17.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 454/7


LINJA GWIDA (UE) 2021/2253 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-2 ta’ Novembru 2021

li tistabbilixxi l-prinċipji tal-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema (BĊE/2021/49)

(riformulazzjoni)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 127 u 128 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikoli 12.1 u 14.3 flimkien mal-Artikoli 5 u 16 tiegħu,

Billi:

(1)

Għandhom isiru numru ta’ emendi għal-Linja Gwida (UE) 2015/855 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/11) (1). Fl-interessi taċ-ċarezza, jenħtieġ li l-Linja Gwida (UE) 2015/855 (BĊE/2015/11) tiġi riformulata.

(2)

Sabiex twettaq il-kompiti fdati lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u lill-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) ta’ dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (minn hawn ’il quddiem l- “Eurosistema”) skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Eurosistema taderixxi mal-prinċipji ta’ indipendenza, akkontabilità, trasparenza u żżomm l-ogħla standards ta’ etika u integrità professjonali inkluż l-ebda tolleranza lejn imġiba mhux xierqa u l-fastidju. Qafas ta’ governanza li jissalvagwardja dawn il-prinċipji u l-istandards huwa element ewlieni fl-iżgurar tal-kredibbiltà tal-Eurosistema u huwa essenzjali biex tiġi żgurata l-fiduċja tal-entitajiet taħt superviżjoni, tal-kontropartijiet tal-politika monetarja u taċ-ċittadini tal-Unjoni.

(3)

B’dan il-ħsieb, u bħala titjib għal-Linja Gwida BĊE/2002/6 tal-Bank Ċentrali Ewropew (2) li kienet applikabbli qabel, fl-2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida (UE) 2015/855 (BĊE/2015/11), li stabbiliet il-prinċipji ta’ qafas tal-etika komuni għall-Eurosistema (minn hawn’ il quddiem il-“Qafas tal-Etika tal-Eurosistema”) li jissalvagwardja l-kredibbiltà u r-reputazzjoni tal-Eurosistema kif ukoll il-fiduċja tal-pubbliku fl-integrità u l-imparzjalità tal-membri tal-korpi u tal-membri tal-persunal tal-BĊE u tal-BĊNi tal-Eurosistema.

(4)

Il-Kunsill Governattiv huwa tal-fehma li sabiex jinżammu l-ogħla standards ta’ etika professjonali u integrità, l-istandards minimi komuni eżistenti u r-regoli mmirati lejn il-prevenzjoni ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-użu ħażin ta’ informazzjoni mhux pubblika tal-Eurosistema, kif ukoll il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, jenħtieġ li jiġu żviluppati aktar. Għal dan il-għan, il-Kunsill Governattiv iqis li huwa importanti li l-BĊE u l-BĊNi jadottaw miżuri mmirati biex jevitaw anki kwalunkwe apparenza ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata, l-użu ħażin ta’ informazzjoni mhux pubblika jew ta’ kunflitti ta’ interess possibbli. Għalkemm il-BĊE u l-BĊNi jenħtieġ li jkollhom ċerta latitudni fid-definizzjoni tal-aktar qafas xieraq għal tali miżuri, huwa importanti fl-istess ħin li, bħala minimu jiġi applikat sett ta’ miżuri allinjati, b’mod partikolari fir-rigward tar-regoli dwar tranżazzjonijiet finanzjarji privati kritiċi għall-membri tal-persunal tal-BĊE u l-BĊNi meta jwettqu kompiti tal-Eurosistema, sabiex tiġi protetta b’mod adegwat ir-reputazzjoni tal-Eurosistema. Dawk il-miżuri allinjati jenħtieġ li japplikaw ukoll għall-membri ta’ korp intern li għandu funzjonijiet amministrattivi u/jew konsultattivi relatati direttament jew indirettament mal-implimentazzjoni tal-kompiti tal-Eurosistema mwettqa mill-BĊNi.

(5)

Sabiex tiġi salvagwardjata aktar il-fiduċja tal-entitajiet taħt superviżjoni, tal-kontropartijiet tal-politika monetarja u taċ-ċittadini tal-Unjoni li l-membri tal-persunal tal-BĊE u tal-BĊNi, kif ukoll il-membri tal-korpi tagħhom, iservu b’imparzjalità professjonali sħiħa, jenħtieġ li jiġu evitati l-perċezzjonijiet ta’ kunflitti ta’ interess. Għal dan il-għan, jenħtieġ li dawk il-membri tal-persunal u l-membri tal-korpi li għandhom aċċess għal informazzjoni sensittiva għas-suq ikunu meħtieġa jikkonformaw ma’ regoli u standards speċifiċi meta jwettqu tranżazzjonijiet finanzjarji privati, b’mod partikolari meta dawk it-tranżazzjonijiet jinvolvu entitajiet regolati.

