17.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 464/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-16 ta’ Novembru 2021

dwar is-sekwenzjar tat-twettiq tal-impenji aktar vinkolanti meħuda fil-qafas tal-kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) u li tispeċifika objettivi aktar preċiżi, u li tħassar ir-Rakkomandazzjoni tal-15 ta’ Ottubru 2018

(2021/C 464/01)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 46(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 10 dwar il-kooperazzjoni strutturata permanenti stabbilita bl-Artikolu 42 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2315 tal-11 ta’ Diċembru 2017 li tistabbilixxi kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) u li tiddetermina l-lista ta’ Stati Membri parteċipanti (1),

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

L-Artikolu 4(2), il-punt (b) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315 jipprevedi li l-Kunsill irid jadotta deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet dwar is-sekwenzjar tat-twettiq tal-impenji aktar vinkolanti stipulati fl-Anness għal dik id-Deċiżjoni matul iż-żewġ fażijiet inizjali konsekuttivi (is-snin 2018-2020 u 2021-2025) u li jispeċifikaw fil-bidu ta’ kull fażi l-objettivi aktar preċiżi għat-twettiq tal-impenji aktar vinkolanti.

(2)

Fil-15 ta’ Ottubru 2018, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni (ir-“Rakkomandazzjoni tal-15 ta’ Ottubru 2018”) dwar is-sekwenzjar tat-twettiq tal-impenji aktar vinkolanti meħuda fil-qafas tal-PESCO u li tispeċifika objettivi (2) aktar preċiżi għall-fażijiet 2018-2020 u 2021-2025.

Skont il-paragrafi 4 u 27 tar-Rakkomandazzjoni tal-15 ta’ Ottubru 2018, il-Kunsill jenħtieġ li jadotta t-tieni sett ta’ objettivi aktar preċiżi għall-fażi 2021-2025. Kif speċifikat fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2020 dwar ir-Rieżami Strateġiku tal-PESCO (PSR) 2020, jenħtieġ li l-Kunsill jirrevedi dik ir-Rakkomandazzjoni fil-bidu tal-fażi li jmiss fl-2021 bil-ħsieb li jiġu stabbiliti l-objettivi u r-riżultati konkreti għall-fażi 2021-2025 tal-PESCO li jmiss f’konformità mal-PSR.

(3)

Fid-dawl tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2020, is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tar-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (CARD) jenħtieġ li jintużaw biex jinfurmaw l-objettivi u r-riżultati konkreti għall-fażi PESCO li jmiss (2021-2025).

(4)

F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1639 (3), Stat terz jista’ eċċezzjonalment jiġi mistieden jipparteċipa fi proġett PESCO, u jipprovdi valur miżjud sostanzjali għall-proġett u jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-PESCO u l-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) u jissodisfa impenji aktar vinkolanti.

(5)

Jenħtieġ li l-Kunsill għalhekk jadotta rakkomandazzjoni oħra u jħassar ir-Rakkomandazzjoni tal-15 ta’ Ottubru 2018,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

I.   Objettiv u kamp ta’ applikazzjoni

1.

Fid-dawl tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2020 dwar il-PSR, l-għan ġenerali għat-tieni fażi inizjali sal-2025 ser ikun li jitwettqu l-impenji l-aktar vinkolanti, li l-Istati Membri parteċipanti ħadu ma’ xulxin, inkluż billi jaħdmu fuq pakkett koerenti ta’ forza tal-ispettru sħiħ, f’konformità man-notifika tal-PESCO (4), li tikkontribwixxi għat-twettiq tal-Livell ta’ Ambizzjoni tal-UE. Tali pakkett koerenti ta’ forzi li jkopri l-ispettru sħiħ ta’ operazzjonijiet jenħtieġ li jiġi elaborat aktar mill-Istati Membri fil-kuntest tal-Boxxla Strateġika. (5)

2.

L-għan ta’ din ir-Rakkomandazzjoni huwa li jiġi żgurat approċċ komuni u li l-Istati Membri parteċipanti jkunu jistgħu jwettqu l-impenji aktar vinkolanti stipulati fl-Anness għad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315. Huwa għandu jiffaċilita l-proċess ta’ valutazzjoni annwali stipulat fl-Artikolu 6 ta’ dik id-Deċiżjoni, abbażi ta’ sett komplut ta’ data rilevanti inkluż pjanijiet direzzjonali. Sabiex tassisti lill-Istati Membri parteċipanti fl-ippjanar biex iwettqu l-impenji aktar vinkolanti u tiffaċilita l-valutazzjoni tal-progress tal-PESCO fir-rapport tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”), din ir-Rakkomandazzjoni tinkludi objettivi intermedji, stadji importanti, b’indikaturi tal-progress relatati, inkluż għal impenji operazzjonali sabiex jiġi pprovdut sehem ġust għall-ġenerazzjoni rispettiva tal-forzi għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, skont il-mezzi u l-kapaċitajiet tal-Istati Membri. Dik id-data jenħtieġ li tiġi pprovduta kull sena mill-Istati Membri parteċipanti fil-pjanijiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali (NIPs) tagħhom, riveduti u aġġornati, kif xieraq, skont l-Artikolu 3(2) ta’ dik id-Deċiżjoni. Ir-regoli ta’ sigurtà stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (6) jenħtieġ li jiġu applikati wkoll għall-NIPs u dokumenti rilevanti oħra abbażi tal-informazzjoni li tkun fihom. L-Istati Membri parteċipanti, appoġġati mis-segretarjat tal-PESCO, jenħtieġ li jiżguraw it-trasparenza u jiżviluppaw aktar il-koerenza u l-konsistenza fost l-Istati Membri parteċipanti kollha fir-rigward tal-informazzjoni meħtieġa u pprovduta fil-kuntest tal-PESCO u inizjattivi oħrajn relatati mad-difiża, inkluż il-CARD. Il-koerenza bejn inizjattivi diversi relatati mad-difiża jenħtieġ li tiġi żviluppata u msaħħa aktar, inkluż fir-rigward tar-rappurtar mill-Istati Membri, sabiex jeħfief il-piż amministrattiv u titjieb il-kwalità tal-NIPs. Jenħtieġ li dik il-ħidma tqis it-tagħlimiet identifikati fi tmiem l-ewwel fażi tal-PESCO (2018–2020), b’mod partikolari permezz tal-proċess ta’ rieżami strateġiku relatat.

