu minn bastimenti li jistadu għat-tonn u speċijiet li jixbhu lit-tonn u speċijiet li jappartjenu għall-istess ekosistema li huma effettwati mis-sajd għall-istokkijiet tal-ħut kopert mill-Konvenzjoni jew li huma dipendenti fuqu jew assoċjati miegħu.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament japplika għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jintużaw jew li huma maħsuba biex jintużaw għall-iskopijiet ta’ sajd fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni.

2.   Sakemm ma jiġix previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, huwa japplika mingħajr preġudizzju għar-Regolamenti eżistenti fis-settur tas-sajd, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (11), (KE) Nru 1224/2009 (12) and (KE) Nru 1185/2003 (13).

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“il-Konvenzjoni” tfisser il-Konvenzjoni għat-tisħiħ tal-Kummissjoni Inter-Amerikana għat-Tonn Tropikali stabbilita mill-Konvenzjoni tal-1949 bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u r-Repubblika tal-Costa Rica;

(2)

“iż-żona tal-Konvenzjoni” tfisser iż-żona ġeografika li għaliha tapplika l-Konvenzjoni kif deskritta fl-Artikolu III tal-Konvenzjoni;

(3)

“speċijiet tal-IATTC” tfisser stokkijiet tat-tonn u speċijiet simili għat-tonn u speċijiet oħra ta’ ħut maqbuda minn bastimenti li jkunu qegħdin jistadu għat-tonn u għal speċijiet simili għat-tonn fiż-żona tal-Konvenzjoni;

(4)

“bastiment tas-sajd tal-Unjoni” tfisser kwalunkwe bastiment li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru, li jintuża jew li huwa maħsub biex jintuża għal skopijiet ta’ sfruttament kummerċjali tar-riżorsi tas-sajd, inklużi bastimenti ta’ sostenn, bastimenti għall-ipproċessar tal-ħut, bastimenti involuti fit-trasbord u bastimenti tal-ġarr mgħammrin għat-trasportazzjoni ta’ prodotti tas-sajd, ħlief għall-bastimenti tal-kontejners;

(5)

“Parti Kontraenti” tfisser il-partijiet kontraenti għall-Konvenzjoni;

(6)

“tartarun tal-borża” tfisser kwalunkwe xibka tat-tidwir li l-parti ta’ taħt tagħha tingħaqad permezz ta’ vajjina li tkun fil-qiegħ nett tax-xibka, li tgħaddi minn sensiela ta’ ħoloq imqabbda mal-ħabel ta’ taħt, li tippermetti li x-xibka tinġieb lura u tingħalaq;

(7)

“tonn tropikali” tfisser it-tonn obeż, it-tonn isfar u l-palamit;

(8)

“bagi tad-data” tfisser apparati li jżommu f’wiċċ l-ilma, mitluqin għal riħhom jew ankrati, li jintużaw minn organizzazzjonijiet jew entitajiet xjentifiċi governattivi jew rikonoxxuti bil-għan li jiġbru b’mod elettroniku data ambjentali, u mhux b’appoġġ għall-attivitajiet tas-sajd, u li ġew innotifikati lis-Segretarjat tal-IATTC;

(9)

“tagħmir biex jinġabar il-ħut” jew “FAD” tfisser oġġetti ankrati, mitluqin għal riħhom, f’wiċċ l-ilma jew taħt l-ilma, użati jew segwiti mill-bastimenti, inkluż permezz tal-użu ta’ bagi bir-radju jew bis-satellita, bil-għan li jinġemgħu l-ispeċijiet tat-tonn fil-mira għall-operazzjonijiet tas-sajd bit-tartarun;

(10)

“interazzjoni” mal-bagi tad-data tinkludi t-tidwir tal-baga bl-irkaptu tas-sajd, l-irbit jew it-twaħħil tal-bastiment, l-irkaptu tas-sajd, jew kwalunkwe parti jew porzjon mill-bastiment, ma’ baga tad-data, jew il-qtugħ tal-ħabel tal-ankra tagħha, iżda mhijiex limitata għalihom;

(11)

“operatur” tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika li topera jew li tikkontrolla kwalunkwe impriża li twettaq kwalunkwe waħda mill-attivitajiet relatati ma’ kwalunkwe stadju ta’ produzzjoni, proċessar, kummerċjalizzazzjoni, distribuzzjoni u bejgħ bl-imnut tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura;

(12)

“SAC” tfisser il-Kumitat Konsultattiv Xjentifiku stabbilit skont l-Artikolu XI tal-Konvenzjoni;

(13)

“trasbord” tfisser il-ħatt tal-prodotti tas-sajd kollha jew ta’ kwalunkwe prodott tas-sajd minn bastiment għal fuq bastiment ieħor;

(14)

“Reġistru Reġjonali tal-Bastimenti” tfisser ir-reġistru tal-bastimenti tal-IATTC;

(15)

“Riżoluzzjoni” tfisser il-miżuri vinkolanti adottati mill-IATTC skont l-Artikolu VII tal-Konvenzjoni;

(16)

“formola tad-dikjarazzjoni tat-trasbord tal-IATTC” tfisser id-dokument li jinsab fl-Anness 2 tar-Riżoluzzjoni C-12-07;

(17)

“osservatur” tfisser persuna li tkun awtorizzata u ċċertifikata minn Stat Membru jew minn Parti Kontraenti biex tosserva, timmonitorja u tiġbor informazzjoni abbord il-bastimenti tas-sajd;

(18)

“konz” tfisser irkaptu tas-sajd li jinkludi medda b’ħafna snanar fuq lenez iqsar imdendlin minnha (brazzoli) ta’ tul u spazjar varjabbli skont l-ispeċijiet fil-mira;

(19)

“lenez tal-klieb il-baħar” tfisser lenez individwali mwaħħlin mal-lenez tas-sufrun jew mas-sufruni direttament, u użati biex jiġu mmirati l-klieb il-baħar, kif muri fil-Figura 1 tar-Riżoluzzjoni C-16-05;

(20)

“snanar b’ċirku kbir” tfisser ganċijiet bil-ponta mdawra b’mod perpendikulari lura lejn il-manku biex jifformaw għamla ġeneralment ċirkolari jew ovali, u l-ponta tal-ganċ ma tkunx spostata b’aktar minn 10 gradi;

(21)

“il-Ftehim” tfisser il-Ftehim dwar il-Programm Internazzjonali għall-Konservazzjoni tad-Delfini (AIDCP);

(22)

“bjar issiġillati” tfisser kwalunkwe spazju abbord bastiment, maħsub għall-iffriżar, iż-żamma, jew il-ħażna tal-ħut, li l-aċċess għalih ikun ġie imblukkat biex jiġi evitat l-użu tiegħu għal dawk l-iskopijiet;

(23)

“WCPFC” tfisser il-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali stabbilita fl-ambitu tal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Immaniġġjar ta’ Stokkijiet ta’ Ħut Migratorju fl-Oċean Paċifiku Ċentrali u tal-Punent (14);

(24)

“żona kondiviża” tfisser iż-żona ta’ kompetenza kondiviża bejn iż-żoni ġeografiċi tal-IATTC u tad-WCPFC. Dik iż-żona hija l-parti tal-Oċean Paċifiku delimitata mil-linji li ġejjin: il-parallel 50°N mill-intersezzjoni tiegħu mal-meridjan 150°P sal-intersezzjoni mal-meridjan 130°P, u l-parallel 4°N mill-intersezzjoni tiegħu mal-meridjan 150°P sal-intersezzjoni mal-meridjan 130°P.