(6)

Filwaqt li l-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema japplika biss għat-twettiq tal-kompiti tal-Eurosistema, biex jiġu żgurati integrità u standards ta’ governanza tajba koerenti kemm jista’ jkun fost il-BĊNi u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ANK), il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida (UE) 2015/856 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/12) (3) li tistabbilixxi l-prinċipji tal-Qafas tal-Etika għall-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (minn hawn ’il quddiem il-“Qafas tal-Etika tal-MSU”) applikabbli għat-twettiq ta’ kompiti superviżorji mill-BĊE u l-ANK.

(7)

Il-prinċipji stabbiliti mil-Linja Gwida (UE) 2015/855 (BĊE/2015/11) ġew issupplimentati mill-prattiki ta’ Implimentazzjoni tal-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema (EEFI) (4) approvati mill-Kunsill Governattiv u trasposti f’regoli u prattiki interni adottati minn kull bank ċentrali tal-Eurosistema. Dawn il-prattiki tal-EEFI, inkluż b’mod partikolari l-prattika ta’ Implimentazzjoni Nru 4 dwar il-funzjoni ta’ konformità, jenħtieġ li jiġu inkorporati fil-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema rivedut, b’mod li jissalvagwardja l-prinċipju tal-awtonomija organizzattiva ta’ kull bank ċentrali tal-Eurosistema.

(8)

Sabiex jiġi żgurat li l-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema jkompli jirrifletti standards xierqa u l-aħjar prattiki li jqisu l-aħħar żviluppi fil-komunità bankarja ċentrali u fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, il-Linja Gwida (UE) 2015/855 (BĊE/2015/11) tipprevedi rieżami regolari mill-Kunsill Governattiv. Id-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi ta’ Kondotta għall-uffiċjali ta’ livell għoli tal-BĊE (5) (minn hawn ’il quddiem il-“Kodiċi Uniku”), kompla jsaħħaħ l-istandards uniformi tal-etika professjonali għall-membri kollha tal-korpi ta’ livell għoli tal-BĊE u s-sostituti tagħhom. F’dan l-isfond, il-Kunsill Governattiv iqis li huwa meħtieġ li l-istandards eżistenti jiġu adattati kif previst fil-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema.

(9)

Bil-ħsieb li jiġi pprovdut forum interistituzzjonali għall-iskambju dwar kwistjonijiet etiċi u ta’ konformità u dwar kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-Linja Gwida (UE) 2015/855 (BĊE/2015/11) u l-Linja Gwida (UE) 2015/856 (BĊE/2015/12), il-Kunsill Governattiv stabbilixxa Task Force tal-Uffiċjali tal-Etika u l-Konformità (ECTF). Fid-dawl tas-sinifikanza dejjem tikber ta’ dawn il-kwistjonijiet u l-ħtieġa riżultanti li jsir sforz għal standards aktar ambizzjużi fil-livell tal-Eurosistema kif ukoll biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni koerenti tal-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema, il-Kunsill Governattiv qies li huwa xieraq li jiġu assenjati responsabbiltajiet imsaħħa lill-ECTF u li dan jiġi ttrasformat f’Konferenza permanenti dwar l-Etika u l-Konformità (ECC). Dawn ir-responsabbiltajiet imsaħħa jenħtieġ li jippermettu lill-Eurosistema tindirizza b’mod adegwat l-isfidi inerenti fin-natura dinamika tal-integrità u l-istandards ta’ governanza tajba.

(10)

Sabiex tiġi żgurata l-koerenza ġenerali ta’ dawn l-oqfsa etiċi, il-kunċetti ewlenin li jikkonċernaw il-kunflitti ta’ interess, l-aċċettazzjoni ta’ rigali u ospitalità u l-projbizzjoni tal-użu ħażin ta’ informazzjoni mhux pubblika kif stabbilit fil-Linji Gwida (UE) 2015/855 (BĊE/2015/11) u (UE) 2015/856 (BĊE/2015/12) jenħtieġ li jiġu żviluppati aktar u allinjati mal-Kodiċi Uniku. B’mod partikolari, l-iskrutinju qabel l-impjieg u r-restrizzjonijiet ta’ wara l-impjieg jenħtieġ li jiġu estiżi lil hinn mill-membri għolja tal-persunal tal-Eurosistema li jirrapportaw direttament lil-livell eżekuttiv sabiex jindirizzaw b’mod effettiv it-tħassib dwar ir-“revolving doors” bejn il-banek ċentrali u s-settur privat, b’mod partikolari l-parteċipanti fis-swieq finanzjarji.

(11)

Għalkemm il-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema japplika biss għat-twettiq tal-kompiti tal-Eurosistema, huwa madankollu mixtieq li l-banek ċentrali tal-Eurosistema japplikaw standards ekwivalenti għall-membri tal-korpi tagħhom, il-persunal tagħhom u oħrajn li jwettqu kompiti mhux tal-Eurosistema.

