18.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 14/1


IR-REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/37

tas-7 ta’ Diċembru 2020

li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tat-tneħħija tal-Mongolja mit-tabella fil-punt I tal-Anness

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (1) (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 9(2) tagħha,

Billi:

(1)

L-Unjoni trid tiżgura protezzjoni effettiva tal-integrità u l-funzjonament xieraq tas-sistema finanzjarja tagħha u tas-suq intern mill-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Id-Direttiva (UE) 2015/849 tipprovdi li l-Kummissjoni jenħtieġ li tidentifika l-pajjiżi li jippreżentaw defiċjenzi strateġiċi fir-reġimi tagħhom dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (“AML/CFT”) li huma ta’ theddid serju għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni.

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 (2) jidentifika l-pajjiżi terzi b’riskju kbir u li għandhom nuqqasijiet strateġiċi. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġi rieżaminat fejn adatt fid-dawl tal-progress li jkun sar minn dawk il-pajjiżi terzi b’riskju kbir biex ineħħu n-nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Jenħtieġ li fil-valutazzjonijiet tagħha l-Kummissjoni tqis l-informazzjoni ġdida li tasal mingħand organizzazzjonijiet internazzjonali u entitajiet li jistabbilixxu l-istandards, bħal dawk maħruġa mit-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF).

(3)

Minħabba l-livell għoli ta’ integrazzjoni tas-sistema finanzjarja internazzjonali, ir-rabta stretta tal-operaturi tas-suq, il-volum għoli ta’ tranżazzjonijiet transfruntiera lejn jew mill-Unjoni, kif ukoll il-livell ta’ ftuħ tas-suq, huwa kkunsidrat li kwalunkwe theddida tal-AML/CFT fuq is-sistema finanzjarja internazzjonali tirrappreżenta wkoll theddida għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni.

(4)

B’konformità mal-kriterji stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2015/849, il-Kummissjoni tqis l-iktar informazzjoni reċenti disponibbli b’mod partikolari l-Istqarriji Pubbliċi reċenti tal-FATF, id-dokumenti tal-FATF “Titjib tal-Konformità Globali tal-AML/CFT: Proċess li Għadu Għaddej”, u r-rapporti tal-FATF tal-Grupp ta’ Reviżjoni tal-Kooperazzjoni Internazzjonali fir-rigward tar-riskji maħluqa minn pajjiżi terzi individwali b’konformità mal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(5)

F’Ottubru 2019, il-FATF identifikat il-Mongolja bħala ġuriżdizzjoni b’nuqqasijiet strateġiċi b’rabta mal-AML/CFT u li l-Mongolja żviluppat pjan ta’ azzjoni mal-FATF biex tindirizzahom. Fuq din il-bażi u skont l-informazzjoni relevanti l-aktar reċenti, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni f’Mejju 2020 kkonkludiet li l-Mongolia jenħtieġ li jitqies bħala ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz li kellha defiċjenzi strateġiċi fir-reġim AML/CFT tiegħu li ippreżenta theddid sinifikanti għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni b’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849. Kien ġie nnutat ukoll li l-Mongolja kienet ipprovdiet impenji politiċi ta’ livell għoli bil-miktub li jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati u li żviluppat pjan ta’ azzjoni mal-FATF.

(6)

Huwa tassew importanti li l-Kummissjoni twettaq monitoraġġ permanenti ta’ pajjiżi terzi u tivvaluta l-iżviluppi fil-qafas legali u istituzzjonali tagħhom, tas-setgħat u tal-proċeduri tal-awtoritajiet kompetenti, u tal-effettività tar-reġim tal-AML/CFT tagħhom, bil-għan tal-aġġornament tal-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675.

(7)

L-FATF laqgħet il-progress sinifikanti li għamlet il-Mongolja biex ittejjeb ir-reġim tal-AML/CFT tagħha u nnutat li dan il-pajjiż ħoloq il-qafas legali u regolatorju biex jissodisfa l-impenji tiegħu fil-pjan ta’ azzjoni tiegħu dwar in-nuqqasijiet strateġiċi li ġew identifikati mill-FATF. Għaldaqstant dan il-pajjiż ma għadux suġġett għall-proċess ta’ monitoraġġ tal-FATF skont il-proċess ta’ konformità globali dwar l-AML/CFT li jinsab għaddej. Dawn il-pajjiż se jissokta jaħdem mal-Korpi Reġjonali Simili għall-FATF biex ikompli jsir titjib fuq ir-reġim tal-AML/CFT tagħhom.

(8)

Il-Kummissjoni vvalutat l-informazzjoni dwar il-progress fl-indirizzar tan-nuqqasijiet strateġiċi tal-Mongolja.

(9)

L-analiżi tal-Kummissjoni kkonkluda li, meta wieħed iqis l-informazzjoni disponibbli, il-Mongolja ma għadx għandha nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim tal-AML/CFT tagħha. Il-Mongolja saħħet l-effettività tar-reġim tal-AML/CFT tagħha u indirizzat in-nuqqasijiet tekniċi relatati biex tissodisfa l-impenji fil-pjan ta’ azzjoni tagħha dwar in-nuqqasijiet strateġiċi li kienu ġew identifikati mill-FATF. Dawn il-miżuri huma komprensivi biżżejjed u jissodisfaw ir-rekwiżiti meħtieġa biex jiġi kkunsidrat li n-nuqqasijiet strateġiċi li ġew identifikati skont l-artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849 ġew indirizzati.

(10)

Għaldaqstant ir-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675, fit-tabella taħt il-punt “I. Pajjiżi terzi b’riskju kbir li taw impenn politiku ta’ livell għoli bil-miktub biex jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati u li żviluppaw pjan ta’ azzjoni mal-FATF”, titħassar il-linja li ġejja:

10

Il-Mongolja

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 tal-14 ta' Lulju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidentifika pajjiżi terzi b'riskju kbir b'nuqqasijiet strateġiċi (ĠU L 254, 20.9.2016, p. 1).