KAPITOLU II

Miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni

Artikolu 4

Perjodi ta’ waqfien mis-sajd għall-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża għat-tonn tropikali

1.   Sabiex jiġi implimentat il-perjodu ta’ waqfien mis-sajd għall-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża, kull Stat Membru għandu:

(a)

jinforma lill-Kummissjoni sal-15 ta’ Ġunju ta’ kull sena dwar liema miż-żewġ perjodi ta’ waqfien mis-sajd mid-29 ta’ Lulju sat-8 ta’ Ottubru, jew mid-9 ta’ Novembru sad-19 ta’ Jannar, għandhom ikunu applikabbli għall-bastimenti tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lis-Segretarjat tal-IATTC dwar il-perjodu ta’ waqfien mis-sajd applikabbli sal-15 ta’ Lulju ta’ kull sena;

(b)

jinforma lill-partijiet interessati kollha fl-industrija tat-tonn tiegħu dwar il-perjodu ta’ waqfien mis-sajd;

(c)

jinforma lill-Kummissjoni sal-15 ta’ Ġunju ta’ kull sena li dawn il-passi jkunu ttieħdu;

(d)

jiżgura li għad-durata kollha tal-perjodu ta’ waqfien mis-sajd, il-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża kollha li jtajru l-bandiera tagħhom ma jistadux fiż-żona tal-Konvenzjoni.

2.   Meta bastiment tas-sajd tal-Unjoni ma jkunx jista’ jsalpa barra mill-perjodu ta’ waqfien mis-sajd applikabbli msemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1, minħabba avveniment ta’ force majeure li jikkonsisti fid-diżabilizzazzjoni tal-bastiment tas-sajd matul l-operazzjonijiet tas-sajd minħabba falliment mekkaniku jew strutturali, nar jew splużjoni, matul perjodu ta’ mill-anqas 75 jum konsekuttiv, l-Istat Membru jista’ jibgħat lill-Kummissjoni talba għall-eżenzjoni tal-perjodu ta’ waqfien mis-sajd, flimkien mal-evidenza neċessarja sabiex jintwera li l-bastiment ma salpax minħabba force majeure. It-talba għandha tintbagħat lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn ġimagħtejn wara l-waqfien tal-kawża tal-force majeure. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta u, fejn applikabbli, tibgħat it-talba lis-Segretarjat tal-IATTC għall-konsiderazzjoni mill-IATTC sa mhux aktar tard minn xahar wara l-waqfien tal-kawża tal-force majeure.

3.   Fejn il-Kummissjoni tinnotifika lill-Istat Membru bl-approvazzjoni mill-IATTC tat-talba msemmija fil-paragrafu 2:

(a)

fil-każ li l-bastiment ma jkunx osserva perjodu ta’ waqfien mis-sajd fl-istess sena li fiha tkun seħħet il-kawża tal-force majeure, il-bastiment għandu josserva perjodu ta’ waqfien mis-sajd imnaqqas ta’ 40 jum konsekuttiv f’wieħed miż-żewġ perjodi ta’ waqfien mis-sajd ta’ dik is-sena minflok il-waqfien mis-sajd sħiħ stabbilit fil-punt (a) tal-paragrafu 1 u l-Kummissjoni għandha tinnotifika immedjatament lis-Segretarjat tal-IATTC dwar il-perjodu ta’ waqfien mis-sajd magħżul, jew

(b)

fil-każ li l-bastiment ikun diġà osserva perjodu ta’ waqfien mis-sajd fl-istess sena li matulha tkun seħħet il-kawża tal-force majeure, għandu josserva perjodu ta’ waqfien mis-sajd imnaqqas ta’ 40 jum konsekuttiv is-sena ta’ wara f’wieħed miż-żewġ perjodi ta’ waqfien mis-sajd għal dik is-sena, li għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Lulju ta’ dik is-sena.

4.   Kwalunkwe bastiment li jibbenefika mill-eżenzjoni prevista fil-paragrafu 3 għandu jġorr osservatur awtorizzat abbord.

5.   Minbarra l-waqfien mis-sajd imsemmi fil-paragrafu 1, is-sajd għat-tonn tropikali fiż-żona ta’ 96° u l-110°P u bejn 4°T u 3°N għandu jingħalaq mid-9 ta’ Ottubru sat-8 ta’ Novembru ta’ kull sena.

Artikolu 5

Projbizzjoni tas-sajd fuq il-bagi tad-data

1.   Il-kaptani tal-bastimenti għandhom jiżguraw li l-bastimenti tagħhom ma jinteraġixxux mal-bagi tad-data fiż-żona tal-Konvenzjoni.

2.   Għandu jkun ipprojbit li jintuża rkaptu tas-sajd sa mil nawtiku minn baga tad-data ankrata fiż-żona tal-Konvenzjoni.

3.   Għandu jkun ipprojbit li tittella’ baga tad-data abbord, sakemm Stat Membru, Parti Kontraenti jew is-sid responsabbli għal dik il-baga ma jawtorizzawx jew jitolbu li jsir dan b’mod speċifiku.

4.   Jekk l-irkaptu tas-sajd jitħabbel ma’ baga tad-data, l-irkaptu tas-sajd imħabbel għandu jitneħħa bl-anqas ħsara possibbli lill-baga tad-data.

5.   Il-programmi ta’ riċerka xjentifika formalment innotifikati lill-IATTC jistgħu joperaw bastimenti tas-sajd tal-Unjoni sa mil nawtiku minn baga tad-data, sakemm dawk il-bastimenti ma jinteraġixxux mal-baga tad-data jew jużaw rkaptu tas-sajd, kif stipulat fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 6

Tagħmir biex jinġabar il-ħut (FADs)

1.   L-FADs għandhom jiġu attivati esklussivament abbord bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża tal-Unjoni.

2.   FAD għandu jitqies attiv meta jiġi skjerat fuq il-baħar, jibda jittrażmetti l-pożizzjoni tiegħu u jkun qed jiġi segwit mill-bastiment, mis-sid jew mill-operatur tiegħu.

3.   Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom jirrappurtaw l-informazzjoni ta’ kuljum dwar l-FADs attivi kollha lill-Kummissjoni f’intervalli ppreżentati b’dewmien ta’ mill-anqas 60 jum, iżda b’intervall ta’ żmien ta’ mhux aktar minn 90 jum bejn kull rapport. Il-Kummissjoni għandha tibgħat immedjatament dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-IATTC.

4.   L-operaturi tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom jiġbru u jirrappurtaw kwalunkwe interazzjoni mal-FADs lill-Istati Membri. Għal kull interazzjoni, għandhom jirreġistraw l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-pożizzjoni tal-FAD;

(b)

id-data u l-ħin tal-użu tal-FAD;

(c)

l-identifikazzjoni tal-FAD tal-IATTC (jiġifieri l-immarkar tal-FAD jew l-identifikazzjoni tal-beacon; it-tip ta’ baga; jew kwalunkwe informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tas-sid);

(d)

it-tip ta’ FAD (bħal FAD ankrat, FAD naturali mitluq għal riħu, FAD artifiċjali mitluq għal riħu);

(e)

il-karatteristiċi tad-disinn tal-FAD (il-qisien u l-materjal tal-parti li żżomm fil-wiċċ u tal-istruttura mdendla taħt l-ilma).

(f)

it-tip ta’ attività (tniżżil, użu, ġbid, irkupru, telf, intervent fuq tagħmir elettroniku, eċċ.);

(g)

jekk l-attività tkun tniżżil, ir-riżultati tat-tniżżil f’termini ta’ qabda u qabda inċidentali; u

(h)

il-karatteristiċi ta’ kwalunkwe baga jew tagħmir ta’ pożizzjonament imqabbdin (sistema ta’ pożizzjonament, jekk ikunux mgħammra bis-sonar, eċċ.).

5.   Id-data miġbura għas-sena kalendarja preċedenti għandha tiġi ppreżentata mill-Istati Membri lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn 75 jum qabel kull laqgħa regolari tal-SAC. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-IATTC sa mhux aktar tard minn 60 jum qabel il-laqgħa tal-SAC.

