20.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 178/1


DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/802

tat-12 ta’ Marzu 2021

li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/GAI fir-rigward tal-inklużjoni tas-sustanzi psikoattivi ġodda l-metil 3,3-dimetil-2-{[1-(pent-4-en-1-yl)-1H-indażolu-3-karbonil]amino}butanoat (MDMB-4en-PINACA) u l-metil 2-{[1-(4-fluworobutil)-1H-indol-3-karbonil]amino}-3,3-dimetilbutanoat (4F-MDMB-BICA) fid-definizzjoni ta’ “droga”

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI tal-25 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta’ drogi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1a(1) tagħha,

Billi:

(1)

Saru rapporti ta’ valutazzjoni tar-riskju dwar is-sustanzi psikoattivi ġodda metil 3,3-dimetil-2-{[1-(pent-4-en-1-yl)-1H-indażolu-3-karbonil]amino}butanoat (MDMB-4en-PINACA) u metil 2-{[1-(4-fluworobutil)-1H-indol-3-karbonil]amino}-3,3-dimetilbutanoat (4F-MDMB-BICA) f’konformità mal-Artikolu 5c tar-Regolament (KE) Nru 1920/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) mill-Kumitat Xjentifiku taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga estiż skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 5(4) tal-istess Regolament. Iċ-Ċentru ppreżenta r-rapporti ta’ valutazzjoni tar-riskju lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fid-9 ta’ Diċembru 2020.

(2)

L-MDMB-4en-PINACA u l-4F-MDMB-BICA huma agonisti sintetiċi tar-riċettur tal-kannabinojdi (kannabinojdi sintetiċi). Dawn juru effetti simili għal dawk tat-tetraidrokannabinol (THC), li hija s-sustanza responsabbli għall-effetti psikoattivi ewlenin tal-kannabis, iżda għandhom livell addizzjonali ta’ tossiċità li tista’ tkun fatali. Il-potenza qawwija taż-żewġ sustanzi tikkostitwixxi riskju għoli ta’ avvelenament.

(3)

L-MDMB-4en-PINACA ilha disponibbli fl-Unjoni Ewropea mill-inqas mill-2017 u ġiet identifikata f’20 Stat Membru, filwaqt li kien hemm żieda qawwija fl-għadd ta’ Stati Membri li identifikaw is-sustanza għall-ewwel darba fl-2019. Fl-2020 kien hemm żieda qawwija fil-kwantità ta’ MDMB-4en-PINACA sekwestrata mid-dwani. B’kollox 20 Stat Membru rrapportaw 389 każ ta’ sekwestru (3). Barra minn hekk, sitt Stati Membri rrapportaw it-teħid ta’ 15-il kampjun u Stat Membru wieħed irrapporta 28 kampjun bijoloġiku. B’mod ġenerali x’aktarx li hemm nuqqas ta’ detezzjoni tal-MDMB-4en-PINACA peress li f’xi laboratorji s-sustanza ma tiffurmax parti mill-iskrinjar sistematiku. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, is-sustanza ġiet issekwestrata bħala trab u f’taħlitiet għat-tipjip, iżda ġiet identifikata wkoll fil-forma ta’ karta imprenjata, inklużi prodotti assorbenti, f’forma likwida u f’forom oħra mhux speċifikati.

(4)

F’żewġ Stati Membri ġew rapportati li mietu tnax-il persuna kawża tal-MDMB-4en-PINACA. X’aktarx li hemm nuqqas ta’ detezzjoni u nuqqas ta’ rapportar kemm tal-intossikazzjonijiet kif ukoll tal-imwiet peress li f’xi laboratorji s-sustanzi ma jiffurmax parti mill-iskrinjar sistematiku.