3.

F’konformità mal-impenji stipulati fl-Anness għad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315, u mingħajr ma tibdilhom jew iddaħħal impenji ġodda, din ir-Rakkomandazzjoni tipprovdi gwida għas-sekwenzjar tat-twettiq ta’ dawk l-impenji għall-fażi 2021-2025, u tispeċifika objettivi aktar preċiżi għal kull impenn, filwaqt li tenfasizza li l-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li jimplimentaw dawk l-impenji mill-aktar fis possibbli, partikolarment dawk li kellhom jitwettqu sal-2020.

4.

Bl-objettivi aktar preċiżi msemmija fit-Taqsima II, li jinkludu wkoll l-indikaturi tal-progress, fejn applikabbli, għal impenji speċifiċi, l-Istati Membri parteċipanti ser ikunu jistgħu jippjanaw għat-twettiq tal-impenji aktar vinkolanti b’mod strutturat u trasparenti u jipprovdu informazzjoni dettaljata u li tista’ tiġi valutata dwar il-progress miksub fit-twettiq ta’ kull impenn fl-NIPs tagħhom. Jenħtieġ li jiġu żgurati skambji regolari bejn l-Istati Membri parteċipanti fil-korpi preparatorji rilevanti tal-Kunsill, kif imsemmi fil-PSR, b’mod partikolari dwar l-oqsma li fihom għandhom ikomplu jew jissaħħu l-isforzi.

5.

L-għan huwa li jiġu adattati l-objettivi aktar preċiżi eżistenti fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba mill-ewwel fażi inizjali sabiex l-Istati Membri parteċipanti jiġu megħjuna jiksbu riżultati konkreti aħjar u sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni fir-rigward tat-twettiq tal-impenji aktar vinkolanti malajr kemm jista’ jkun, u sa tmiem l-2025. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-oqsma fejn huwa meħtieġ titjib, inkluż fil-livell tal-proġett f’konformità mal-Konklużjonijiet dwar il-PSR u biex jiġi żgurat progress kontinwu lil hinn miż-żewġ fażijiet inizjali konsekuttivi (is-snin 2018-2020 u 2021-2025). Fi tmiem iż-żewġ fażijiet inizjali konsekuttivi fl-2025, il-Kunsill, fi proċess ta’ rieżami strateġiku, ser jivvaluta t-twettiq tal-impenji aktar vinkolanti tal-PESCO stipulati fid-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315 minn kull Stat Membru parteċipanti u ser jaġġorna, u jsaħħaħ jekk meħtieġ, dawk l-impenji fid-dawl tal-kisbiet li saru permezz tal-PESCO, sabiex jiġu riflessi l-ambjent dejjem jevolvi tas-sigurtà tal-Unjoni, il-ħtiġijiet operazzjonali tagħha, kif ukoll il-prijoritajiet ta’ żvilupp tal-kapaċitajiet tal-Istati Membri u tal-Unjoni. F’dak il-kuntest, fil-bidu tal-2026, wara l-proċess ta’ rieżami strateġiku spjegat hawn fuq, jenħtieġ li l-Kunsill jadotta t-tielet sett ta’ objettivi aktar preċiżi, aġġornat, u mtejjeb jekk meħtieġ, b’kont meħud tal-Artikolu 4(2), il-punt (c) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315.

II.   Is-sekwenzjar tat-twettiq tal-impenji permezz tal-ispeċifikazzjoni ta’ objettivi aktar preċiżi

Impenji 1 sa 5

6.

Impenn 1: L-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li jipprovdu fl-NIPs tagħhom data finanzjarja preċiża dwar l-evoluzzjoni tal-ispiża totali għad-difiża meta mqabbla mas-sena ta’ qabel f’termini reali (7), inkluż f’ċifri assoluti, li turi pjan għal żieda regolari fl-infiq. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li jipprovdu wkoll fl-NIPs tagħhom il-projezzjonijiet ta’ nfiq miftiehma fil-livell nazzjonali tagħhom għas-snin li ġejjin. Dawk l-Istati Membri parteċipanti li huma wkoll membri tan-NATO u li qed jonfqu kemm indikat, jew aktar, mil-linji gwida rilevanti tan-NATO għall-ispiża għad-difiża, jenħtieġ li jipprovdu indikazzjoni dwar il-pjanijiet tagħhom li jżommu jew jibdlu dak il-livell tan-nefqa fuq id-difiża. Fil-kuntest tal-NIPs tagħhom, il-ħidma għal-linji gwida attwali u rilevanti tan-NATO għan-nefqa tad-difiża (8), jew biex dawn jinżammu jew jinqabżu, ser titqies li turi xejra pożittiva fit-twettiq ta’ dan l-impenn aktar vinkolanti. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta fl-NIPs, ir-rapport annwali tar-Rappreżentant Għoli ser jipprovdi wkoll ħarsa ġenerali dettaljata tal-evoluzzjoni tan-nefqa fuq id-difiża mill-Istat Membru parteċipanti, f’konformità mal-Artikolu 6(3) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315.