(12)

Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Linja Gwida huma mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, b’mod partikolari l-leġiżlazzjoni dwar ix-xogħol.

(13)

Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Linja Gwida jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għall-Kodiċi Uniku u għal kwalunkwe rekwiżit ta’ kondotta etika stabbilit f’oqsma speċifiċi li jissodisfaw, bħala minimu, il-prinċipji tal-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din il-Linja Gwida għandha tapplika għall-banek ċentrali tal-Eurosistema fit-twettiq tal-kompiti tagħhom tal-Eurosistema. F'dan ir-rigward, ir-regoli interni adottati mill-banek ċentrali tal-Eurosistema fit-twettiq tad-dispożizzjonijiet ta' din il-Linja Gwida għandhom japplikaw għall-membri tal-persunal tagħhom u għall-membri tal-korpi tagħhom.

2.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jimmiraw sabiex, sa fejn ikun legalment fattibbli, jestendu l-obbligi ddefiniti fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Linja Gwida anki għal persuni involuti fit-twettiq ta' kompiti tal-Eurosistema li ma humiex membri tal-persunal tal-banek ċentrali tal-Eurosistema.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din il-Linja Gwida:

(1)

“Bank ċentrali tal-Eurosistema” tfisser jew il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jew bank ċentrali nazzjonali ta' Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro;

(2)

“kompitu tal-Eurosistema” tfisser kompitu fdat lill-Eurosistema skont it-Trattat u l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew;

(3)

“Qafas tal-Etika tal-Eurosistema” tfisser id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Linja Gwida kif implimentati minn kull wieħed mill-banek ċentrali tal-Eurosistema;

(4)

“informazzjoni mhux pubblika” tfisser informazzjoni, irrispettivament mill-forma tagħha, li tappartjeni għat-twettiq tal-kompiti tal-Eurosistema mill-banek ċentrali tal-Eurosistema u li ma tkunx saret pubblika;

(5)

“informazzjoni sensittiva għas-suq” tfisser informazzjoni ta’ natura preċiża li jekk issir pubblika, x’aktarx ikollha effett sinifikanti fuq il-prezz ta’ assi jew il-prezzijiet fis-swieq finanzjarji;

(6)

“membru tal-persunal” tfisser persuna li għandha relazzjoni ta’ impjieg ma’ bank ċentrali tal-Eurosistema għajr jekk dik il-persuna tkun fdata biss b’kompiti li ma humiex relatati mat-twettiq ta’ kompiti tal-Eurosistema;

(7)

“membru ta’ korp” tfisser membru ta’ korp deċiżjonali jew korp intern ieħor ta’ banek ċentrali tal-Eurosistema minbarra membru tal-persunal, ħlief jekk dak il-membru ta’ korp ikun unikament fdat b’kompiti mhux relatati mat-twettiq tal-kompiti tal-Eurosistema;

(8)

“entità regolata” tfisser kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

a)

istituzzjoni finanzjarja monetarja (MFI) kif iddefinita fil-punt 1(b) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 2021/379 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2021/2) (6), imma esklużi l-fondi tas-suq monetarju;

b)

istituzzjoniji ta’ kreditu mhux MFI kif iddefinit fil-punt (4) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2021/379 (BĊE/2021/2);

c)

sistema ta’ saldu tat-titoli kif definita fil-punt (10) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), kontroparti ċentrali (CCP) kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8); operatur ta’ depożitorju ċentrali tat-titoli kif iddefinit fil-punt (1) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014; operatur ta’ sistema ta’ pagament kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/28) (9); operatur ta’ kwalunkwe sistema oħra ta’ pagament jew skema ta’ pagament bil-kard li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-qafas ta’ politika ta’ sorveljanza tal-Eurosistema (10) jew il-qafas ta’ sorveljanza rivedut tal-BĊE għas-sistemi ta’ pagament bl-imnut (11); (minn hawn ’il quddiem kollettivament imsejħa “infrastrutturi tas-suq finanzjarju kwalifikanti”);

d)

fornitur ta’ servizzi kritiċi ta’ infrastruttura ta’ suq finanzjarju kwalifikanti li huwa direttament issorveljat mill-Eurosistema skont il-qafas ta’ politika ta’ sorveljanza tal-Eurosistema;

(9)

“kunflitt ta’ interess” tfisser sitwazzjoni fejn l-interessi personali jistgħu jinfluwenzaw, jew jistgħu jitqiesu bħala li jinfluwenzaw, it-twettiq imparzjali u oġġettiv tad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet;

(10)

“interess personali” tfisser benefiċċju jew benefiċċju potenzjali, ta’ natura finanzjarja jew mhux finanzjarja, għal membru tal-persunal jew membru ta’ korp, inkluż — iżda mhux limitat għal — benefiċċju għal membru dirett tal-familja (li jkun kwalunkwe ġenitur, tifel, ħu jew oħt), konjuġi jew sieħeb/sieħba;