(5)

Is-sustanza 4F-MDMB-BICA ilha disponibbli fl-Unjoni mill-inqas minn Marzu 2020 u ġiet identifikata fi-ħdax-il Stat Membru. B’kollox ġew irrapportati 94 każ ta’ sekwestru minn ħdax-il Stat Membru (4). Barra minn hekk, Stat Membru wieħed irrapporta t-teħid ta’ kampjun u Stat Membru ieħor irrapporta 126 kampjun bijoloġiku. B’mod ġenerali x’aktarx li hemm nuqqas ta’ detezzjoni tal-4F-MDMB-BICA peress li s-sustanza ma tiġix skrinjata sistematikament minħabba n-novità tagħha fis-suq. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, is-sustanza ġiet issekwestrata bħala trab u f’taħlitiet għat-tipjip, kif ukoll bħala prodotti assorbenti iżda ġiet identifikata wkoll f’forma likwida u f’forom oħra mhux speċifikati.

(6)

Wieħed u għoxrin persuna ġew irrapporati li mietu fi Stat Membru wieħed bejn Mejju u Awwissu 2020 kawża tal-4F-MDMB-BICA. X’aktarx li hemm nuqqas ta’ detezzjoni u nuqqas ta’ rapportar kemm tal-intossikazzjonijiet kif ukoll tal-imwiet peress li ma tiffurmax parti mill-iskrinjar sistematiku u peress li s-sustanza dehret dan l-aħħar fis-suq tal-Unjoni.

(7)

Jidher li s-sustanzi MDMB-4en-PINACA u 4F-MDMB-BICA jinbiegħu online fi kwantitajiet żgħar kif ukoll bl-ingrossa bħala sostituti “legali” għall-kannabis u għall-kannabinojdi sintetiċi kkontrollati, primarjament bħala prodott lesti għall-konsumatur, bħal taħlitiet għat-tipjip, likwidi għas-sigaretti elettroniċi jew imprenjati f’karta.

(8)

Ma hemm ebda evidenza diretta li turi l-involviment tal-kriminalità organizzata fil-manifattura, id-distribuzzjoni (it-traffikar) u l-forniment tal-MDMB-4en-PINACA u tal-4F-MDMB-BICA fl-Unjoni.

(9)

L-MDMB-4en-PINACA u l-4F-MDMB-BICA ma għandhom ebda użu mediku għall-bniedem jew użu mediku veterinarju rikonoxxut la fl-Unjoni u lanqas apparentement xi mkien ieħor. Ma hemm l-ebda indikazzjoni li s-sustanzi jistgħu jintużaw għal xi skop ieħor minbarra bħala standard analitiku ta’ referenza u fir-riċerka xjentifika.

(10)

Ir-rapporti dwar il-valutazzjoni tar-riskju juru li ħafna mil-mistoqsijiet relatati mal-MDMB-4en-PINACA u l-4F-MDMB-BICA li jqumu minħabba n-nuqqas ta’ data dwar ir-riskji għas-saħħa tal-individwu, ir-riskji għas-saħħa pubblika, u r-riskji soċjali, jista’ jkollhom risposta permezz ta’ riċerka ulterjuri. L-informazzjoni disponibbli tissuġġerixxi li l-konsum tal-MDMB-4en-PINACA u tal-4F-MDMB-BICA jikkawża dannu għas-saħħa assoċjat mat-tossiċità akuta tagħhom u għall-potenzjal tagħhom li jwasslu għar-riskju tal-abbuż jew għad-dipendenza. Dan id-dannu għas-saħħa jitqies bħala ta’ theddida għall-ħajja. Ma hemm l-ebda informazzjoni speċifika dwar ir-riskji soċjali ġejjin mill-MDMB-4-en-PINACA u mill-4F-MDMB-BICA. Għaldaqstant, hemm biżżejjed raġuni biex l-MDMB-4-en-PINACA u l-4F-MDMB-BICA jiġu inklużi fid-definizzjoni ta’ “droga”.