6.   L-identifikazzjoni u t-tfassil u l-użu tal-FADs mill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom jikkonformaw, rispettivament, mal-Annessi I u II għar-Riżoluzzjoni C-19-01.

Artikolu 7

Trasbordi fil-port

It-trasbordi kollha fiż-żona tal-Konvenzjoni, tal-ispeċijiet tal-IATTC, għandhom isiru fil-port.

KAPITOLU III

Protezzjoni tal-ispeċijiet tal-baħar

Taqsima 1

Speċijiet elażmobranki

Artikolu 8

Klieb il-baħar tal-qarnuna bajda oċeaniċi

1.   Għandu jkun ipprojbit li tinżamm abbord, tiġi trasbordata, imniżżla, maħżuna, mibjugħa jew offruta għall-bejgħ kwalunkwe parti jew il-karkassa sħiħa tal-klieb il-baħar tal-qarnuna bajda oċeaniċi (Carcharhinus longimanus).

2.   Il-klieb il-baħar tal-qarnuna bajda għandhom, sa fejn ikun prattikabbli, jinħelsu fil-pront mingħajr ma ssirilhom ħsara meta dawn jinġiebu maġenb il-bastiment.

3.   L-Istati Membri għandhom jirreġistraw, fost l-oħrajn permezz tal-programmi tal-osservaturi, l-għadd ta’ klieb il-baħar tal-qarnuna bajda skartati jew meħlusa, billi jindikaw l-istatus (mejtin jew ħajjin), inklużi dawk meħlusa skont il-paragrafu 2.

Artikolu 9

Raj tal-qrun

1.   Għandu jkun ipprojbit li tinżamm abbord, tiġi trasbordata, imniżżla, maħżuna, mibjugħa jew offruta għall-bejgħ kwalunkwe parti jew il-karkassa sħiħa tar-raj tal-qrun (li tinkludi l-Manta rays u l-Mobula rays) maqbuda fiż-żona tal-Konvenzjoni.

2.   Jekk ir-raj tal-qrun jinqabdu u jiġu ffriżati b’mod mhux intenzjonali bħala parti mill-operazzjoni ta’ bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża, il-bastiment għandu jċedi r-raja tal-qrun sħiħa lill-awtoritajiet responsabbli fil-punt tal-ħatt l-art. Ir-raj tal-qrun ċeduti b’dak il-mod ma għandhomx jinbiegħu jew jitpartu iżda jistgħu jingħataw bħala donazzjoni għall-finijiet ta’ konsum domestiku mill-bniedem.

3.   Ir-raj tal-qrun li jinqabdu b’mod mhux intenzjonali għandhom jinħelsu minnufih mingħajr ma ssirilhom ħsara, sa fejn ikun prattikabbli, malli jintlemħu fix-xibka, mas-sunnara, jew fuq il-gverta. Il-ħelsien għandu jitwettaq b’mod li jirriżulta fl-anqas ħsara possibbli għar-raj tal-qrun maqbuda mingħajr ma tiġi kompromessa s-sikurezza ta’ kwalunkwe persuna, billi jiġu segwiti l-linji gwida dettaljati fl-Anness 1 għar-Riżoluzzjoni tal-IATTC C-15-04.

4.   L-Istati Membri għandhom jirreġistraw, fost l-oħrajn permezz tal-programmi tal-osservaturi, l-għadd ta’ skartar u ta’ ħelsien ta’ raj tal-qrun, billi jindikaw l-istatus (mejtin jew ħajjin), inklużi dawk ċeduti skont il-paragrafu 2.

Artikolu 10

Tawri seta

1.   Għandu jkun ipprojbit li jinżammu abbord, jiġu trasbordati, jinħattu l-art, jinħażnu, jinbiegħu jew jiġu offruti għall-bejgħ kwalunkwe parti tal-karkassa jew il-karkassi sħaħ ta’ tawri seta (Carcharhinus falciformis) maqbuda minn bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża fiż-żona tal-Konvenzjoni.

2.   Jekk it-tawri seta jinqabdu u jiġu ffriżati b’mod mhux intenzjonali bħala parti minn operazzjoni ta’ bastiment tas-sajd bit-tartarun, u jekk l-awtoritajiet governattivi jkunu preżenti fil-punt tal-ħatt l-art, it-tawru seta kollu għandu jiġi ċedut lilhom. Jekk l-awtoritajiet governattivi ma jkunux disponibbli, it-tawru seta kollu ċedut ma għandux jinbiegħ jew jitpartat iżda jista’ jingħata bħala donazzjoni għall-finijiet ta’ konsum domestiku mill-bniedem. It-tawri seta ċeduti b’dan il-mod għandhom jiġu rrappurtati lis-Segretarjat tal-IATTC.

3.   Il-bastimenti tas-sajd bil-konz li jaqbdu l-klieb il-baħar b’mod inċidentali għandhom jillimitaw il-qabda inċidentali tat-tawri seta sa massimu ta’ 20 % tal-qabda totali għal kull vjaġġ tas-sajd bħala piż.

4.   Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni ma għandhomx jistadu fiż-żoni ta’ twelid tat-tawri seta identifikati mill-IATTC.

Artikolu 11

Klieb il-baħar baliena

1.   Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni ma għandhomx iniżżlu tartarun tal-borża fuq ġliba tonn assoċjata ma’ kelb il-baħar baliena ħaj (Rhincodon typus), jekk l-annimal jintlemaħ qabel jibda t-tniżżil.

2.   F’każ li l-kelb il-baħar baliena ma jkunx imdawwar deliberatament fit-tartarun tal-borża, il-kaptan tal-bastiment għandu:

(a)

jiżgura li jittieħdu l-passi raġonevoli kollha biex jiġi żgurat il-ħelsien sigur tiegħu; u

(b)

jirrapporta l-inċident lill-Istat Membru, billi jinkludi l-għadd ta’ persuni kkonċernati, id-dettalji ta’ kif u għaliex seħħ it-tidwir, fejn seħħ, il-passi meħuda biex jiġi żgurat il-ħelsien sikur, u valutazzjoni tal-istat tal-ħajja tal-annimal(i) mar-rilaxx (inkluż jekk kienx hemm li nħelsu ħajjin iżda li mbagħad mietu).

3.   Il-klieb il-baħar baliena ma għandhomx jiġu rmunkati barra minn xibka tat-tartarun tal-borża.

Artikolu 12

Ħelsien sigur tal-klieb il-baħar minn bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borza

1.   Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom jeħilsu fil-pront il-klieb il-baħar (sew ħajjin jew mejtin) maqbuda li ma jkunux miżmuma mingħajr ħsara, sa fejn ikun prattikabbli, malli jintlemħu fix-xibka jew fuq il-gverta, mingħajr ma tiġi kompromessa s-sikurezza ta’ kwalunkwe persuna.

2.   Jekk kelb il-baħar ikun ħaj meta jinqabad mill-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża u ma jkunx miżmum, il-kelb il-baħar għandu jinħeles billi jintużaw il-proċeduri li ġejjin, jew mezzi daqstantieħor effettivi;

(a)

il-klieb il-baħar jinħelsu mix-xibka billi jiġu meħlusa direttament mill-brailer għal ġol-oċean.

(b)

il-klieb il-baħar li ma jkunux jistgħu jinħelsu mingħajr ma tiġi kompromessa s-sikurezza tal-persuni qabel ma jitniżżlu fuq il-gverta għandhom jitreġġgħu lura fl-ilma kemm jista’ jkun malajr, jew bl-użu ta’ rampa mill-gverta li tkun imqabbda ma’ ftuħ fuq il-ġenb tal-bastiment, jew mill-fetħiet tal-evakwazzjoni; u

(c)

jekk ma jkunux disponibbli rampi jew fetħiet tal-evakwazzjoni, il-klieb il-baħar jitbaxxew bi braga jew b’xibka tal-merkanzija, bl-użu ta’ krejn jew tagħmir simili, jekk ikun disponibbli.

