7.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 119/121


LINJA GWIDA (UE) 2021/564 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-17 ta’ Marzu 2021

dwar il-forniment ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi f’euro mill-Eurosistema lill-banek ċentrali u pajjiżi li jinsabu barra ż-żona tal-euro u lil organizzazzjonijiet internazzjonali u li tħassar il-Linja Gwida (UE) 2020/1284 tal-Bank Ċentrali Ewropew (riformulazzjoni) (BĊE/2021/9)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikoli 12.1, 14.3 u l-Artikolu 23 tiegħu,

Billi:

(1)

Għandhom isiru numru ta’ emendi għal-Linja Gwida (UE) 2018/797 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2018/14) (1). Fl-interessi taċ-ċarezza dik il-Linja Gwida għandha tiġi rriformulata.

(2)

Bis-saħħa tal-Artikolu 23 flimkien mal-Artikolu 42.4 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ’il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jistgħu jistabbilixxu relazzjonijiet ma’ banek ċentrali u istituzzjonijiet finanzjarji f’pajjiżi oħra u, fejn xieraq, ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, u jwettqu kull tip ta’ tranżazzjoni bankarja fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali.

(3)

Meta l-Eurosistema tipprovdi servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi lill-klijenti, irrispettivament mill-bank ċentrali tal-Eurosistema li permezz tiegħu dawn is-servizzi jiġu pprovduti, jenħtieġ li l-Eurosistema taġixxi bħala sistema waħda. Għal dan l-iskop, din il-Linja Gwida għandha l-għan, fost l-oħrajn, li s-servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi tal-Eurosistema jiġu pprovduti fuq bażi standardizzata skont termini u kundizzjonijiet armonizzati, li l-BĊE jirċievi informazzjoni adegwata dwar dawn is-servizzi, u li jiġu identifikati l-karatteristiċi minimi komuni li huma meħtieġa f’arranġamenti kuntrattwali mal-klijenti.

(4)

L-informazzjoni, id-data u dokumenti kollha abbozzati minn u/jew skambjati bejn il-banek ċentrali tal-Eurosistema fil-kuntest tas-servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi tal-Eurosistema huma ta’ natura kunfidenzjali u huma suġġetti għall-Artikolu 37 tal-Istatut tas-SEBĊ.

(5)

Il-Linja Gwida (UE) 2020/1284 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2020/34) (2) kienet tipprovdi li l-banek ċentrali tal-Eurosistema jeħtiġilhom jikkonformaw ma’ dik il-Linja Gwida mill-1 ta’ April 2021. Minħabba li l-banek ċentrali tal-Eurosistema jeħtieġu aktar żmien sabiex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet introdotti minn dik il-Linja Gwida bl-għan li tkompli tiżdied it-trasparenza fir-rapportar u fil-kondiviżjoni tal-informazzjoni fi ħdan l-Eurosistema fil-kuntest tas-servizzi ta’ ġestjoni tar-riżervi tal-Eurosistema, u b’mod partikolari biex jiksbu l-kunsens tal-klijenti tagħhom, dawn id-dispożizzjonijiet jenħtieġ li jiġu implimentati permezz ta’ din ir-riformulazzjoni b’effett mill-1 ta’ Lulju 2021. Għaldaqstant, il-Linja Gwida (UE) 2020/1284 (BĊE/2020/34) jenħtieġ li titħassar.

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din il-Linja Gwida, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“it-tipi kollha ta’ tranżazzjonijiet bankarji” tinkludi l-forniment ta’ servizzi ta’ ġestjoni tar-riżervi tal-Eurosistema lill-klijenti;

(2)

“persunal awtorizzat tal-BĊE” tfisser il-persuni fi ħdan il-BĊE kif jiġu identifikati minn żmien għal żmien mill-Bord Eżekuttiv, bħala dawk il-persuni awtorizzati biex jibagħtu u jirċievu l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fi ħdan il-qafas tas-servizzi ta’ ġestjoni tar-riżervi tal-Eurosistema;

(3)

“banek ċentrali” għandha tinkludi l-awtoritajiet monetarji;

(4)

“klijent” tfisser kwalunkwe bank ċentrali jew kwalunkwe pajjiż (inkluż kwalunkwe awtorità pubblika jew aġenzija tal-gvern) li jinsabu barra miż-żona tal-euro, jew kwalunkwe organizzazzjoni internazzjonali li lilha jiġu pprovduti servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżerva tal-Eurosistema minn bank ċentrali tal-Eurosistema;