(11)

“negozjar għal perijodu qasir” tfisser ix-xiri u l-bejgħ sussegwenti ta’ strument finanzjarju jew il-bejgħ u x-xiri sussegwenti tal-istess strument finanzjarju fi żmien 90 jum kalendarju;

(12)

“assi legat” tfisser assi pprojbit li ġie akkwistat minn membru ta’ korp jew membru tal-persunal qabel il-projbizzjoni tal-assi jew qabel ma l-projbizzjoni ssir applikabbli għalihom, jew li ġie fil-pussess tagħhom fi żmien aktar tard minħabba ċirkostanzi li fuqhom ma kellhom l-ebda influwenza;

(13)

“vantaġġ” tfisser rigal, ospitalità jew benefiċċju ieħor — kemm jekk finanzjarju, in natura jew ta’ natura oħra — li ma jkunx miftiehem bħala kumpens għal servizzi mogħtija u li r-riċevitur ma jkunx intitolat għalihom mod ieħor;

(14)

“korporazzjoni tal-assigurazzjoni” tfisser impriża li taqa’ fi kwalunkwe waħda jew aktar mid-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 13(1) sa (6) tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), dment li tkun inkluża fir-Reġistru tal-Impriżi tal-Assigurazzjoni tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol.

Artikolu 3

Dispożizzjonijiet nazzjonali konfliġġenti u l-applikabbiltà ta’ oqfsa etiċi differenti

1.   Fejn BĊN ma jkunx jista’ jimplimenta dispożizzjoni ta’ din il-Linja Gwida minħabba liġi nazzjonali applikabbli, huwa għandu jinforma lill-BĊE mingħajr dewmien żejjed u jieħu miżuri raġonevoli għad-dispożizzjoni tiegħu biex jegħleb l-ostaklu maħluq minn din il-liġi nazzjonali, sabiex tinkiseb implimentazzjoni armonizzata ta’ din il-Linja Gwida madwar l-Eurosistema.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Linja Gwida huma mingħajr preġudizzju għal regoli etiċi aktar stretti stabbiliti mill-banek ċentrali tal-Eurosistema li huma applikabbli għall-membri tal-persunal tagħhom u għall-membri tal-korpi tagħhom.

KAPITOLU II

Standards ta’ kondotta etika

PARTI 1

PRINĊIPJI ĠENERALI

Artikolu 4

Prinċipji bażiċi

1.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li fit-twettiq tad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom, il-membri tal-persunal tagħhom u l-membri tal-korpi tagħhom josservaw l-ogħla standards ta’ kondotta etika.

2.   Meta jikkonformaw mal-obbligu skont il-paragrafu 1, il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom, b’mod partikolari, jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-membri tal-persunal tagħhom u l-membri tal-korpi tagħhom jaġixxu b’mod onest, indipendenti, imparzjali, b’rispett u diskrezzjoni li jevita kwalunkwe forma ta’ mġiba mhux xierqa jew fastidju, u mingħajr kunsiderazzjoni għall-interess proprju, u b’hekk iżommu u jippromwovu l-fiduċja pubblika fl-Eurosistema.

Artikolu 5

Interazzjonijiet ma’ partijiet esterni

Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-membri tal-persunal tagħhom u l-membri tal-korpi tagħhom li jiltaqgħu ma’ partijiet esterni — u b’mod partikolari ma’ rappreżentanti mill-industrija tas-servizzi finanzjarji — (a) iżommu n-newtralità u t-trattament ugwali fl-interazzjonijiet tagħhom ma’ dawk il-partijiet esterni; (b) josservaw perijodu ta’ kwiet ta’ sebat ijiem qabel kwalunkwe laqgħa dwar il-politika monetarja tal-Kunsill Governattiv li matulu jżommu lura minn diskorsi jew rimarki oħra li jistgħu jinfluwenzaw l-aspettattivi dwar deċiżjonijiet futuri rigward il-politika monetarja; (c) iżommu rekords bażiċi tal-laqgħat; u (d) jevitaw kwalunkwe kondotta li tista’ titqies bħala li tagħti lill-partijiet esterni kwalunkwe vantaġġ, inklużi vantaġġi ta’ natura kummerċjali jew prestiġjuża.

PARTI 2

PREVENZJONI U ĠESTJONI TA’ KUNFLITTI TA’ INTERESS

Artikolu 6

Kunflitti ta’ interess

1.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandu jkollhom mekkaniżmu fis-seħħ biex jiġġestixxu sitwazzjoni li fiha kandidat li jkun se jinħatar bħala membru tal-persunal ikollu kunflitt ta’ interess li jirriżulta, inter alia, minn attivitajiet okkupazzjonali preċedenti, holdings finanzjarji, attivitajiet privati jew relazzjonijiet personali.