L-użu ta’ foxxni, snanar jew strumenti simili għandu jkun ipprojbit għall-ġestjoni tal-klieb il-baħar. L-ebda kelb il-baħar ma jista’ jintrefa’ mir-ras, mid-denb, mill-garġi, jew mill-imniefes, jew billi jintuża wajer tal-irbit mal-ġisem jew li jiddaħħal minn ġo fih, u ma tista’ tittaqqab l-ebda toqba fl-iġsma tal-klieb il-baħar (pereżempju biex jiġi mgħoddi kejbil għall-irfigħ tal-kelb il-baħar).

Artikolu 13

Projbizzjoni tal-użu tal-lenez tal-klieb il-baħar mill-bastimenti tas-sajd bil-konz

Il-bastimenti tas-sajd bil-konz tal-Unjoni ma għandhomx jużaw lenez tal-klieb il-baħar.

Artikolu 14

Ġbir ta’ data dwar l-ispeċijiet tal-klieb il-baħar

1.   Il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom jiġbru u jissottomettu data dwar il-qabdiet għat-tawri seta u l-kurazzi lill-Istati Membri, li għandhom jibagħtu u jippreżentaw dik id-data lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik id-data lis-Segretarjat tal-IATTC.

2.   L-osservaturi fuq il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom jirreġistraw l-għadd u l-istatus (mejtin jew ħajjin) tat-tawri seta u l-kurazzi maqbuda u meħlusa.

Taqsima 2

Speċijiet Oħrajn

Artikolu 15

Tjur tal-baħar

1.   Il-bastimenti tas-sajd bil-konz li jużaw sistemi idrawliċi, mekkaniċi jew elettriċi u li jistadu għal speċijiet koperti mill-Konvenzjoni fiż-żona fit-Tramuntana ta’ 23°T u fin-Nofsinhar ta’ 30°N, u ż-żona delimitata mill-kosta fi 2°T, fil-Punent għal 2°T-95°P, fin-Nofsinhar għal 15°N-95°P, fil-Lvant għal 15°N-85°P, u fin-Nofsinhar għal 30°N għandhom japplikaw mill-anqas tnejn mill-miżuri ta’ mitigazzjoni li jinsabu fit-tabella fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, inkluża mill-anqas waħda mill-kolonna A. Il-bastimenti ma għandhomx jużaw l-istess miżura mill-Kolonna A u l-Kolonna B.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, l-installazzjoni laterali ta’ purtieri għat-tjur u l-brazzoli ppeżati għandhom jiġu applikati biss fiż-żona fit-Tramuntana ta’ 23°T sakemm ir-riċerka tistabbilixxi l-utilità ta’ din il-miżura fl-ilmijiet fin-Nofsinhar ta’ 30°N. L-użu tal-installazzjoni laterali ta’ purtiera għat-tjur u l-brazzoli ppeżati mill-kolonna A għandhom jgħoddu bħala żewġ miżuri ta’ mitigazzjoni.

3.   Jekk il-lett tori jintgħażel kemm mill-Kolonna A kif ukoll mill-Kolonna B, dak għandu jfisser l-użu simultanju ta’ żewġ lettijiet tori (jiġifieri f’pari).

Artikolu 16

Fkieren tal-baħar

1.   Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom jeħilsu fil-pront, b’mod li jikkawża l-anqas ħsara possibbli sa fejn prattikabbli, lill-fkieren tal-baħar kollha, mingħajr ma tiġi kompromessa s-sikurezza ta’ kwalunkwe persuna. Mill-anqas membru wieħed tal-ekwipaġġ tal-bastiment tas-sajd tal-Unjoni għandu jkun imħarreġ fit-tekniki għall-immaniġġjar u l-ħelsien tal-fkieren tal-baħar sabiex titjieb is-sopravivenza wara r-rilaxx.

2.   L-Istati Membri għandhom ikomplu jipparteċipaw fir-riċerka, u jippromwovuha sabiex jiġu identifikati tekniki sabiex jitnaqqas aktar il-qbid inċidentali tal-fkieren tal-baħar fit-tipi kollha ta’ rkapti użati fl-Oċean Paċifiku tal-Lvant.

3.   Il-kaptan ta’ bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża għandu:

(a)

jevita t-tidwir tal-fkieren tal-baħar sal-limitu prattikabbli u jġorr abbord, u juża fejn ikun xieraq, għodod ta’ mmaniġġjar sigur għall-ħelsien tal-fkieren tal-baħar u jieħu l-passi raġonevoli kollha, fil-każ li tintlemaħ fekruna tal-baħar f’xibka tat-tartarun tal-borża sabiex jiġi żgurat il-ħelsien sigur tagħha;

(b)

jieħu l-azzjonijiet neċessarji biex jimmonitorja l-FADs għat-tħabbil tal-fkieren tal-baħar, u jiżgura l-ħelsien tal-fkieren tal-baħar kollha li jkunu tħabblu fl-FADs;

(c)

jirreġistra l-interazzjonijiet osservati kollha li jinvolvu l-fkieren tal-baħar waqt operazzjonijiet tas-sajd bit-tartarun tal-borża u jirrapporta din l-informazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali.

4.   Il-kaptan ta’ bastimenti tas-sajd bil-konz għandu:

(a)

iġorr abbord u, meta jseħħu interazzjonijiet ma’ fkieren tal-baħar, juża t-tagħmir neċessarju (pereżempju apparat biex titneħħa s-sunnara, taljalenez, u kopp tal-idejn) għall-ħelsien fil-pront tal-fkieren tal-baħar li jinqabdu b’mod inċidentali;

(b)

meta l-maġġoranza tas-snanar jistadu f’fond ta’ anqas minn 100 metru, tintuża waħda minn dawn iż-żewġ miżuri ta’ mitigazzjoni li ġejjin: snanar b’ċirku kbir jew l-użu biss ta’ ħut bil-pinen għal-lixka;

(c)

jirrapporta kwalunkwe interazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali.

5.   L-Istati Membri għandhom jappoġġaw ir-riċerka u l-iżvilupp ta’ disinji modifikati tal-FADs biex inaqqsu t-tħabbil tal-fkieren tal-baħar kif ukoll jieħdu miżuri sabiex jinkoraġġixxu l-użu ta’ disinji li nstab li kienu ta’ suċċess f’dan it-tnaqqis.

Artikolu 17

Protezzjoni tad-dniefel

Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li joperaw skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim u li ġew allokati Limitu tal-Mortalità tad-Dniefel (DML) biss huma awtorizzati jiċċirkondaw ġlejjeb jew gruppi ta’ dniefel bit-tartaruni tal-borża waqt is-sajd għat-tonn isfar fiż-żona tal-Konvenzjoni.

KAPITOLU IV

Osservaturi xjentifiċi

Artikolu 18

Osservaturi xjentifiċi fuq bastimenti tas-sajd bil-konz

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li bastimenti tas-sajd bil-konz li jtajru l-bandiera tagħhom ikollhom abbord osservatur xjentifiku biex ikopri mill-anqas 5 % tal-isforz tas-sajd li jsir mill-bastimenti tagħhom b’tul totali ta’ aktar minn 20 metru.

2.   L-osservaturi xjentifiċi għandhom jirreġistraw il-qabdiet tal-ispeċijiet ta’ ħut fil-mira, il-kompożizzjoni tal-ispeċijiet u kwalunkwe informazzjoni bijoloġika disponibbli oħra kif ukoll kwalunkwe interazzjoni ma’ speċijiet mhux fil-mira bħall-fkieren tal-baħar, it-tjur tal-baħar u l-klieb il-baħar.

3.   L-osservaturi xjentifiċi abbord il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom jippreżentaw lill-awtoritajiet tal-Istati Membri rapport dwar dawn l-osservazzjonijiet sa mhux aktar tard minn 15-il jum wara t-tmiem ta’ kull vjaġġ tas-sajd. Dak ir-rapport għandu jintbagħat lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 25(5).