(5)

“bank ċentrali tal-Eurosistema” tfisser il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro;

(6)

“servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi tal-Eurosistema” tfisser is-servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi elenkati fl-Artikolu 2 li jistgħu jiġu pprovduti mill-banek ċentrali tal-Eurosistema lil klijenti u li jippermettu lill-klijenti jiġġestixxu b’mod komprensiv ir-riżervi tagħhom permezz ta’ bank ċentrali wieħed tal-Eurosistema;

(7)

“fornitur tal-ERMS” tfisser bank ċentrali tal-Eurosistema li jimpenja ruħu li jipprovdi s-servizzi kollha jew subsett tas-servizzi ta’ ġestjoni tar-riżervi tal-Eurosistema;

(8)

“organizzazzjoni internazzjonali” tfisser kull organizzazzjoni, minbarra l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni stabbiliti permezz jew taħt l-awtorità ta’ trattat internazzjonali;

(9)

“klijent potenzjali” tfisser kwalunkwe bank ċentrali jew kwalunkwe pajjiż (inkluż kwalunkwe awtorità pubblika jew aġenzija governattiva) li tinsab barra miż-żona tal-euro, jew kwalunkwe organizzazzjoni internazzjonali li bdiet negozjati ma’ fornitur tal-ERMS bl-intenzjoni li tistabbilixxi relazzjoni ta’ negozju u li tkun irċeviet kuntratt għal negozjar u firma possibbli;

(10)

“riżervi” tfisser l-assi denominati f’euro eliġibbli ta’ klijent, jiġifieri flus kontanti u kull titolu li huma inklużi fil-lista tal-Eurosistema ta’ assi negozjabbli eliġibbli, kif ippubblikata u aġġornata kuljum fuq is-sit elettroniku tal-BĊE, ħlief għal:

(a)

titoli li jaqgħu taħt il-“kategorija haircut V” (titoli garantiti b’assi);

(b)

assi miżmuma esklussivament bil-għan li jissodisfaw il-pensjoni u l-obbligi relatati tal-klijent fir-rigward tal-persunal preċedenti jew eżistenti tiegħu;

(c)

assi denominati f’euro miżmuma f’kontijiet iddedikati miftuħa ma’ bank ċentrali tal-Eurosistema minn klijent għal skopijiet ta’ skedar mill-ġdid tad-dejn pubbliku fi ħdan il-qafas ta’ ftehimiet internazzjonali;

(d)

assi denominati f’euro tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) miżmuma fil-Kont Nru 1, fil-Kont Nru 2 jew fil-Kont tat-Titoli tal-FMI ma’ banek ċentrali tal-Eurosistema; u

(e)

kategoriji oħrajn bħal dawn ta’ assi denominati f’euro kif jiġi deċiż minn żmien għal żmien mill-Kunsill Governattiv.

Artikolu 2

Servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi tal-Eurosistema

Il-fornituri tal-ERMS jistgħu joffru lill-klijenti s-servizzi ta’ ġestjoni tar-riżervi tal-Eurosistema li ġejjin f’konformità ma’ din il-Linja Gwida:

(1)

kontijiet ta’ kustodja (għas-sigurtà) għar-riżervi;

(2)

is-servizzi ta’ kustodja (għas-sigurtà) li ġejjin:

(a)

rendikonti ta’ kustodja fl-aħħar tax-xahar, bil-possibilità li jingħataw rendikonti f’dati oħrajn skont kif jitlob il-klijent;

(b)

it-trażmissjoni ta’ rendikonti permezz tas-SWIFT lill-klijenti kollha li jistgħu jirċievu rendikonti permezz tas-SWIFT, u permezz ta’ mezzi oħra adattati għal dawk il-klijenti li ma jistgħux jużaw is-SWIFT;

(c)

in-notifika ta’ azzjonijiet korporattivi, inkluż pereżempju ħlasijiet u fidi ta’ kupuni, fir-rigward ta’ investimenti f’titoli tal-klijenti;

(d)

l-ipproċessar ta’ azzjonijiet korporattivi f’isem il-klijenti;

(e)

l-iffaċilitar ta’ arranġamenti bejn il-klijenti u aġenti terzi, taħt ċerti restrizzjonijiet, għal dak li għandu x’jaqsam mat-tħaddim ta’ programmi awtomatiċi ta’ self ta’ titoli;