2.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jadottaw regoli interni li jirrikjedu li l-membri tal-persunal u tal-korpi tagħhom jevitaw matul l-impjieg tagħhom kwalunkwe sitwazzjoni li tista’ tagħti lok għal kunflitt ta' interess u biex jirrapportaw tali sitwazzjonijiet. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, meta jiġi rrapportat kunflitt ta’ interess, dan ikun irreġistrat kif xieraq u jkun hemm disponibbli u jittieħdu miżuri xierqa biex isolvu jew itaffu dan il-kunflitt ta’ interess, inkluż il-ħelsien minn dmirijiet relatati mal-kwistjoni rilevanti.

3.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandu jkollhom mekkaniżmu fis-seħħ biex jivvalutaw u jevitaw kunflitti ta’ interess possibbli li jirriżultaw minn attivitajiet okkupazzjonali ta’ wara l-impjieg imwettqa mill-membri tal-persunal tagħhom u l-membri tal-korpi tagħhom, inklużi rekwiżiti ta’ notifika xierqa u perjodi ta’ preklużjoni.

4.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandu jkollhom, meta jkun rilevanti, mekkaniżmu fis-seħħ biex jivvalutaw u jevitaw kunflitti potenzjali ta’ interess li jirriżultaw minn attivitajiet ta' xogħol li jagħmlu l-membri tal-persunal tagħhom u l-membri tal-korpi tagħhom matul il-liv bla ħlas.

Artikolu 7

Projbizzjoni li wieħed jirċievi vantaġġi

1.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jadottaw regoli interni li jipprojbixxu lill-membri tal-persunal tagħhom u lill-membri tal-korpi tagħhom milli jitolbu, jirċievu jew jaċċettaw wegħda li jirċievu xi vantaġġ, għalihom jew għal kwalunkwe persuna oħra, li jkun b’xi mod marbut mal-qadi tad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet uffiċjali tagħhom.

2.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema jistgħu jispeċifikaw fir-regoli interni tagħhom eżenzjonijiet mill-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 fir-rigward tal-vantaġġi offruti mill-banek ċentrali, l-ANK, l-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-aġenziji tal-Unjoni, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-aġenziji tal-gvern, kif ukoll l-akkademji, u fir-rigward ta’ vantaġġi ta’ valur tas-soltu jew negliġibbli offruti mis-settur privat, dment li fil-każ tal-aħħar dawn il-vantaġġi la jkunu ta’ spiss u lanqas mill-istess sors. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li dawn l-eżenzjonijiet ma jinfluwenzawx u ma jkunux jistgħu jitqiesu bħala li jinfluwenzaw l-indipendenza u l-imparzjalità tal-membri tal-persunal tagħhom u tal-membri tal-korpi tagħhom.

PARTI 3

SEGRETEZZA PROFESSJONALI U PREVENZJONI TA’ UŻU ĦAŻIN TA’ INFORMAZZJONI MHUX PUBBLIKA

Artikolu 8

Segretezza professjonali u projbizzjoni fuq l-iżvelar ta’ informazzjoni mhux pubblika

B’kont meħud tar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali li jirriżultaw mill-Artikolu 37 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-membri tal-persunal tagħhom u l-membri tal-korpi tagħhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali applikabbli għalihom u jkunu pprojbiti milli jiżvelaw informazzjoni mhux pubblika lil partijiet terzi sakemm ma jkunux awtorizzati li jiżvelaw tali informazzjoni.

Artikolu 9

Projbizzjoni ta’ użu ħażin ta’ informazzjoni mhux pubblika

1.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-membri tal-persunal tagħhom u l-membri tal-korpi tagħhom ikunu pprojbiti milli jużaw ħażin informazzjoni mhux pubblika.

2.   Il-projbizzjoni tal-użu ħażin ta’ informazzjoni mhux pubblika għandha tkopri, bħala minimu, l-użu ta’ informazzjoni mhux pubblika: (a) għal tranżazzjonijiet finanzjarji privati għan-nom proprju jew għan-nom ta’ partijiet terzi; u (b) sabiex partijiet terzi jingħataw rakkomandazzjonijiet jew jiġu mħajjra biex jaġixxu fuq dik l-informazzjoni mhux pubblika.

Artikolu 10

Prinċipji ġenerali rigward tranżazzjonijiet finanzjarji privati

Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-membri tal-persunal tagħhom u l-membri tal-korpi tagħhom ikunu meħtieġa — meta jwettqu tranżazzjonijiet finanzjarji privati għan-nom proprju jew għan-nom ta’ kwalunkwe parti terza — jużaw kawtela, iżommu lura u jkollhom orizzont ta’ investiment fuq terminu medju sa twil.