7.

Impenn 2: Kull Stat Membru parteċipanti jenħtieġ li jipprovdi data finanzjarja preċiża fl-NIP tiegħu dwar kif biħsiebu jikkontribwixxi għall-parametru referenzjarju (9) kollettiv ta’ 20 % fir-rigward tal-investiment għad-difiża. Dik l-informazzjoni jenħtieġ li tipprovdi l-previżjoni taż-żieda meta mqabbla mas-sena preċedenti f’termini reali, bħala perċentwal tal-baġit totali għad-difiża. Iċ-ċifri pprovduti jenħtieġ li jinkludu investimenti għall-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża u għar-riċerka u żvilupp (R&Ż). Dawk l-Istati Membri parteċipanti li diġà qed jonfqu fil-livell tal-parametru referenzjarju (kollettiv), jew aktar minnu, jenħtieġ li jipprovdu indikazzjoni tal-pjanijiet tagħhom biex iżommu jew jibdlu dak il-livell ta’ nfiq.

8.

Impenn 3: L-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li jipprovdu informazzjoni dettaljata fl-NIPs tagħhom dwar kif u b’liema mezzi biħsiebhom iżidu l-għadd, id-daqs u l-impatt ta’ proġetti, kollaborattivi u konġunti, tal-kapaċitajiet strateġiċi tad-difiża filwaqt li jsemmu wkoll iċ-ċifri baġitarji u l-proġetti speċifiċi li jibbenefikaw jew li kienu bbenefikaw minn assistenza finanzjarja tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, kull Stat Membru parteċipanti jenħtieġ li jipprovdi data finanzjarja preċiża dwar kif biħsiebu jikkontribwixxi biex f’termini reali jilħaq il-parametru referenzjarju kollettiv tal-akkwist kollaborattiv Ewropew ta’ tagħmir – 35 % tan-nefqa totali fuq it-tagħmir – u l-parametru referenzjarju kollettiv tar-riċerka u t-teknoloġija (R&T) kollaborattiva Ewropea għad-difiża – 20 % tan-nefqa totali għad-difiża fir-R&T. Dawk l-Istati Membri parteċipanti li diġà qed jonfqu f’dawk il-livelli jenħtieġ li jipprovdu indikazzjoni tal-pjanijiet tagħhom biex iżommu jew jibdlu dawk il-livelli ta’ nfiq.

9.

Impenn 4: Sabiex jassistu l-monitoraġġ tal-progress attwali minn sena għal sena, kull Stat Membru parteċipanti jenħtieġ li jipprovdi b’mod ċar fl-NIP tiegħu, data finanzjarja preċiża dwar kif ser jikkontribwixxi, bl-għan li joqrob lejn it-2 % tan-nefqa totali għad-difiża (parametru referenzjarju kollettiv) bħala sehem tal-ispiża totali tad-difiża fir-R&T fil-qasam tad-difiża, inkluż tbassir tal-ispiża.

10.

Impenn 5: Kull sena, l-Istati Membri parteċipanti huma mħeġġa jużaw l-NIPs tagħhom biex jaqsmu l-esperjenza tagħhom f’termini ta’ ppjanar u ta’ kontribut għat-twettiq tal-impenji 1 sa 4 fid-dawl tal-objettivi aktar preċiżi stipulati hawn fuq. Fi tmiem l-2025 ser issir rieżami ta’ dawk l-impenji, abbażi tad-data tal-infiq ipprovduta fl-NIPs, bil-ħsieb li l-indikaturi u l-objettivi jiġu adattati għal dawk l-impenji kif meħtieġ, għall-approvazzjoni mill-Kunsill.

Impenji 6 sa 11

11.

Impenn 6: Sal-2025, l-Istati Membri parteċipanti ser ikunu mxew ’il quddiem fil-kunsiderazzjoni sistematika u fl-aħjar użu tal-għodod u l-inizjattivi ta’ żvilupp tal-kapaċitajiet tal-Unjoni, bħall-Pjan ta’ Żvilupp tal-Kapaċitajiet (CDP) u l-CARD biex jinfurmaw it-teħid ta’ deċiżjonijiet nazzjonali, l-istabbiliment ta’ prijoritajiet u l-ippjanar tad-difiża tagħhom u jagħmluhom aktar koerenti, biex b’hekk tiġi żgurata l-koerenza tar-riżultati mal-proċessi rispettivi tan-NATO, fejn ir-rekwiżiti jikkoinċidu, filwaqt li tiġi rikonoxxuta n-natura differenti taż-żewġ organizzazzjonijiet u r-responsabbiltajiet u s-sħubijiet rispettivi tagħhom. Dan ikun ifisser li l-Istati Membri jenfasizzaw ir-rwol sostanzjali tagħhom fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet fi ħdan l-Unjoni inkluż billi jindikaw l-oqsma preferuti għall-iżvilupp ta’ attivitajiet kollaborattivi ta’ kapaċità tad-difiża fl-Unjoni b’referenza għas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-CARD. Għal dak il-għan, l-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li jindikaw fl-NIPs tagħhom kif jimplimentaw il-Prijoritajiet tal-Unjoni għall-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet li jirriżultaw mis-CDP, inkluż permezz tal-ħolqien tal-prijoritajiet nazzjonali, u jiddeskrivu l-pjanijiet u l-objettivi tagħhom dwar il-prijoritajiet rispettivi li għandhom jintlaħqu fis-snin li ġejjin.