Artikolu 19

Is-sikurezza tal-osservaturi xjentifiċi fuq il-baħar

1.   Dan l-Artikolu għandu jkun huma mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-osservaturi u r-responsabbiltajiet tal-kaptan tal-bastiment stabbiliti fl-Anness II għall-Ftehim.

2.   Il-kaptan tal-bastiment għandu:

(a)

jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżgura li l-osservaturi jkunu jistgħu jwettqu dmirijiethom b’mod kompetenti u sigur;

(b)

jagħmel ħiltu biex jiżgura li l-osservaturi jintbagħtu fuq bastimenti differenti wara li jispiċċaw ħidmiethom fuq bastiment partikolari;

(c)

jiżgura li l-bastiment li fuqu jkun stazzjonat osservatur jipprovdi ikel u akkomodazzjoni xierqa għall-osservatur matul l-istazzjonament tal-osservatur fl-istess livell tal-uffiċjali, fejn ikun possibbli;

(d)

jiżgura li l-osservaturi jingħataw il-kooperazzjoni neċessarja kollha sabiex huma jkunu jistgħu jwettqu d-dmirijiet tagħhom b’mod sigur, inkluż billi jipprovdi aċċess, kif meħtieġ, għall-qabda miżmuma, u l-qabda li tkun maħsuba biex tiġi skartata.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw is-sikurezza tal-osservaturi u tal-membri tal-ekwipaġġ f’konformità mar-Riżoluzzjoni tal-IATTC C-11-08 dwar it-titjib tas-sikurezza tal-osservaturi fuq il-baħar, kif ukoll l-istandards tax-xogħol rilevanti tal-Unjoni u internazzjonali, b’mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE (15), id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/159 (16), il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd, 2007 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (Nru. 188) u l-Konvenzjoni dwar il-Vjolenza u l-Fastidju, 2019 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (Nru.190).

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-osservaturi jissodisfaw il-kriterji tal-kwalifiki stabbiliti fl-Anness II tal-Ftehim.

5.   F’każ li osservatur imut, ikun nieqes jew preżunt li waqa’ l-baħar, il-kaptan tal-bastiment għandu:

(a)

jiżgura li l-bastiment tas-sajd tal-Unjoni jwaqqaf immedjatament l-operazzjonijiet tas-sajd kollha;

(b)

jiżgura li l-bastiment tas-sajd tal-Unjoni jibda immedjatament operazzjoni ta’ tfittxija u ta’ salvataġġ jekk l-osservatur ikun nieqes jew preżunt li waqa’ l-baħar, u jfittex għal mill-anqas 72 siegħa, sakemm ma jingħatax struzzjonijiet mill-Istat Membru tal-bandiera biex ikompli jfittex;

(c)

jinnotifika immedjatament lill-Istat Membru tal-bandiera u lill-fornitur tal-osservatur;

(d)

javża immedjatament lil bastimenti oħra fil-qrib billi juża l-mezzi ta’ komunikazzjoni kollha disponibbli;

(e)

jikkoopera b’mod sħiħ fi kwalunkwe operazzjoni ta’ tfittxija u ta’ salvataġġ u, wara li tali operazzjoni ta’ tfittxija u ta’ salvataġġ tkun intemmet, jordna lill-bastiment lejn l-eqreb port għal aktar investigazzjoni, kif maqbul mill-Istat Membru tal-bandiera u l-fornitur tal-osservatur;

(f)

jipprovdi r-rapport dwar l-inċident lill-fornitur tal-osservatur u lill-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-bandiera; u

(g)

jikkoopera b’mod sħiħ fi kwalunkwe investigazzjoni uffiċjali dwar l-inċident, u jippreżerva kwalunkwe evidenza potenzjali u l-oġġetti personali u l-kwartieri tal-osservatur mejjet jew nieqes.

6.   Fil-każ tal-mewt ta’ osservatur, il-kaptan tal-bastiment għandu jiżgura li, sa fejn ikun prattikabbli, il-ġisem jiġi ppreżervat tajjeb għall-iskopijiet ta’ awtopsja u investigazzjoni.

7.   F’każ li osservatur isofri minn marda serja jew korriment ta’ theddida għall-ħajja tiegħu jew is-saħħa jew is-sigurtà fit-tul tiegħu, il-kaptan tal-bastiment għandu:

(a)

jiżgura li bastiment tas-sajd tal-Unjoni jwaqqaf immedjatament l-operazzjonijiet tas-sajd;

(b)

jinnotifika immedjatament lill-Istat Membru tal-bandiera u lill-fornitur tal-osservatur;

(c)

jieħu l-azzjonijiet raġonevoli kollha biex jieħu ħsieb l-osservatur u jipprovdi kwalunkwe kura medika disponibbli u possibbli abbord il-bastiment, u fejn ikun xieraq ifittex parir mediku estern;

(d)

fejn jiġi ordnat mill-fornitur tal-osservatur, jekk ma jkunx diġà ordnat mill-Istat Membru tal-bandiera, jiffaċilita l-iżbark u t-trasport tal-osservatur lejn faċilità medika mgħammra sabiex tipprovdi l-kura meħtieġa kif ordnat mill-Istat Membru tal-bandiera jew mill-fornitur tal-osservatur, malli dan ikun possibbli; u

(e)

jikkoopera b’mod sħiħ fi kwalunkwe investigazzjoni uffiċjali dwar il-kawża tal-marda jew tal-korriment.

8.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligi applikabbli għall-kaptan tal-bastiment, għall-finijiet tal-paragrafi 5 sa 7, l-Istat Membru tal-bandiera għandu jiżgura li ċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ Marittimu xieraq, il-fornitur tal-osservatur, u s-Segretarjat tal-IATTC jiġu nnotifikati immedjatament u mogħtija rapport dwar l-azzjonijiet meħuda.

9.   F’każ li jkun hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li osservatur ikun ġie attakkat, intimidat, mhedded, jew mogħti fastidju b’mod li s-saħħa jew is-sikurezza tiegħu jkunu pperikolati u l-osservatur jew il-fornitur tal-osservatur jitlob li l-Istat Membru tal-bandiera jneħħi l-osservatur mill-bastiment tas-sajd tal-Unjoni, il-kaptan ta’ dak il-bastiment għandu:

(a)

jieħu immedjatament azzjoni biex jippreżerva s-sikurezza tal-osservatur u jimmitiga u jsolvi s-sitwazzjoni abbord;

(b)

jinnotifika immedjatament lill-Istat Membru tal-bandiera u lill-fornitur tal-osservatur dwar is-sitwazzjoni, inklużi l-istatus u l-pożizzjoni tal-osservatur;

(c)

jiffaċilita l-iżbark sigur tal-osservatur b’mod u f’post, kif miftiehem mill-Istat Membru tal-bandiera u mill-fornitur tal-osservatur, li jippermetti l-aċċess għal kwalunkwe kura medika meħtieġa; u

(d)

jikkoopera b’mod sħiħ fi kwalunkwe investigazzjoni uffiċjali dwar l-inċident.

10.   F’każ li jkun hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li osservatur ikun ġie attakkat, intimidat, mhedded, jew mogħti fastidju b’mod li s-saħħa jew is-sikurezza tiegħu jkunu pperikolati iżda la l-osservatur u lanqas il-fornitur tal-osservatur ma jitolbu li l-osservatur jitneħħa mill-bastiment tas-sajd, il-kaptan ta’ dak il-bastiment għandu:

(a)

jieħu immedjatament azzjoni biex jippreżerva s-sikurezza tal-osservatur u jimmitiga u jsolvi s-sitwazzjoni abbord;

(b)

jinnotifika immedjatament lill-Istat Membru tal-bandiera u lill-fornitur tal-osservatur dwar is-sitwazzjoni; u

(c)

jikkoopera b’mod sħiħ fi kwalunkwe investigazzjonijiet uffiċjali kollha dwar l-inċident.