Artikolu 11

Restrizzjonijiet speċifiċi fuq tranżazzjonijiet finanzjarji privati kritiċi

1.   Meta jqisu kunsiderazzjonijiet ta’ effettività, effiċjenza u proporzjonalità, il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jadottaw regoli interni applikabbli għall-membri tal-persunal u l-membri tal-korpi li fit-twettiq tal-kompiti tal-Eurosistema jkollhom aċċess għal informazzjoni sensittiva għas-suq, għajr fuq bażi ta’ darba (minn hawn ’il quddiem “persuni b’aċċess għal informazzjoni sensittiva għas-suq”), billi jintroduċu r-restrizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fil-paragrafu 2 dwar tranżazzjonijiet finanzjarji privati li huma jew li jistgħu jitqiesu li huma relatati mill-qrib mat-twettiq tal-kompiti tal-Eurosistema (minn hawn ’il quddiem “tranżazzjonijiet finanzjarji privati kritiċi”).

2.   Ir-regoli interni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom:

a)

jipprojbixxu tranżazzjonijiet finanzjarji privati kritiċi fi:

i)

strumenti ta’ ekwità u ta’ dejn maħruġa minn entità regolata;

ii)

derivattivi relatati ma’ strumenti ta’ ekwità u ta’ dejn maħruġa minn entità regolata;

iii)

unitajiet ta’ skemi ta’ investiment kollettiv li għandhom politika ta’ investiment iddikjarata mmirata esklużivament lejn entitajiet regolati; u

b)

jirrestrinġu tranżazzjonijiet finanzjarji privati kritiċi b’mod partikolari fi:

i)

kambju barrani, deheb, strumenti ta’ dejn tal-gvernijiet taż-żona tal-euro, strumenti ta’ ekwità u dejn maħruġa minn korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni, u strumenti ta’ ekwità u dejn maħruġa minn entitajiet mhux regolati u mixtrija mill-banek ċentrali tal-Eurosistema taħt kwalunkwe programm ta’ xiri ta’ assi tal-BĊE;

ii)

derivattivi relatati mat-tranżazzjonijiet finanzjarji privati kritiċi elenkati fil-punt (i); u

c)

jirrestrinġu n-negozjar għal perijodu qasir.

3.   Filwaqt li jqisu kunsiderazzjonijiet ta’ effettività, effiċjenza u proporzjonalità, ir-regoli interni adottati skont il-paragrafu 2(b) u (c) jistgħu jikkonsistu f’waħda jew aktar mir-restrizzjonijiet li ġejjin fuq it-tranżazzjoni rilevanti:

a)

projbizzjoni;

b)

rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel;

c)

rekwiżit ta’ rapportar ex ante jew ex post;

d)

perijodu ta’ embargo li fih ma għandhiex titwettaq tali tranżazzjoni.

4.   Fir-regoli interni tagħhom, il-banek ċentrali tal-Eurosistema: (i) għandhom jipprovdu li persuni b’aċċess għal informazzjoni sensittiva għas-suq jirrapportaw l-assi legati tagħhom kull meta ż-żamma ta’ dawn l-assi toħloq kunflitt ta’ interess mal-involviment tagħhom fil-kompiti tal-Eurosistema; u (ii) għandhom jistabbilixxu mekkaniżmu biex jiżguraw li l-kunflitti ta’ interess li jirriżultaw minn assi legati jiġu solvuti f’perijodu ta’ żmien raġonevoli, fosthom li jista’ jintalab li l-assi legati li joħolqu kwalunkwe kunflitt ta’ interess jinbiegħu f’perijodu ta’ żmien raġonevoli. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema jistgħu jipprovdu fir-regoli interni tagħhom li l-assi legati li ma joħolqux kunflitti ta’ interess jistgħu jinżammu.

5.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jispeċifikaw fir-regoli interni tagħhom il-kundizzjonijiet u s-salvagwardji li taħthom il-persuni li jafdaw il-ġestjoni tat-tranżazzjonijiet finanzjarji privati tagħhom lil terza persuna indipendenti skont ftehim ta’ ġestjoni tal-assi bil-miktub ikunu eżentati mir-restrizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f’dan l-Artikolu.

6.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema jistgħu jadottaw regoli interni li japplikaw restrizzjonijiet kif stabbilit f’dan l-Artikolu għall-membri tal-persunal tagħhom u għall-membri tal-korpi tagħhom għajr persuni b’aċċess għal informazzjoni sensittiva għas-suq.

7.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jaġġustaw ir-regoli interni tagħhom li jimponu restrizzjonijiet speċifiċi fuq tranżazzjonijiet finanzjarji privati kritiċi kif imsemmi fil-paragrafu 2 biex jirriflettu d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv.