(3)

is-servizzi ta’ saldu li ġejjin:

(a)

servizzi ta’ saldu bla ħlas/kunsinna bi ħlas għat-titoli kollha denominati f’euro li għalihom huma pprovduti kontijiet ta’ kustodja;

(b)

il-konferma tas-saldu ta’ kull operazzjoni permezz tas-SWIFT (jew mezzi oħra adattati għal dawk il-klijenti li ma jistgħux jużaw is-SWIFT);

(4)

is-servizzi ta’ flus kontanti/ta’ investiment li ġejjin:

(a)

ix-xiri/il-bejgħ ta’ valuti barranin għall-kontijiet tal-klijenti fuq bażi prinċipali, li jkopri bħala minimu x-xiri/il-bejgħ fil-pront ta’ euro kontra l-valuti tal-Ġ10 barra ż-żona tal-euro;

(b)

servizzi ta’ depożitu b’terminu fiss:

(i)

fuq bażi ta’ aġenzija; jew

(ii)

fuq bażi prinċipali;

(c)

bilanċi ta’ kreditu mil-lum għall-għada:

(i)

Grad 1 — l-investiment awtomatiku ta’ ammont fiss u limitat għal kull klijent fuq bażi prinċipali;

(ii)

Grad 2 — il-possibbiltà ta’ investiment ta’ fondi ma’ parteċipanti fis-suq fuq bażi ta’ aġenzija;

(d)

l-eżekuzzjoni ta’ investimenti għall-klijenti skont l-istruzzjonijiet permanenti tagħhom u skont is-sett ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi tal-Eurosistema;

(e)

l-eżekuzzjoni tal-ordnijiet tal-klijenti għal xiri/bejgħ ta’ titoli fis-suq sekondarju;

(5)

is-servizz ta’ flus kontanti li ġejjin:

(a)

il-ftuħ u l-ġestjoni ta’ kontijiet ta’ flus kontanti;

(b)

l-eżekuzzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas mingħajr flus kontanti li jidħlu u joħorġu b’konnessjoni ma’ servizzi ta’ ġestjoni tar-riżervi tal-Eurosistema.

Artikolu 3

Forniment ta’ servizzi minn fornituri tal-ERMS

1.   Il-fornituri tal-ERMS jistgħu joffru wkoll servizzi oħra ta’ ġestjoni tar-riżervi lill-klijenti minbarra s-servizzi elenkati fl-Artikolu 2. Il-fornituri tal-ERMS għandhom jiddeterminaw dawn is-servizzi fuq bażi individwali u dawn is-servizzi ma għandhomx ikunu soġġetti għal din il-Linja Gwida.

2.   Il-klijenti jistgħu jkollhom arranġamenti għall-forniment ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi ma’ diversi banek ċentrali tal-Eurosistema.

Artikolu 4

Informazzjoni dwar is-servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi tal-Eurosistema

1.   Il-fornituri tal-ERMS għandhom jipprovdu lill-BĊE b’kull informazzjoni rilevanti dwar il-forniment ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi tal-Eurosistema lil klijenti ġodda u eżistenti u għandhom jgħarrfu lill-BĊE meta javviċinahom xi klijent potenzjali. Il-BĊE jista’ jikkondividi informazzjoni rilevanti fi ħdan l-Eurosistema.

2.   Il-fornituri tal-ERMS għandhom jagħmlu ħilithom biex jiksbu l-kunsens ta’ klijent għall-iżvelar tal-identità tiegħu lill-banek ċentrali tal-Eurosistema li jaġixxu bħala fornituri tal-ERMS għall-finijiet leġittimi li ġejjin:

(a)

l-analiżi tal-użu tal-Livell 1;

(b)

il-protezzjoni tal-klijenti u ta’ fornituri oħrajn tal-ERMS minn danni kkawżati minn inċidenti ċibernetiċi; u

(c)

l-appoġġ għal operazzjonijiet ta’ self/repo mal-klijent.