(11)

L-MDMB-4-en-PINACA u l-4F-MDMB-BICA mhumiex elenkati għall-kontroll skont il-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi Narkotiċi tal-1961, kif emendata mill-Protokoll tal-1972, jew skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar is-Sustanzi Psikotropiċi. Bħalissa qed issir valutazzjoni tas-sustanza 4F-MDMB-BICA mis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti, filwaqt li saret rakkomandazzjoni li anki l-MDMB-4en-PINACA tiġi skedata fis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti. Madankollu, hemm biżżejjed evidenza biex din is-sustanza tiġi inkluża b’urġenza fid-definizzjoni ta’ “droga” anki fid-dritt tal-UE.

(12)

Disa’ Stati Membri jikkontrollaw is-sustanza MDMB-4en-PINACA permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kontroll tad-drogi u erba’ Stati Membri jikkontrollawha permezz ta’ leġiżlazzjoni ġdida dwar is-sustanzi psikoattivi filwaqt li Stat Membru wieħed jikkontrollaha permezz ta’ leġiżlazzjoni oħra. Seba’ Stati Membri jikkontrollaw is-sustanza 4F-MDMB-BICA permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kontroll tad-drogi u erba’ Stati Membri jikkontrollawha permezz ta’ leġiżlazzjoni ġdida dwar is-sustanzi psikoattivi filwaqt li Stat Membru wieħed jikkontrollaha permezz ta’ leġiżlazzjoni oħra. Peress li dawn il-miżuri nazzjonali ta’ kontroll diġà jinsabu fis-seħħ, il-fatt li l-MDMB-4-en-PINACA u l-4F-MDMB-BICA jiġu inklużi fid-definizzjoni ta’ “droga”, u b’hekk isiru soġġetti għad-dispożizzjonijiet dwar ir-reati u s-sanzjonijiet kriminali kif definiti fid-Deċiżjoni Kwadru 2004/757, jista’ jgħin biex jiġi evitat li jinħolqu ostakli fl-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-livell transfruntier, u jgħin fil-protezzjoni mir-riskji li d-disponibbiltà u l-użu tagħhom jistgħu joħolqu.

(13)

Peress li l-kundizzjonijiet u l-proċedura għall-attivazzjoni tat-tħaddim tas-setgħat ta’ adozzjoni huma ssodisfati, jenħtieġ li tiġi adottata direttiva delegata sabiex l-MDMB-4en-PINACA u l-4F-MDMB-BICA jiġu inklużi fl-Anness tad-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI u, bħala konsegwenza ta’ dan, dawn is-sustanzi jsiru soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali tal-Unjoni dwar it-traffikar tad-droga.

(14)

L-Irlanda hija marbuta bid-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI kif emendata bid-Direttiva (UE) 2017/2103 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(15)

Id-Danimarka hija marbuta bid-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI kif applikabbli sal-21 ta’ Novembru 2018, iżda mhix marbuta bid-Direttiva (UE) 2017/2103. Għaldaqstant, mhux se tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(16)

F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (6), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jżidu man-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom, f’każijiet ġustifikati, dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni.

(17)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emenda għad-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI

Fl-Anness tad-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI, jiżdiedu l-punti 18 u 19 kif ġej:

“18.

Metil 3,3-dimetil-2-{[1-(pent-4-en-1-yl)-1H-indażolu-3-karbonil]amino}butanoat (MDMB-4en-PINACA) (*).

19.

Metil 2-{[1-(4-fluworobutil)-1H-indol-3-karbonil]amino}-3,3-dimetilbutanoat (4F-MDMB-BICA) (*).”

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-9 ta’ Diċembru 2021. Għandhom jikkomunikaw it-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 335, 11.11.2004, p. 8.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1920/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 1).

(3)  Barra minn hekk, ir-Renju Unit irrapporta 380 każ ta’ sekwestru, in-Norveġja sekwestru wieħed u t-Turkija 663 każ ta’ sekwestru.

(4)  Barra minn hekk, ir-Renju Unit irrapporta 17-il każ ta’ sekwestru.

(5)  Id-Direttiva (UE) 2017/2103 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2017 li temenda d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI sabiex id-definizzjoni ta’ “droga” tinkludi sustanzi psikoattivi ġodda u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI (ĠU L 305, 21.11.2017, p. 12).

(6)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.