KAPITOLU III

Kollaborazzjoni u implimentazzjoni tal-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema

Artikolu 12

Funzjonijiet indipendenti ta’ etika u/jew ta’ konformità

1.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li jkollhom funzjoni ddedikata għall-etika u/jew il-konformità — li għandha tkun funzjoni ewlenija ta’ ġestjoni tar-riskju — biex tappoġġa lill-korpi deċiżjonali tagħhom fl-implimentazzjoni tal-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema. Il-funzjoni tal-etika u/jew tal-konformità għandu jkollha l-pożizzjoni, l-awtorità u l-indipendenza xierqa meħtieġa biex twettaq il-kompiti tagħha. Din għandha tirrapporta direttament — ġerarkikament jew funzjonalment — lill-ogħla livell ta’ ġestjoni fil-bank ċentrali rilevanti tal-Eurosistema. Għandha tingħata riżorsi adegwati biex twettaq il-kompiti tagħha, u biex iżżomm ruħha aġġornata dwar l-iżviluppi pertinenti u biex iżżomm l-għarfien espert tagħha attwali.

2.   Ir-responsabbiltajiet tal-funzjoni tal-etika u/jew tal-konformità fir-rigward tal-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema għandhom jinkludu: (a) l-għoti ta’ pariri u gwida dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema; (b) iż-żieda tal-għarfien u t-twettiq ta’ taħriġ obbligatorju; (c) l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskji ta’ konformità; (d) il-monitoraġġ u l-verifika tal-konformità; (e) ir-rapportar ta’ każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità; (f) l-abbozzar, jew il-kontribut għall-abbozzar, tar-regoli u l-prattiki interni tal-bank ċentrali rilevanti tal-Eurosistema; u (g) it-tħejjija tar-rapport annwali mill-bank ċentrali rilevanti tal-Eurosistema kif imsemmi fl-Artikolu 15(1).

3.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-funzjoni tal-etika u/jew tal-konformità tagħhom tkun involuta, kif xieraq u fil-ħin, fi kwistjonijiet li jista’ jkollhom impatt fuq il-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema.

4.   Il-funzjoni tal-etika u/jew tal-konformità tal-banek ċentrali tal-Eurosistema għandha tittratta l-informazzjoni miksuba fit-twettiq tar-responsabbiltajiet tagħha bl-akbar kunfidenzjalità u għandha tipproċessa u żżomm kwalunkwe data personali skont ir-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

5.   F’każijiet fejn il-funzjoni tal-etika u/jew tal-konformità tal-banek ċentrali tal-Eurosistema twettaq kompiti u dmirijiet oħra, il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kwalunkwe kompitu u dmir bħal dan ikunu kompatibbli mal-funzjoni tal-etika u/jew tal-konformità nnifisha jew il-kompiti u d-dmirijiet tat-taqsima organizzattiva li magħha hija marbuta l-funzjoni tal-etika u/jew tal-konformità mil-lat organizzattiv.

Artikolu 13

Monitoraġġ tal-konformità

1.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandu jkollhom stabbiliti mekkaniżmi biex jimmonitorjaw il-konformità mar-regoli li jimplimentaw din il-Linja Gwida. Il-monitoraġġ għandu jinkludi, b’mod partikolari, il-konformità mar-regoli interni li jimplimentaw ir-restrizzjonijiet speċifiċi applikabbli għal tranżazzjonijiet finanzjarji privati kritiċi kif previst fl-Artikolu 11 u, kontrolli ta’ konformità regolari u/jew ad hoc skont il-ħtieġa.

2.   Il-monitoraġġ tal-konformità għandu jkun mingħajr preġudizzju għal regoli interni li jippermettu investigazzjonijiet interni jekk membru tal-persunal tagħhom jew membru ta’ korp tagħhom ikun issuspettat li kiser ir-regoli li jimplimentaw din il-Linja Gwida.

Artikolu 14

Rapportar ta’ nuqqas ta’ konformità u segwitu

1.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jadottaw regoli interni dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta kif ukoll proċeduri interni għar-rapportar ta’ każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli li jimplimentaw din il-Linja Gwida. Dawn ir-regoli u proċeduri interni għandhom jinkludu miżuri biex jiżguraw il-protezzjoni xierqa ta’ persuni li jirrapportaw każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità.

2.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li jkun hemm segwitu għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità, fosthom, kif ikun xieraq, l-impożizzjoni ta’ miżuri dixxiplinari proporzjonati skont ir-regoli u l-proċeduri dixxiplinari applikabbli.

3.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jirrapportaw kwalunkwe inċident kbir relatat man-nuqqas ta’ konformità mar-regoli interni tagħhom li jimplimentaw din il-Linja Gwida mingħajr dewmien żejjed permezz tal-Kumitat tal-Iżvilupp Organizzattiv u l-Bord Eżekuttiv lill-Kunsill Governattiv f’konformità mal-proċeduri interni applikabbli, u jinformaw lill-Kumitat tal-Awditjar u lill-ECC b’mod parallel.

