24.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 341/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1712

tat-23 ta’ Settembru 2021

li temenda r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/912 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2)(b) u (e) u l-ewwel u t-tieni sentenzi tal-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-30 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni (1) (“Rakkomandazzjoni tal-Kunsill”).

(2)

Minn dakinhar ‘l hawn, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjonijiet (UE) 2020/1052 (2), (UE) 2020/1144 (3), (UE) 2020/1186 (4), (UE) 2020/1551 (5), (UE) 2020/2169 (6), (UE) 2021/89 (7), (UE) 2021/132 (8), (UE) 2021/767 (9), (UE) 2021/892 (10), (UE) 2021/992 (11), (UE) 2021/1085 (12), (UE) 2021/1170 (13), (UE) 2021/1346 (14) u (UE) 2021/1459 (15) li jemendaw ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni.

(3)

Fl-20 ta’ Mejju 2021, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni (UE) 2021/816 li temenda r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/912 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni (16) sabiex jaġġorna l-kriterji użati biex jiġi vvalutat jekk huwiex sikur l-ivvjaġġar mhux essenzjali minn pajjiżi terzi u jekk dan jenħtieġx li jkun permess.

(4)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tipprevedi li jenħtieġ li l-Istati Membri jneħħu gradwalment ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE mill-1 ta’ Lulju 2020 b’mod ikkoordinat fir-rigward tar-residenti tal-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Jenħtieġ li l-lista tal-pajjiżi terzi msemmija fl-Anness I tkun riveduta kull ġimagħtejn u, jekk meħtieġ, aġġornata mill-Kunsill, wara konsultazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u l-aġenziji u s-servizzi rilevanti tal-UE wara valutazzjoni ġenerali bbażata fuq il-metodoloġija, il-kriterji u l-informazzjoni msemmija fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

(5)

Minn dak iż-żmien ‘l hawn saru diskussjonijiet fil-Kunsill, f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u l-aġenziji u s-servizzi rilevanti tal-UE, dwar ir-rieżami tal-lista ta’ pajjiżi terzi stabbilita fl-Anness I għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill u fl-applikazzjoni tal-kriterji u l-metodoloġija stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, kif emendata bir-Rakkomandazzjoni 2021/816. Bħala riżultat ta’ dawn id-diskussjonijiet, il-lista ta’ pajjiżi terzi stabbilita fl-Anness I jenħtieġ li tiġi emendata. B’mod partikolari, iċ-Ċilì, il-Kuwajt u r-Rwanda għandhom jiżdiedu mal-lista u l-Bożnija-Ħerzegovina u r-Repubblika tal-Moldova għandhom jitneħħew mil-lista.

(6)

Il-kontrolli fuq il-fruntieri mhumiex biss fl-interess tal-Istat Membru li fil-fruntieri esterni tiegħu jsiru dawn il-kontrolli, iżda tal-Istati Membri kollha li neħħew il-kontrolli fil-fruntieri interni. Għalhekk jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-miżuri meħuda fil-fruntieri esterni jkunu kkoordinati sabiex jiżguraw żona Schengen li tiffunzjona tajjeb. Għal dak il-għan, mit-23 ta’ Settembru 2021, jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jneħħu r-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE b’mod ikkoordinat fir-rigward tar-residenti tal-pajjiżi terzi, Reġjuni Amministrattivi Speċjali u entitajiet u awtoritajiet territorjali oħra elenkati fl-Anness I għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill kif emendat b’din ir-Rakkomandazzjoni.

(7)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Ladarba din ir-Rakkomandazzjoni tibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar din ir-Rakkomandazzjoni jekk hijiex ser timplimentaha.

(8)

Din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (17); Għaldaqstant l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(9)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (18).

(10)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE (19) moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (20).

(11)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-adeżjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE (21), moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2011/350/UE (22).

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/912, kif emendata bir-Rakkomandazzjonijiet (UE) 2020/1052, (UE) 2020/1144, (UE) 2020/1186, (UE) 2020/1551, (UE) 2020/2169, (UE) 2021/89, (UE) 2021/132, (UE) 2021/767, (UE) 2021/816, (UE) 2021/892, (UE) 2021/992, (UE) 2021/1085, (UE) 2021/1170, (UE) 2021/1346 u (UE) 2021/1459, dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni hija emendata kif ġej:

(1)

L-ewwel paragrafu tal-punt 1 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.

Mit-23 ta’ Settembru 2021, jenħtieġ li l-Istati Membri jneħħu gradwalment ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE b’mod ikkoordinat fir-rigward tar-residenti tal-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I.”

(2)

L-Anness I għar-Rakkomandazzjoni huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ANNESS I

Pajjiżi terzi, Reġjuni Amministrattivi Speċjali u entitajiet u awtoritajiet territorjali oħra li r-residenti tagħhom jenħtieġ li ma jiġux affettwati minn restrizzjoni temporanja fil-fruntieri esterni fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE:

I.

STATI

1.

AWSTRALJA

2.

KANADA

3.

ĊILÌ

4.

ĠORDAN

5.

KUWAJT

6.

NEW ZEALAND

7.

QATAR

8.

RWANDA

9.

ARABJA SAWDIJA

10.

SINGAPORE

11.

KOREA T’ISFEL

12.

UKRAJNA

13.

URUGWAJ

14.

ĊINA (*1)

II.

REĠJUNI AMMINISTRATTIVI SPEĊJALI TAR-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA

Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Hong Kong

Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Macao

III.

ENTITAJIET U AWTORITAJIET TERRITORJALI LI MHUMIEX RIKONOXXUTI BĦALA STATI MINN TAL-ANQAS STAT MEMBRU WIEĦED

Tajwan

(*1)  soġġett għall-konferma tar-reċiproċità"

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’Settembru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

G. DOVŽAN


(1)  ĠU L 208 I, 1.7.2020, p. 1.

(2)  ĠU L 230, 17.7.2020, p. 26.

(3)  ĠU L 248, 31.7.2020, p. 26.

(4)  ĠU L 261, 11.8.2020, p. 83.

(5)  ĠU L 354, 26.10.2020, p. 19.

(6)  ĠU L 431, 21.12.2020, p. 75.

(7)  ĠU L 33, 29.1.2021, p. 1.

(8)  ĠU L 41, 4.2.2021, p. 1.

(9)  ĠU L 165 I, 11.5.2021, p. 66.

(10)  ĠU L 198, 4.6.2021, p. 1.

(11)  ĠU L 221, 21.6.2021, p. 12.

(12)  ĠU L 235, 2.7.2021, p. 27.

(13)  ĠU L 255, 16.7.2021, p. 3.

(14)  ĠU L 306, 31.8.2021, p. 4.

(15)  ĠU L 320, 10.9.2021, p. 1.

(16)  ĠU L 182, 21.5.2021, p. 1.

(17)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(18)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

(19)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(20)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(21)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(22)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).