3.   Jekk il-klijent ma jagħtix il-kunsens tiegħu għall-iżvelar tal-identità tiegħu għall-finijiet leġittimi msemmija fil-paragrafu 2, il-bank ċentrali nazzjonali kkonċernat għandu jipprovdi lill-BĊE l-informazzjoni rilevanti mingħajr ma jiżvela l-identità ta’ dak il-klijent. F’dak il-każ, il-limitu ta’ dak il-klijent għall-bilanċi tal-faċilità ta’ investiment ta’ Grad 1 għandu jiġi stabbilit għal żero minn kull bank ċentrali nazzjonali li ma jiksibx il-kunsens ta’ dak il-klijent għall-iżvelar tal-identità tiegħu lill-banek ċentrali tal-Eurosistema.

4.   Il-fornituri tal-ERMS huma mħeġġa joffru lill-klijenti l-possibbiltà li jagħtu l-kunsens tagħhom għall-iżvelar tal-identità tagħhom lill-banek ċentrali tal-Eurosistema mhux biss għall-finijiet leġittimi msemmija fil-paragrafu 2 iżda wkoll għal skopijiet oħra ta’ rapportar relatati mas-servizzi ta’ ġestjoni tar-riżervi tal-Eurosistema.

Artikolu 5

Projbizzjoni u sospensjoni ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi tal-Eurosistema

1.   Il-BĊE għandu jżomm lista biex tiġi kkonsultata mill-banek ċentrali tal-Eurosistema li għandha tinkludi klijenti eżistenti, ġodda jew potenzjali li r-riżervi tagħhom huma affettwati minn ordni ta’ ffriżar jew xi miżura simili imposta jew minn Stat Membru fuq il-bażi ta’ riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Unjoni Ewropea.

2.   Meta, fuq il-bażi ta’ miżura jew deċiżjoni minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 1, adottata għal raġunijiet ta’ politika nazzjonali jew ta’ interess nazzjonali minn bank ċentrali tal-Eurosistema jew mill-Istat Membru fejn ikun jinsab il-bank ċentrali tal-Eurosistema, il-bank ċentrali tal-Eurosistema jissospendi l-forniment tas-servizzi ta’ ġestjoni tar-riżervi tal-Eurosistema lil klijent eżistenti jew jirrifjuta li jipprovdi dawn is-servizzi lil klijent ġdid jew potenzjali, il-bank ċentrali tal-Eurosistema kkonċernat għandu jinnotifika minnufih lill-persunal awtorizzat tal-BĊE dwar dan. Il-persunal tal-BĊE awtorizzat għandu jinforma minnufih b’dan lill-banek ċentrali l-oħra tal-Eurosistema. Kull miżura jew deċiżjoni ta’ din ix-xorta ma għandhiex iżżomm lill-banek ċentrali l-oħrajn tal-Eurosistema milli jipprovdu servizzi ta’ ġestjoni tar-riżervi tal-Eurosistema lil dawn il-klijenti.

3.   L-Artikoli 4(2) u 4(3) għandhom japplikaw għal kwalunkwe żvelar tal-identità ta’ klijent eżistenti, ġdid jew potenzjali magħmul skont il-paragrafu 2. Fin-nuqqas ta’ kunsens ta’ klijent, l-identità tal-klijent tiġi żvelata lil banek ċentrali oħra tal-Eurosistema biss meta tali żvelar ikun konformi mal-liġi applikabbli.

Artikolu 6

Responsabbiltà għal servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi tal-Eurosistema

1.   Kull fornitur tal-ERMS għandu jkun responsabbli għall-eżekuzzjoni ta’ kwalunkwe arranġament kuntrattwali mal-klijenti tiegħu li huwa jidhirlu li huwa xieraq għall-forniment ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi tal-Eurosistema.

2.   Soġġett għal kwalunkwe dispożizzjoni speċifika applikabbli għal bank ċentrali tal-Eurosistema jew maqbula minnu, kull fornitur tal-ERMS għandu jkun responsabbli għal kwalunkwe servizz bħal dan li jipprovdi.

Artikolu 7

Karatteristiċi minimi u komuni f’arranġamenti kuntrattwali mal-klijenti

Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jiżguraw li l-arranġamenti kuntrattwali tagħhom mal-klijenti jkunu konsistenti ma’ din il-Linja Gwida u jkunu jinkludu l-karatteristiċi minimi u komuni li ġejjin. L-arranġamenti kuntrattwali għandhom:

(a)

jiddikjaraw li l-kontroparti tal-klijent hija l-bank ċentrali tal-Eurosistema li miegħu dak il-klijent ikun ikkonkluda arranġament għall-forniment ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi tal-Eurosistema jew xi parti minnhom, u li dak l-arranġament fih innifsu ma joħloqx drittijiet tal-konsumatur jew jeddijiet fil-konfront ta’ banek ċentrali oħrajn tal-Eurosistema;