KAPITOLU IV

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 15

Rapportar u rieżami

1.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jibagħtu lill-ECC ir-rapport annwali tagħhom dwar l-implimentazzjoni ta’ din il-Linja Gwida bil-ħsieb li jiskambjaw informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din il-Linja Gwida u jippreparaw rieżamijiet futuri u/jew jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ approċċi komuni, kif imsemmi fl-Artikolu 12(2).

2.   Il-Kunsill Governattiv għandu jirrieżamina din il-Linja Gwida mill-inqas kull tliet snin sa mhux aktar tard mid-data li fiha r-regoli u l-miżuri li jimplimentaw il-Linja Gwida kellhom jiġu applikati kif definit fl-Artikolu 17(2) jew fuq ir-rakkomandazzjoni tal-ECC.

Artikolu 16

Revoka

1.   Il-Linja Gwida (UE) 2015/855 (BĊE/2015/11) hija b'dan imħassra.

2.   Ir-referenzi għal-Linja Gwida (UE) 2015/855 (BĊE/2015/11) għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din il-Linja Gwida u għandhom jinqraw b’mod konformi mat-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness għal din il-Linja Gwida.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni

1.   Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-BĊNi.

2.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jimplimentaw u jikkonformaw ma’ din il-Linja Gwida u japplikaw ir-regoli u l-miżuri li jimplimentaw il-Linja Gwida mill-1 ta’ Ġunju 2023. Il-BĊNi għandhom jinfurmaw lill-BĊE dwar kwalunkwe ostakolu għall-implimentazzjoni ta’ din il-Linja Gwida u għandhom jinnotifikaw lill-BĊE bit-testi u l-mezzi relatati ma’ dawk il-miżuri sa mhux aktar tard mill-1 ta’ April 2023.

Artikolu 18

Destinatarji

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-2 ta’ Novembru 2021.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Il-Linja Gwida (UE) 2015/855 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta’ Marzu 2015 li tistabbilixxi l-prinċipji ta’ Qafas tal-Etika tal-Eurosistema u li tħassar il-Linja Gwida BĊE/2002/6 dwar standards minimi għall-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali meta jwettqu operazzjonijiet ta’ politika monetarja, operazzjonijiet ta’ kambju internazzjonali mar-riservi esteri tal-BĊE u l-ġestjoni tal-assi ta’ riżerva estera tal-BĊE (BĊE/2015/11) (ĠU L 135, 2.6.2015, p. 23).

(2)  Linja gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-26 ta' Settembru 2002 dwar standards minimi għall-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali meta jwettqu operazzjonijiet ta' politika monetarja, operazzjonijiet ta' kambju internazzjonali mar-riservi esteri tal-BĊE u l-ġestjoni ta' l-assi ta' riserva estera tal-BĊE (BĊE/2002/6) (GU L 270, tas-8.10.2002, p. 14).

(3)  Il-Linja Gwida (UE) 2015/856 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta’ Marzu 2015 li tistabbilixxi l-prinċipji ta’ Qafas tal-Etika għall-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (BĊE/2015/12) (ĠU L 135, 2.6.2015, p. 29).

(4)  Prattiki ta’ Implimentazzjoni tal-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema, 12 ta’ Marzu 2015, disponibbli fuq EUR-Lex.

(5)  Il-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri ta’ livell għoli tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU C 89, 8.3.2019, p. 2).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 2021/379 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ Jannar 2021 dwar l-entrati tal-karta bilanċjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tas-settur tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (riformulazzjoni) (BĊE/2021/2) (ĠU L 73, 3.3.2021, p. 16).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠUL 257, 28.8.2014, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 795/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta’ Lulju 2014 dwar ir-rekwiżiti ta’ sorveljanza għal sistemi ta’ ħlas sistemikament importanti (BĊE/2014/28) (ĠU L 217, 23.7.2014, p. 16).

(10)  Il-qafas ta’ politika ta’ sorveljanza tal-Eurosistema, verżjoni riveduta (Lulju 2016), disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu

(11)  Il-qafas ta’ sorveljanza rivedut għas-sistemi ta’ pagament bl-imnut, Frar 2016, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu

(12)  Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).


ANNESS

Tabella ta' korrelazzjoni

Linja Gwida (UE) 2015/855 (BĊE/2015/11)

Din il-Linja Gwida

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 1

Artikolu 3

/

Artikolu 4

/

Artikolu 5

Artikolu 13

Artikolu 6

Artikolu 14

Artikolu 7

Artikolu 9

Artikolu 8

Artikolu 11

Artikolu 9

Artikolu 6

Artikolu 10

Artikolu 7

Artikolu 11

Artikolu 16

Artikolu 12

Artikolu 17

Artikolu 13

Artikolu 15

Artikolu 14

Artikolu 18