11.   Fejn, wara l-iżbark minn bastiment tas-sajd ta’ osservatur, fornitur ta’ osservatur, pereżempju matul il-ġbir tal-informazzjoni mingħand l-osservatur, jidentifika inċident possibbli li jinvolvi attakk jew fastidju lill-osservatur waqt li kien abbord il-bastiment tas-sajd, il-fornitur tal-osservatur għandu jinnotifika, bil-miktub, lill-Istat Membru tal-bandiera u lis-Segretarjat tal-IATTC.

12.   Malli jirċievi n-notifika msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 10, l-Istat Membru tal-bandiera għandu:

(a)

jinvestiga l-inċident abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-fornitur tal-osservatur, iħejji rapport tal-inċident fuq din il-bażi u jieħu kwalunkwe azzjoni xierqa bi tweġiba għar-riżultati tal-investigazzjoni;

(b)

jikkoopera b’mod sħiħ fi kwalunkwe investigazzjoni uffiċjali mwettqa mill-fornitur tal-osservatur, inkluż billi jipprovdi r-rapport tal-inċident tal-investigazzjoni tiegħu lill-fornitur tal-osservatur u lill-awtoritajiet xierqa; u

(c)

jinnotifika lill-fornitur tal-osservatur u lill-IATTC dwar ir-riżultati tal-investigazzjoni tiegħu u kwalunkwe azzjoni li ttieħdet.

13.   Il-fornituri nazzjonali tal-osservaturi għandhom:

(a)

jinnotifikaw immedjatament lill-Istat Membru tal-bandiera jekk osservatur imut, ikun nieqes jew preżunt li waqa’ l-baħar waqt il-qadi ta’ dmirijietu;

(b)

jikkooperaw b’mod sħiħ fi kwalunkwe operazzjoni ta’ tfittxija u ta’ salvataġġ;

(c)

jikkooperaw b’mod sħiħ fi kwalunkwe investigazzjoni uffiċjali dwar kwalunkwe inċident li jkun jinvolvi osservatur;

(d)

jiffaċilitaw kemm jista’ jkun malajr l-iżbark u s-sostituzzjoni ta’ osservatur f’sitwazzjoni li tinvolvi l-mard serju jew il-korriment ta’ dak l-osservatur;

(e)

jiffaċilitaw kemm jista’ jkun malajr l-iżbark ta’ osservatur fi kwalunkwe sitwazzjoni li tinvolvi l-attakk, l-intimidazzjoni, it-theddid, jew il-fastidju ta’ dak l-osservatur sa tali punt li l-osservatur ikun jixtieq li jitneħħa mill-bastiment; u

(f)

meta jiġu mitluba, jipprovdu lill-Istat Membru tal-bandiera b’kopja tar-rapport tal-osservatur dwar l-allegati inċidenti li jinvolvu attakk jew fastidju tal-osservatur.

14.   Il-fornituri tal-osservaturi rilevanti u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-investigazzjonijiet ta’ xulxin, inkluż billi jipprovdu r-rapporti tal-inċidenti tagħhom għal kwalunkwe inċident imsemmi fil-paragrafi 5 sa 11 biex jiffaċilitaw kwalunkwe investigazzjoni kif ikun xieraq.

KAPITOLU V

Rekwiżiti marbutin mal-bastimenti

Artikolu 20

Reġistru Reġjonali tal-Bastimenti

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ kull bastiment taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom biex tiddaħħal fir-Reġistru Reġjonali tal-Bastimenti:

(a)

isem il-bastiment tas-sajd tal-Unjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni, l-ismijiet preċedenti (jekk ikunu magħrufa), u l-port tar-reġistru;

(b)

ritratt tal-bastiment li juri n-numru tar-reġistrazzjoni tiegħu;

(c)

il-bandiera preċedenti (jekk tkun magħrufa u jekk ikun il-każ);

(d)

il-Kodiċi Internazzjonali tar-Radju (jekk ikun il-każ);

(e)

l-isem u l-indirizz tas-sid jew tas-sidien;

(f)

id-data u l-post tal-bini;

(g)

it-tul, il-wisa’ u l-fond iffurmat tal-bastiment;

(h)

it-tip u l-kapaċità tal-friża, f’metri kubi;

(i)

l-għadd u l-kapaċità tal-istivi tal-ħut, f’metri kubi u, fil-każ tal-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża, it-tqassim tal-kapaċità skont l-istiva tal-ħut jekk ikun possibbli;

(j)

l-isem u l-indirizz tal-operatur(i) u/jew tal-ġestur(i), (jekk ikun hemm);

(k)

it-tip ta’ bastiment;

(l)

it-tip ta’ metodu jew metodi tas-sajd;

(m)

it-tunnellaġġ totali;

(n)

il-qawwa tal-magna jew tal-magni prinċipali;

(o)

l-ispeċijiet fil-mira ewlenin; u

(p)

in-numru tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO).

2.   Kull Stat Membru għandu jinnotifika immedjatament lill-Kummissjoni bi kwalunkwe modifika fl-informazzjoni li tikkonċerna l-elementi elenkati fil-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-IATTC mingħajr dewmien.

3.   Kull Stat Membru għandu jinnotifika fil-pront ukoll lill-Kummissjoni dwar:

(a)

kwalunkwe żieda fir-rekord;

(b)

kwalunkwe tħassir mir-rekord minħabba:

(i)

ir-rinunzja volontarja jew in-nuqqas ta’ tiġdid tal-awtorizzazzjoni tas-sajd mis-sid jew mill-operatur tal-bastiment;

(ii)

l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tas-sajd maħruġa lill-bastiment;

(iii)

il-fatt li l-bastiment ma jkunx għadu intitolat li jtajjar il-bandiera tiegħu;

(iv)

l-iskrappjar, id-dekummissjonar jew it-telf tal-bastiment; u

(c)

kwalunkwe tħassir ieħor li mhux imniżżel fil-punt (b).

4.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Mejju ta’ kull sena dwar il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fir-Reġistru Reġjonali tal-Bastimenti, li jtajru l-bandiera tagħhom, li kienu qegħdin jistadu attivament fiż-żona tal-Konvenzjoni għall-ispeċijiet koperti mill-Konvenzjoni mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru tas-sena preċedenti. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-IATTC mingħajr dewmien.

5.   Il-Kummissjoni għandha titlob lill-Istati Membri sabiex jipprovdu data kompluta għall-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom f’konformità mal-paragrafu 1 jekk dawk l-Istat Membri ma jipprovdux l-informazzjoni kollha meħtieġa.

Artikolu 21

Bjar issiġillati

1.   Bir issiġillat għandu jkun fiżikament issiġillat b’mod li ma jkunx jista’ jiġi mbagħbas, u b’mod li ma jikkomunika mal-ebda spazju ieħor fuq il-bastiment u li l-użu tiegħu għal kwalunkwe ħażna oħra jiġi evitat.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jispezzjonaw u jivverifikaw il-bjar issiġillati għall-ewwel darba.

3.   Kwalunkwe bastiment li jkollu wieħed jew aktar mill-bjar tiegħu ssiġillati biex jitnaqqas il-volum tal-bjar irreġistrat fir-Reġistru Reġjonali tal-Bastimenti għandu jkun meħtieġ li jġorr osservatur mill-AIDCP abbord.

4.   Għandu jkun possibbli li bir issiġillat jinfetaħ biss f’każ ta’ emerġenza. Jekk bir issiġillat jinfetaħ fuq il-baħar, l-osservatur għandu jkun preżenti kemm meta jinfetaħ il-bir kif ukoll meta jerġa’ jiġi ssiġillat.