12.

Impenn 7: Kull sena, kull Stat Membru parteċipanti jenħtieġ li jindika fl-NIPs tiegħu kif ikun għamel l-aħjar użu mill-għodod u l-proċessi disponibbli tal-Unjoni u kif biħsiebu jipproċedi f’dan l-isforz. Dan jinkludi l-appoġġ għall-proċess tal-CARD, fost l-oħrajn permezz tal-għoti tal-informazzjoni rilevanti kollha mitluba, it-twettiq ta’ djalogi bilaterali tal-CARD u l-qsim tal-eżitu tar-rieżamijiet tad-difiża nazzjonali, kull meta jkun possibbli. L-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li jinkludu fl-NIPs tagħhom informazzjoni dwar kif implimentaw u/jew kif jippjanaw li jużaw ir-rakkomandazzjonijiet azzjonabbli pprovduti fir-Rapporti tal-CARD miftiehma.

13.

Impenn 8: Fuq bażi annwali, l-Istati Membri parteċipanti ser jużaw bl-aħjar mod il-Fond Ewropew għad-Difiża b’appoġġ għall-proġetti kollaborattivi tagħhom għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet. Fl-NIPs tagħhom, l-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li jindikaw għal liema Prijoritajiet tal-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet tal-UE maqbula skont l-Oqsma ta’ Prijorità tas-CDP u l-CARD, l-assistenza finanzjarja tal-UE li tkun waslet jew li tista’ tintalab fil-futur u, sakemm possibbli, is-sehem tal-investiment nazzjonali fid-difiża li ddedikaw jew jippjanaw li jiddedikaw għal dawk il-proġetti kollaborattivi. Fl-NIPs tagħhom, l-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li jindikaw l-utilizzabbiltà u l-valur miżjud tal-finanzjament tal-UE għall-isforzi ta’ żvilupp tal-kapaċitajiet tad-difiża nazzjonali. Barra minn hekk, sa tmiem l-2025, l-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li jindikaw il-ħsieb tagħhom li jiżguraw segwitu għar-riżultati kemm tal-Azzjoni Preparatorja fuq ir-Riċerka dwar id-Difiża (2017-2019) kif ukoll tal-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża (EDIDP) (2019-2020) u l-Fond Ewropew għad-Difiża għal proġetti kollaborattivi b’valur miżjud identifikat tal-UE.

14.

Impenn 9: L-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li jelenkaw il-proġetti kollaborattivi rilevanti għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet li għaddejjin f’konformità mas-CDP fil-PESCO, kif ukoll f’oqfsa oħra, u jindikaw il-bidu u t-tlestija ppjanati tal-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti. Il-bidu previst tal-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti tal-kapaċità jenħtieġ li jiġi indikat ukoll għall-proġetti ppjanati u maħsuba. Dak jenħtieġ li jsir għas-snin li ġejjin, b’mod partikolari b’attenzjoni speċjali fuq it-tneħħija ta’ lakuni ta’ kapaċitajiet identifikati permezz tas-CDP u b’kont meħud tal-CARD.

15.

Impenn 10: L-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li jimmarkaw fl-NIPs tagħhom dawk il-kapaċitajiet u l-faċilitajiet li huma ppjanaw li jagħmlu disponibbli u jipprovdu għal użu konġunt mill-Istati Membri parteċipanti l-oħra, b’eżempji speċifiċi bħal taħriġ u edukazzjoni, eżerċizzji, bażijiet militari u appoġġ loġistiku, u jindikaw dawk li huma disponibbli wkoll fil-każ ta’ operazzjonijiet. L-Istati Membri parteċipanti jistgħu wkoll juru b’mod ċar liema kapaċitajiet fl-NIPs tagħhom, inkluża infrastruttura offruta minn Stati Membri parteċipanti oħra, jistgħu jipprovdu bażi għal kooperazzjoni. L-NIPs jenħtieġ li jindikaw kif tali kooperazzjoni tista’ tottimizza r-riżorsi disponibbli u ttejjeb l-effettività ġenerali tagħhom, inkluż billi jipprovdu, meta disponibbli, informazzjoni dwar iffrankar potenzjali. L-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li jużaw il-Bażi ta’ Data Kollaborattiva (CODABA), b’mod partikolari biex jappoġġawhom fil-qsim ta’ informazzjoni dwar il-pjanijiet u l-interessi tad-difiża rilevanti tagħhom f’dan ir-rigward. L-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li jipprovdu kontributi regolari għaliha u jirrapportaw kif xieraq fl-NIPs tagħhom dwar dan.

16.

Impenn 11: L-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li jindikaw fl-NIPs tagħhom kif ser iżidu l-kooperazzjoni fid-difiża ċibernetika, inkluż permezz ta’ inizjattivi eżistenti jew attivitajiet kollaborattivi ġodda. Fl-NIPs tagħhom, jenħtieġ li jindikaw kif qed jippjanaw li jżommu jew ikomplu jżidu, sal-2025, il-livell ta’ parteċipazzjoni tagħhom f’eżerċizzji ċibernetiċi multinazzjonali u l-kooperazzjoni tagħhom, inkluż fil-qafas tal-EDA u l-Kulleġġ Ewropew ta’ Sigurtà u ta’ Difiża (KESD). Barra minn hekk, sal-2025, jenħtieġ li l-Istati Membri parteċipanti jindikaw kif beħsiebhom jistabbilixxu kooperazzjoni regolari ma’ Stati Membri parteċipanti oħra dwar iċ-ċiberdifiża u attivitajiet relatati, bħall-qsim ta’ informazzjoni, taħriġ u appoġġ operazzjonali, iżda wkoll l-iżvilupp tal-kapaċitajiet. Informazzjoni mill-NIPs dwar il-kooperazzjoni dwar iċ-ċiberdifiża tal-Istati Membri parteċipanti u l-kontribut tagħhom għaċ-ċiberdifiża u għal attivitajiet relatati, inkluż l-iżvilupp tal-kapaċitajiet, ser tiġi inkluża fir-Rapport Annwali tar-Rappreżentant Għoli dwar l-Istatus tal-Implimentazzjoni tal-PESCO bħala anness.