(b)

jirreferu għall-konnessjonijiet li jistgħu jintużaw għas-saldu ta’ titoli miżmuma mill-kontropartijiet tal-klijenti u għar-riskji rilevanti tal-użu ta’ konnessjonijiet mhux eliġibbli għal operazzjonijiet tal-politika monetarja;

(c)

jirreferu għall-fatt li ċerti tranżazzjonijiet fi ħdan il-qafas ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi tal-Eurosistema għandhom jitwettqu fuq il-bażi tal-aħjar sforz;

(d)

jirreferu għall-fatt li l-bank ċentrali tal-Eurosistema jista’ jagħmel suġġerimenti lill-klijenti dwar l-għażla taż-żmien u l-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjoni sabiex jiġu evitati kunflitti mal-politika monetarja u tar-rata tal-kambju tal-Eurosistema, u li dak il-bank ċentrali tal-Eurosistema ma għandux ikun responsabbli għall-konsegwenzi li dawk is-suġġerimenti jista’ jkollhom għall-klijent;

(e)

jirreferu għall-fatt li t-tariffi li l-banek ċentrali tal-Eurosistema jitolbu lill-klijenti tagħhom għall-forniment ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi tal-Eurosistema huma soġġetti għal reviżjonijiet mill-Eurosistema u li l-klijenti għandhom, skont il-liġi applikabbli, ikunu marbuta bit-tibdil fit-tariffi li jista’ jirriżulta minn dawn ir-reviżjonijiet;

(f)

jiddikjaraw li l-klijent għandu jikkonferma lill-bank ċentrali tal-Eurosistema li huwa jikkonforma mal-liġijiet kollha tal-Unjoni u dawk nazzjonali għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu, sa fejn u sakemm applikabbli għall-klijent, inkluż ma’ struzzjonijiet mogħtija minn awtoritajiet kompetenti, u li ma huwiex involut fl-ebda forma ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu.

Artikolu 8

Rwol tal-BĊE

Il-BĊE għandu jikkoordina l-forniment ġenerali ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi tal-Eurosistema u l-qafas ta’ informazzjoni relatat. Kwalunkwe bank ċentrali tal-Eurosistema li jsir fornitur tal-ERMS jew li jtemm l-istatus tiegħu bħala fornitur tal-ERMS għandu jgħarraf lill-BĊE dwar dan.

Artikolu 9

Tħassir tal-Linja Gwida (UE) 2020/1284 (BĊE/2020/34)

Il-Linja Gwida (UE) 2020/1284 (BĊE/2020/34) hija mħassra b’effett mill-1 ta’ April 2021.

Artikolu 10

Tħassir tal-Linja Gwida (UE) 2018/797 (BĊE/2018/14)

1.   Il-Linja Gwida (UE) 2018/797 (BĊE/2018/14) hija mħassra b’effett mill-1 ta’ Lulju 2021.

2.   Ir-referenzi għal-Linja Gwida mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din il-Linja Gwida u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni

1.   Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

2.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 9 mill-1 ta’ April 2021 u mal-bqija tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Linja Gwida mill-1 ta’ Lulju 2021.

Artikolu 12

Destinatarji

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-17 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Linja Gwida (UE) 2018/797 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta’ Mejju 2018 dwar il-forniment ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi f’euro mill-Eurosistema lill-banek ċentrali u pajjiżi li jinsabu barra ż-żona tal-euro u lil organizzazzjonijiet internazzjonali (BĊE/2018/14) (ĠU L 136, 1.6.2018, p. 81).

(2)  Linja gwida (UE) 2020/1284 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-7 ta’ Settembru 2020 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2018/797 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta’ Mejju 2018 dwar il-forniment ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi f’euro mill-Eurosistema lill-banek ċentrali u pajjiżi li jinsabu barra ż-żona tal-euro u lil organizzazzjonijiet internazzjonali (BĊE/2020/34) (ĠU L 301, 15.9.2020, p. 39).


ANNESS

Tabella ta’ korrelazzjoni

Linja Gwida (UE) 2018/797 (BĊE/2018/14)

Din il-Linja Gwida

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 8

 

Artikolu 9

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 10

Artikolu 11

Artikolu 11

Artikolu 12