5.   It-tagħmir kollu tar-refriġerazzjoni fil-bir issiġillat għandu jsir inoperattiv.

6.   Il-kaptan tal-bastiment għandu jinnotifika lill-osservaturi bi kwalunkwe bir issiġillat abbord. L-osservaturi għandhom jirrappurtaw lis-Segretarjat tal-IATTC kwalunkwe każ ta’ bjar issiġillati li jkunu qed jintużaw għall-ħażna tal-ħut.

KAPITOLU VI

Dokument ta’ data u statistika

Artikolu 22

Forniment tad-data

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni pertinenti kollha dwar il-qabdiet tiġi pprovduta lill-Kummissjoni fuq bażi annwali, għall-bastimenti tagħhom kollha li jistadu għall-ispeċijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-Konvenzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu d-data, skont l-ispeċi u l-irkaptu tas-sajd, fejn dan ikun prattiku, permezz tal-ġurnali ta’ abbord tal-bastimenti u r-rekords tal-ħatt l-art, jew inkella f’forma aggregata bħal fit-tabella stabbilita fir-Riżoluzzjoni tal-IATTC C-03-05, bid-data tal-qabdiet u tal-isforz tal-Livell 3 bħala rekwiżit minimu, u, kull meta jkun possibbli, data dwar il-qabdiet u l-isforz tal-Livelli 1 u 2 u data dwar il-frekwenza tat-tul.

3.   It-tabella tad-data aggregata msemmija fil-paragrafu 2 għal kull sena għandha tiġi pprovduta lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Mejju tas-sena ta’ wara. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-IATTC sat-30 ta’ Ġunju.

Artikolu 23

Dokument statistiku dwar it-tonn obeż

1.   It-tonn obeż kollu importat fit-territorju tal-Unjoni għandu jkun akkumpanjat mid-dokument statistiku dwar it-tonn obeż jew miċ-ċertifikat ta’ riesportazzjoni tat-tonn obeż, kif ikun xieraq, stabbilit mill-IATTC (17). It-tonn obeż li jinqabad mill-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża u mid-dgħajjes tas-sajd bil-lixka u li jkun destinat prinċipalment għal ipproċessar ulterjuri mill-kumpaniji li jimlew it-tonn fil-laned, ma għandux ikun soġġett għal dak ir-rekwiżit tad-dokument statistiku.

2.   Id-dokument statistiku dwar it-tonn obeż tal-IATTC għandu jiġi validat mill-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-bandiera tal-bastiment li jkun qabad it-tonn. Iċ-ċertifikat ta’ riesportazzjoni tat-tonn obeż tal-IATTC għandu jiġi validat mill-awtoritajiet tal-Istat Membru li reġa’ esporta t-tonn.

3.   L-Istati Membri li jimportaw it-tonn obeż għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni d-data tal-kummerċ miġbura mill-awtoritajiet tagħhom kull sena sal-1 ta’ April għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju sal-31 ta’ Diċembru tas-sena preċedenti u sal-1 ta’ Ottubru għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Ġunju tas-sena attwali. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-IATTC mingħajr dewmien.

4.   L-Istati Membri li jesportaw it-tonn obeż għandhom jeżaminaw id-data tal-kummerċ malli jirċievu d-data tal-importazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 u għandu jirrappurtaw ir-riżultati lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-IATTC mingħajr dewmien.

5.   L-Istati Membri għandhom jivvalidaw id-dokumenti statistiċi li jinvolvu trasbord fil-port minn bastimenti tas-sajd bil-konz li jtajru l-bandiera tagħhom meta t-trasbord ikun sar f’konformità ma’ dan ir-Regolament u abbażi tal-informazzjoni miksuba permezz tal-programm tal-osservaturi tal-IATTC.

6.   L-Istati Membri li jivvalidaw dokument statistiku li jinvolvi trasbordi mwettqa minn bastiment tas-sajd bil-konz li jtajjar il-bandiera tagħhom għandhom jiżguraw li l-informazzjoni tkun konsistenti mal-qabdiet irrappurtati minn kull bastiment tas-sajd bil-konz.

7.   It-tonn kollu u l-ispeċijiet simili għat-tonn u l-klieb il-baħar kollha li jinħattu l-art, jew li jiġu importati fl-Unjoni, kemm jekk ma jkunux ġew ipproċessati kif ukoll wara li jkunu ġew ipproċessati abbord, u li jiġu trasbordati, għandhom ikunu akkumpanjati mill-formola tad-dikjarazzjoni tat-trasbord tal-IATTC sakemm isir l-ewwel bejgħ.

KAPITOLU VII

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 24

Żona kondiviża

1.   Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni elenkati esklussivament fir-reġistru tal-IATTC għandhom japplikaw il-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni tal-IATTC meta jkunu qegħdin jistadu fiż-żona kondiviża.

2.   Fil-każ tal-bastimenti elenkati fir-reġistri tal-bastimenti kemm tad-WCPFC kif ukoll tal-IATTC, qabel ma jistadu fiż-żona kondiviża, l-Istati Membri tal-bandiera għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni taħt liema waħda miż-żewġ miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni adottati minn dawk l-organizzazzjonijiet għandhom joperaw il-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom meta jistadu fiż-żona kondiviża. In-notifika tkun valida għal perjodu ta’ mhux anqas minn tliet snin.

Artikolu 25

Rapportar

1.   L-Istati Membri, sal-15 ta’ Ġunju ta’ kull sena għas-sena preċedenti, għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni rapport nazzjonali dwar l-iskema ta’ konformità tagħhom u l-azzjonijiet meħuda biex jimplimentaw il-miżuri tal-IATTC, inkluż kwalunkwe kontroll li jkunu imponew fuq il-flotot tagħhom u kwalunkwe miżura ta’ monitoraġġ, kontroll u konformità li jkunu stabbilew biex jiżguraw il-konformità ma’ dawn il-kontrolli.

2.   L-Istati Membri, kull sena sal-15 ta’ April għas-sena preċedenti għandhom jirrappurtaw id-data dwar il-qabdiet, l-isforz skont it-tip ta’ rkaptu, il-ħatt l-art u l-kummerċ tal-klieb il-baħar skont l-ispeċi, id-data rigward il-klieb il-baħar tal-qarnuna bajda msemmija fl-Artikolu 8(3), ir-raj tal-qrun imsemmi fl-Artikolu 9(4) u t-tawri seta msemmija fl-Artikolu 10. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik id-datalis-Segretarjat tal-IATTC sal-1 ta’ Mejju.

3.   L-Istati Membri, kull sena sal-15 ta’ Ġunju għas-sena preċedenti, għandhom jirrappurtaw dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 15 u l-interazzjonijiet ma’ tjur tal-baħar waqt l-attivitajiet tas-sajd ġestiti skont il-Konvenzjoni, inklużi l-qabdiet inċidentali ta’ tjur tal-baħar, dettalji tal-ispeċijiet ta’ tjur tal-baħar, u l-informazzjoni rilevanti kollha disponibbli mill-osservaturi u programmi oħra ta’ monitoraġġ. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-IATTC sat-30 ta’ Ġunju.

4.   L-Istati Membri, kull sena sal-15 ta’ Ġunju għas-sena preċedenti għandhom jirrappurtaw dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 16 u l-Linji Gwida tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tnaqqis tal-Mortalità tal-Fkieren tal-Baħar fl-Operazzjonijiet tas-Sajd (2009) (18) għall-fkieren, inkluża l-informazzjoni miġbura dwar l-interazzjoni mal-fkieren waqt l-attivitajiet tas-sajd ġestiti skont il-Konvenzjoni. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-IATTC sat-30 ta’ Ġunju.

5.   L-Istati Membri għandhom jissottomettu rapport tal-osservaturi xjentifiċi għall-bastimenti tas-sajd bil-konz imsemmi fl-Artikolu 18(3) sal-15 ta’ Marzu għas-sena preċedenti. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-IATTC sat-30 ta’ Marzu.