Impenji 12 sa 14

17.

Impenn 12: Sal-2025, l-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li:

(a)

subimpenn 12.1:

jikkontribwixxu għall-Katalogu tal-Forzi tal-UE bil-kapaċitajiet nazzjonali skjerabbli kollha li jikkorrispondu għar-rekwiżiti tal-aħħar Katalogu tar-Rekwiżiti tal-UE għal pakkett ta’ forzi koerenti tal-UE li jkopri l-ispettru sħiħ ta’ operazzjonijiet (FSFP tal-UE) f’konformità man-notifika tal-PESCO (10), fuq il-bażi tal-Pakkett ta’ Forzi tal-UE definit fil-Katalogu tal-Progress (11). F’konformità mal-prinċipju ta’ sett uniku ta’ forzi, il-kontributi tal-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li jkunu konformi mal-istruzzjonijiet tal-Proċess tal-Objettiv Primarju (“Headline Goal Process” - HLGP) u jenħtieġ li jinkludu l-assi skjerabbli kollha (fosthom il-kwartieri ġenerali u l-kapaċitajiet li jistgħu jintużaw b’appoġġ għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet). L-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li jirrappurtaw dawn il-kontributi fl-NIPs tagħhom;

jiffokaw fuq id-disponibbiltà futura tal-kapaċitajiet meħtieġa għat-twettiq tal-Objettivi ta’ Kapaċitajiet ta’ Impatt Għoli (HICGs), li jottimizzaw il-kontributi ppjanati għall-Katalogu tal-Forzi tal-UE fuq perijodu qasir u medju ta’ żmien. Jenħtieġ li ssir enfasi fuq it-twettiq tal-HICGs kollha li huma ta’ perijodu qasir ta’ żmien. L-isforzi ta’ ppjanar tagħhom ser jitkejlu permezz tal-HLGP. L-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li jirrappurtaw dawn l-isforzi ta’ ppjanar fl-NIPs tagħhom;

(b)

subimpenn 12.2: f’konformità mal-Kunċett ta’ Reazzjoni Militari Rapida tal-UE, ilestu l-Bażi ta’ Data ta’ Reazzjoni Rapida (BDRR), biex jippermettulha tkun għodda utli għall-ippjanar militari biex tikkontribwixxi ħalli jintlaħaq il-livell ta’ ambizzjoni tal-UE. Meta jikkontribwixxu għall-BDRR, u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rekwiżit kostituzzjonali fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar skjerament, l-Istati Membri parteċipanti ser jindikaw il-kontribut potenzjali tagħhom ta’ formazzjonijiet skjerabbli b’mod rapidu, ta’ kapaċitajiet u ta’ infrastruttura rilevanti ta’ appoġġ, li jkunu jistgħu jiġu skjerati jew utilizzati b’mod rapidu f’missjoni jew operazzjoni militari PSDK b’appoġġ għal-livell ta’ ambizzjoni tal-UE. Għal dak il-għan, kull Stat Membru parteċipanti jenħtieġ li jaġġorna fil-BDRR il-lista tal-formazzjonijiet u l-kapaċitajiet militari disponibbli tiegħu qabel il-Konferenza ta’ Koordinazzjoni annwali ta’ Reazzjoni Rapida Militari. Din tinkludi l-aġġornament jew it-tlestija ta’ bażijiet ta’ data tal-art, marittimi u tal-ajru, u tinkludi indikazzjoni tal-livell ta’ tħejjija għall-kapaċitajiet u l-forzi, fejn applikabbli. Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ klassifikazzjoni, dik il-parti tal-BDRR jenħtieġ li tkun aċċessibbli għall-Istati Membri parteċipanti sabiex tappoġġa l-kapaċità li ssir valutazzjoni inizjali rigward il-possibbiltà li tiġi varata missjoni jew operazzjoni militari tal-PSDK. F’dan ir-rigward, projezzjoni ta’ formazzjonijiet u kapaċitajiet ibbażata fuq analiżi tar-rekwiżiti li tiġi derivata mix-xenarji illustrattivi tippermetti lill-Istati Membri parteċipanti jikkontribwixxu għall-BDRR b’mod aktar preċiż. L-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li jirriflettu l-kontributi tagħhom għal din il-bażi ta’ data fl-NIPs tagħhom;

(c)

subimpenn 12.3: ikunu vvalutaw il-fattibilità ta’ impenn politiku aċċellerat fil-livell nazzjonali, filwaqt li jirrispettaw ir-rekwiżiti kostituzzjonali tagħhom, inkluż permezz ta’ rieżami possibbli, jekk dan ma jkunx diġà sar, tal-proċedura nazzjonali tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħhom, bil-ħsieb li jsir titjib. Jekk applikabbli, l-eżerċizzju ta’ proċeduri tat-teħid ta’ deċiżjonijiet f’xenarji ta’ reazzjoni rapida permezz ta’ eżerċizzji tat-tip POLEX, u l-konklużjonijiet rilevanti, jenħtieġ li jiġu riflessi wkoll fl-NIPs;