Artikolu 26

Allegat nuqqas ta’ konformità rrappurtat mill-IATTC

1.   Jekk il-Kummissjoni tirċievi kwalunkwe informazzjoni mingħand is-Segretarjat li tindika suspett ta’ nuqqas ta’ konformità mal-Konvenzjoni jew mar-Riżoluzzjonijiet tal-IATTC minn Stat Membru jew minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat mingħajr dewmien.

2.   L-Istat Membru għandu jniedi investigazzjoni fir-rigward tal-allegazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità u għandu jipprovdi lill-Kummissjoni s-sejbiet ta’ dik l-investigazzjoni u kwalunkwe azzjoni meħuda biex jiġi indirizzat kwalunkwe tħassib dwar nuqqas ta’ konformità mill-anqas 75 jum qabel il-laqgħa annwali tal-Kumitat għar-Rieżami tal-Implimentazzjoni tal-Miżuri (“il-Kumitat għall-Konformità”).

3.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-IATTC mill-anqas 60 jum qabel il-laqgħa tal-Kumitat għall-Konformità.

Artikolu 27

Kunfidenzjalità

Minbarra l-obbligi stipulati fl-Artikoli 112 u 113 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-Istati Membri, il-kaptani tal-bastimenti u l-osservaturi għandhom jiżguraw it-trattament kunfidenzjali tar-rapporti u l-messaġġi elettroniċi mibgħuta lis-Segretarjat tal-IATTC u dawk li jaslu mingħandu skont l-Artikolu 10(2), l-Artikolu 19(5) u (8) u l-Artikolu 21(6) ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 28

Awtorizzazzjoni għall-emendi

1.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati li jemendaw dan ir-Regolament, f’konformità mal-Artikolu 29, biex tadattahom għall-miżuri adottati mill-IATTC li jorbtu lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha fir-rigward ta’:

(a)

il-formola tad-dikjarazzjoni tat-trasbord imsemmija fil-punt (16) tal-Artikolu 3;

(b)

ir-referenza għar-rappreżentazzjoni tal-lenez tal-klieb il-baħar fil-punt (19) tal-Artikolu 3;

(c)

il-perjodi ta’ waqfien mis-sajd imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 4(1) u fl-Artikolu 4(5);

(d)

l-iskedi ta’ żmien għar-rappurtar tal-FADs previsti fl-Artikolu 6(3);

(e)

l-informazzjoni li għandha tinġabar meta jsir sajd bl-FADs elenkati fl-Artikolu 6(4);

(f)

id-dispożizzjonijiet rigward it-tfassil u l-użu tal-FADs previsti fl-Artikolu 6(6);

(g)

l-iskadenza għall-ġbir tad-data msemmija fl-Artikolu 14(1);

(h)

iż-żoni u l-miżuri ta’ mitigazzjoni għall-protezzjoni tat-tjur tal-baħar imsemmija fl-Artikolu 15(1) u (2);

(i)

il-kopertura tal-osservaturi xjentifiċi ta’ 5 % imsemmija fl-Artikolu 18(1);

(j)

l-informazzjoni relatata mar-Reġistru Reġjonali tal-Bastimenti elenkat fl-Artikolu 20(1);

(k)

ir-referenza għat-tabella għall-forniment tad-data għall-ġurnali ta’ abbord u r-rekords tal-ħatt l-art previsti fl-Artikolu 22(2);

(l)

ir-referenza għad-dokument statistiku dwar it-tonn obeż fl-Artikolu 23(1);

(m)

l-iskadenzi għar-rappurtar previsti fl-Artikolu 25;

(n)

ir-referenza għal-linji gwida dwar il-mortalità tal-fkieren imsemmija fl-Artikolu 25(4);

(o)

l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-emendi f’konformità mal-paragrafu 1 għandhom ikunu strettament limitati għall-implimentazzjoni ta’ emendi jew ta’ Riżoluzzjonijiet ġodda fid-dritt tal-Unjoni.

Artikolu 29

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti elegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 28 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mill-15 ta’ Frar 2021. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 28 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 28 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 30

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 520/2007

L-Artikolu 3(3), l-Artikolu 4(3) u t-Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 520/2007 huma mħassra.

Artikolu 31

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Jannar 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D.M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A.P. ZACARIAS


(1)  Opinjoni tat-2 ta’ Diċembru 2020 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Diċembru 2020 (għada mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Jannar 2021.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE tat-23 ta’ Marzu 1998 li tirrigwarda l-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim tat-28 ta’ Lulju 1994 li għandu x’jaqsam mal-implimentazzjoni tal-Parti XI tagħha (ĠU L 179, 23.6.1998, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/414/KE tat-8 ta’ Ġunju 1998 dwar ir-ratifika mill-Komunità Ewropea tal-Ftehim sabiex jimplimenta d-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 li għandha x’taqsam mal-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-stokk tal-ħut fuq iż-żewġ naħat tal-istess żona u l-istokks tal-ħut li jpassi bil-qawwi (ĠU L 189, 3.7.1998, p. 14).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/539/KE tat-22 ta’ Mejju 2006 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni għat-tisħiħ tal-Kummissjoni Inter-Amerikana għat-Tonn Tropikali stabbilita mill-Konvenzjoni tal-1949 bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u r-Repubblika tal-Costa Rica (ĠU L 224, 16.8.2006, p. 22).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/938/KE tat-8 ta’ Diċembru 2005 dwar l-approvazzjoni f’isem il-Komunità Ewropea tal-Ftehim dwar il-Programm Internazzjonali għall-Konservazzjoni tad-Delfini, (ĠU L 348, 30.12.2005, p. 26).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 520/2007 tas-7 ta’ Mejju 2007 li jistabbilixxi ċerti miżuri tekniċi għall-konservazzjoni ta’ ċerti ħażniet ta’ speċi li jpassu ħafna u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 973/2001 (ĠU L 123, 12.5.2007, p. 3).

(9)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(10)  Ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81).

(11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).

(12)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal- 20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

(13)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1185/2003 tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar it-tneħħija tax-xewka tal-klieb il-baħar abbord ta’ bastimenti (ĠU L 167, 4.7.2003, p. 1).

(14)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/75/KE tas-26 ta’ April 2004 dwar l-adeżjoni tal-Komunità mal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Immaniġġjar ta’ Stokkijiet ta’ Ħut Migratorju fl-Oċean Paċifiku Ċentrali u tal-Punent (ĠU L 32, 4.2.2005, p. 1).

(15)  Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1).

(16)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/159 tad-19 ta’ Diċembru 2016 li timplimenta l-Ftehim li jikkonċerna l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd, 2007, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol konkluż fil-21 ta’ Mejju 2012 bejn il-Konfederazzjoni Ġenerali tal-Kooperattivi Agrikoli fl-Unjoni Ewropea (COGECA), il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) u l-Assoċjazzjoni ta’ Organizzazzjonijiet Nazzjonali tal-Intrapriżi tas-Sajd fl-Unjoni Ewropea (Europêche) (ĠU L 25, 31.1.2017, p. 12).

(17)  L-Annessi 1 u 2 għar-Riżoluzzjoni C-03-01 għal, rispettivament, id-dokument statistiku tat-tonn obeż u ċ-ċertifikat ta’ riesportazzjoni tat-tonn obeż.

(18)  http://www.fao.org/docrep/012/i0725e/i0725e.pdf


ANNESS

Tabella 1: Miżuri ta’ mitigazzjoni

Kolonna A

Kolonna B

Installazzjoni laterali ta’ purtieri għat-tjur u brazzoli ppeżati

Lett tori

Installazzjoni bil-lejl bl-inqas dawl possibbli fuq il-gverta

Brazzoli peżati

Linja tori

Lixka miżbugħa blu

Brazzoli peżati

Tagħmir li jitfa’ x-xlief fil-fond

 

Rampa għall-installazzjoni taħt l-ilma

Ġestjoni tal-fdalijiet tal-ġewwieni