(d)

subimpenn 12.4:

ikunu pprovdew appoġġ sostanzjali fi ħdan il-mezzi u l-kapaċitajiet tagħhom għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet militari tal-PSDK bil-għan li jimlew id-dikjarazzjonijiet ta’ rekwiżit (SORs) u b’hekk jikkonformaw mal-livell ta’ ambizzjoni maqbul għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK. Għal dan il-għan, l-Istati Membri parteċipanti għandhom jipprovdu sehem ġust għall-ġenerazzjoni tal-forzi, li l-parametri tiegħu jenħtieġ li jiġu definiti minnhom malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard mis-sajf tal-2022;

dawn il-kontributi għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet militari tal-PSDK, murija f’tabella, ser jiġu inklużi fir-rapport annwali tar- Rappreżentant Għoli dwar l-implimentazzjoni tal-PESCO bħala anness u jenħtieġ li jiġu enfasizzati b’mod pożittiv. L-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li jirrappurtaw kull sena fl-NIPs tagħhom il-kontributi tagħhom għat-twettiq tal-SORs għall-operazzjonijiet u l-missjonijiet militari tal-PSDK, bil-għan li jżommu jew iżidu dawn il-kontributi, u b’hekk jipprovdu sehem ġust għall-ġenerazzjoni ta’ forzi għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK;

f’dan il-proċess, l-Istati Membri parteċipanti jistgħu jirreferu għall-impenji nazzjonali u internazzjonali tagħhom li jikkontribwixxu għall-paċi u s-sigurtà Ewropej u internazzjonali;

dawn l-elementi jenħtieġ li jżidu t-trasparenza tal-isforzi tal-Istati Membri parteċipanti, bil-ħsieb li jiġu rikonoxxuti kontributi sostanzjali. Jenħtieġ li jintużaw ukoll biex jinkoraġġixxu u jappoġġaw lill-Istati Membri biex iżidu l-kontributi tagħhom, skont il-mezzi u l-kapaċitajiet tagħhom, għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK. Għal dan il-għan, jiġu pprovduti rakkomandazzjonijiet u l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet tiġi eżaminata regolarment, inkluż fil-livell politiku.

(e)

subimpenn 12.5: jikkonfermaw il-kontributi sostanzjali u rikorrenti tagħhom lill-Gruppi Tattiċi tal-UE (EU BGs, EU Battlegroups), fil-prinċipju tal-inqas erba’ snin minn qabel, u jħejju u jħarrġu l-forzi u l-kapaċitajiet kontribwenti tagħhom f’konformità mal-Kunċett tal-Gruppi Tattiċi tal-UE u l-Gwida ta’ Tħejjija tal-Gruppi Tattiċi tal-UE. Għal dan il-għan, l-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li jikkontribwixxu malajr kemm jista’ jkun biex jimlew ir-Roster tal-Gruppi Tattiċi tal-UE u jirriflettu l-kontributi tagħhom fl-NIPs tagħhom. Il-kontributi ta’ kull Stat Membru parteċipanti għar-Roster tal-Gruppi Tattiċi tal-UE li jkopru perijodu ta’ ħames snin ser jiġu inklużi fir-rapport annwali tar-Rappreżentant Għoli dwar l-implimentazzjoni tal-PESCO bħala anness;

(f)

subimpenn 12.6: ikunu għamlu kontribut tanġibbli għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-mobbiltà militari u l-proġetti PESCO f’dak il-qasam, soġġett għas-sovranità nazzjonali, it-teħid ta’ deċiżjonijiet, il-liġijiet u r-regolamenti, inkluż billi jitmexxew ’il quddiem l-erba’ miżuri fuq livell nazzjonali kif miftiehem fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2018 dwar is-sigurtà u d-difiża. Għal dan il-għan, kif iddikjarat fil-paragrafu 18 ta’ dawk il-konklużjonijiet, l-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li jiżviluppaw pjanijiet nazzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-mobbiltà militari; l-għoti tal-Permess għall-Moviment Transfruntier (CBMP) u l-Approvazzjoni Diplomatika (DIC) fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol u l-kunsiderazzjoni li dan il-perijodu jkompli jitnaqqas għall-unitajiet ta’ reazzjoni rapida; jistabbilixxu network interkonness b’saħħtu ta’ NPOCs inkluż it-Termini ta’ Referenza (ToRs) tagħhom; u jipprattikaw il-mobbiltà militari f’eżerċizzji nazzjonali u/jew multinazzjonali, malajr kemm jista’ jkun, iżda mhux aktar tard mill-2024. Dawk l-Istati Membri parteċipanti li għadhom ma żviluppawx pjanijiet nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-mobbiltà militari jenħtieġ li jagħmlu dan minnufih u jipprovdu dawk il-kontributi nazzjonali permezz tal-ispazju ta’ ħidma komuni u jirriflettuhom aktar fl-NIPs. L-isforzi tal-Istati Membri parteċipanti f’dan ir-rigward jenħtieġ li jiġu inklużi fir-Rapport Annwali tar-Rappreżentant Għoli dwar l-implimentazzjoni tal-PESCO bħala anness.

18.

Impenn 13. Fil-qasam tal-interoperabbiltà tal-forzi, l-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li:

(a)

subimpenn 13.1:

jużaw il-Gwida ta’ Tħejjija tal-Gruppi Tattiċi tal-UE, inkluż il-kriterji komuni ta’ evalwazzjoni u validazzjoni għall-pakkett ta’ forzi tal-Gruppi Tattiċi tal-UE, li huma allinjati mal-istandards tan-NATO, filwaqt li tinżamm iċ-ċertifikazzjoni nazzjonali. Fl-NIPs tagħhom, l-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li jiddikjaraw kif iħarrġu u jiċċertifikaw il-forzi tagħhom billi, pereżempju, jiżviluppaw programm ta’ eżerċizzju tal-Gruppi Tattiċi tal-UE għall-fażi ta’ tħejjija u billi jiġi eżegwit eżerċizzju attiv (LIVEX, live exercise) finali bħala parti mill-pakkett ta’ ċertifikazzjoni tal-Gruppi Tattiċi;

jispeċifikaw fl-NIPs tagħhom kif biħsiebhom jimplimentaw l-istandards tekniċi u operazzjonali komuni li għandhom jiġu utilizzati mill-forzi tal-Istati Membri parteċipanti kollha, filwaqt li jirrikonoxxu l-ħtieġa li jiġu żgurati l-interoperabbiltà u l-koerenza bejn l-Unjoni u n-NATO u jiġi żgurat li l-prerekwiżiti adatti għall-interoperabbiltà massima jeħtieġ li jkunu fis-seħħ biex jippermettu lill-Istati Membri parteċipanti kollha jwettqu l-impenji tagħhom;

(b)

subimpenn 13.2: jindikaw fl-NIPs tagħhom il-parteċipazzjoni attwali jew l-isforzi tagħhom li jipparteċipaw, u l-intenzjoni li jżidu, fejn possibbli, il-parteċipazzjoni u l-kontribut tagħhom għall-istrutturi multinazzjonali Ewropej, b’mod partikolari dawk disponibbli għall-Unjoni. Il-kontributi tal-Istati Membri parteċipanti għall-istrutturi multinazzjonali Ewropej ser jiġu inklużi fir-rapport annwali tar-Rappreżentant Għoli dwar l-implimentazzjoni tal-PESCO bħala anness.

19.

Impenn 14:

f’konformità mal-Artikolu 75(1) dwar ir-rieżami tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (12) li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, l-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li jimpenjaw ruħhom li jikkunsidraw u jidentifikaw u huma mħeġġa jipproponu, għażliet u possibbiltajiet għall-iżvilupp ta’ approċċ ambizzjuż għall-finanzjament komuni ta’ operazzjonijiet u missjonijiet militari tal-PSDK, lil hinn minn dak li huwa definit bħala spiża komuni f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri parteċipanti huma mistiedna jevalwaw l-ispejjeż li għalihom intalbet eliġibbiltà speċjali għal finanzjament matul is-sena fuq bażi ad hoc, u/jew l-ispejjeż li jistgħu jiġu proposti minn perspettiva nazzjonali, bħala potenzjalment eliġibbli wkoll għal finanzjament komuni. F’konformità mal-klawżola ta’ rieżami prevista fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, sew jekk fil-kuntest tar-rieżamijiet previsti kull tliet snin ta’ dik id-Deċiżjoni , jew fuq it-talba ta’ Stat Membru, l-Istati Membri parteċipanti huma mistiedna jikkunsidraw dawn il-proposti b’mod konġunt u kif xieraq fil-Kumitat tal-EPF biex titnebbaħ id-diskussjoni sussegwenti fil-Kunsill dwar il-bidliet possibbli għal-lista tal-ispejjeż komuni;

barra minn hekk, l-Istati Membri parteċipanti huma mistiedna wkoll jinkludu fil-proposti tagħhom modi addizzjonali potenzjali kif jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-ispejjeż tal-operazzjonijiet u l-missjonijiet militari tal-PSDK. L-Istati Membri parteċipanti huma mħeġġa jinkludu fl-NIPs tagħhom is-sejbiet tagħhom rigward iż-żewġ aspetti;

barra minn hekk, jista’ jiġi esplorat użu aktar sistematiku tal-inċentivi finanzjarji eżistenti (eż. l-eżenzjoni mill-VAT għal proġetti ad hoc fl-EDA) b’appoġġ għall-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża, inkluż għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet militari tal-PSDK.

Impenji 15 sa 17

20.

Impenn 15: Sal-2025, l-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li jkunu żiedu l-għadd u l-volum tal-proġetti tagħhom għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet, u jenħtieġ li wkoll ikunu għamlu progress fl-implimentazzjoni tagħhom, li jikkontribwixxi biex jingħalqu dawk il-lakuni fil-kapaċitajiet identifikati fis-CDP (inkluż l-HICGs) u deskritti fil-Prijoritajiet tal-Unjoni għall-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet, inkluż fil-Każijiet ta’ Kuntest Strateġiku (SCC) relatati u billi jintużaw is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-CARD, inkluż l-opportunitajiet kollaborattivi identifikati, b’mod partikolari l-Oqsma ta’ Prijorità. F’dan il-kuntest, hija meħtieġa aktar attenzjoni mill-Istati Membri parteċipanti għall-kollaborazzjoni fl-oqsma li ġejjin: il-ġlieda kontra t-theddid ibridu, it-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-enerġija, is-sigurtà marittima, l-aspetti relatati mal-ispazju, u teknoloġiji emerġenti u fixkiela, fosthom l-intelliġenza artifiċjali. L-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li jipprovdu l-pjanijiet tagħhom għas-snin li ġejjin billi jiddeskrivu l-għadd u l-volum stmat tal-proġetti kollaborattivi tagħhom f’termini finanzjarji, u jipprovdu informazzjoni dwar il-proġetti nazzjonali tagħhom li jgħinu jegħlbu n-nuqqasijiet fil-kapaċitajiet identifikati skont is-CDP. L-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ ukoll li jikkondividu l-valutazzjonijiet tagħhom dwar l-importanza ta’ dawk il-proġetti għal awtonomija strateġika mtejba tal-Unjoni u Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB) aktar integrata, sostenibbli, innovattiva u kompetittiva, li tibqa’ miftuħa għall-kooperazzjoni. Għal dawk l-attivitajiet li għandhom dimensjoni industrijali jew teknoloġika, l-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li jiddikjaraw liema tip ta’ settur jew ta’ teknoloġija industrijali Ewropea huma qed jippjanaw li jsaħħu.

21.

Impenn 16: L-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li jirriflettu fl-NIPs tagħhom id-deċiżjonijiet adatti u l-passi meħuda fil-livell nazzjonali sabiex jikkunsidraw ukoll bħala prijorità approċċ kollaborattiv Ewropew għal proġetti futuri biex jingħalqu l-lakuni fil-kapaċitajiet identifikati fil-livell nazzjonali. L-użu attiv tal-CODABA, kif ukoll ta’ opportunitajiet kollaborattivi identifikati mill-CARD u b’mod partikolari l-Oqsma ta’ Prijorità, jista’ jiffaċilita t-twettiq ta’ dak l-impenn. L-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li jelenkaw fl-NIPs tagħhom il-proġetti kollaborattivi u l-attivitajiet multinazzjonali li jipprevedu li ser jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati fil-livell nazzjonali, u jikkondividu pjanijiet dwar kif biħsiebhom iżidu l-użu tal-approċċi kollaborattivi f’dan ir-rigward.

22.

Impenn 17: Peress li l-Istati Membri parteċipanti kollha qed jikkontribwixxu għal proġett PESCO wieħed jew aktar, l-NIPs jenħtieġ li jipprovdu informazzjoni dwar il-kontribut ġenerali tagħhom f’riżorsi u għarfien espert tul iż-żmien għal proġetti PESCO u dwar kif dawk il-proġetti jkollhom impatt strateġiku fuq ix-xenarju tal-kapaċitajiet tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri parteċipanti. Dan jista’ jirrifletti wkoll ir-rwoli li l-Istati Membri parteċipanti biħsiebhom jaqdu fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet f’kuntest Ewropew.

Impenji 18 sa 20:

23.

Impenn 18: Tul il-fażi 2021-2025 tal-PESCO, l-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li jiżguraw li jagħmlu l-aħjar użu tal-EDA bħala l-forum Ewropew għall-iżvilupp ta’ kapaċitajiet konġunti. Għal dak il-għan, fl-NIPs tagħhom, l-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li jindikaw f’liema proġetti jipparteċipaw, u jindikaw il-volum finanzjarju assoċjat mgħoddi permezz tal-EDA, billi jittieħdu ċ-ċifri tal-2020 bħala linja bażi, tinżamm perspettiva ta’ tliet snin bħala standard minimu għal kull aġġornament tal-NIP, u jiġu elenkati l-attivitajiet ippjanati għas-snin suċċessivi, inkluż l-oqsma ta’ kapaċitajiet u t-tip ta’ attivitajiet ippjanati f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali. L-Istati Membri parteċipanti huma mistiedna jindikaw fl-NIPs tagħhom kif u f’liema sitwazzjonijiet iqisu l-Organizzazzjoni Konġunta għall-Kooperazzjoni fil-Qasam tal-Armamenti (OCCAR) bħala l-organizzazzjoni kollaborattiva preferuta għall-ġestjoni tal-programm, u biex jipprovdu informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet li ttieħdu għall-għażla ta’ organizzazzjoni oħra għall-ġestjoni ta’ programmi multinazzjonali jekk ikun xieraq, filwaqt li jkunu kkunsidraw lill-OCCAR bħala alternattiva. Dan ma jippreġudikax l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).

24.

Impenn 19: Matul il-fażi 2021-2025 tal-PESCO, l-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li juru li l-proġetti kollaborattivi tagħhom fil-qasam tal-kapaċitajiet, inkluż il-proġetti PESCO, jikkontribwixxu biex jitrawmu l-kompetittività, l-effiċjenza u l-innovazzjoni tal-industrija tad-difiża fl-Unjoni kollha, billi jappoġġaw u jagħmlu possibbli l-kooperazzjoni transfruntiera, inkluż għall-SMEs, kif ukoll isaħħu u jtejbu s-sigurtà tal-provvista għall-prodotti u t-teknoloġiji tad-difiża. L-Istati Membri parteċipanti, f’konformità mad-Dikjarazzjoni tal-Membri tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta’ Frar 2021, ikollhom ukoll il-mira li jagħtu spinta lir-riċerka, l-iżvilupp tat-teknoloġija u l-innovazzjoni u jnaqqsu d-dipendenzi strateġiċi Ewropej f’teknoloġiji kritiċi u ktajjen tal-valur, mingħajr preġudizzju għall-proċeduri nazzjonali għat-teħid ta’ deċiżjonijiet.

(a)

L-NIPs jenħtieġ li jispeċifikaw kif politika industrijali adatta, jekk tkun fis-seħħ, tiggwida l-iżvilupp ta’ proġetti kollaborattivi ta’ żvilupp tal-kapaċitajiet biex tiġi evitata sovrapożizzjoni bla bżonn, b’indikazzjonijiet dwar l-oqsma industrijali msaħħa u dawk l-oqsma li fihom ġew evitati s-sovrapożizzjonijiet.

(b)

L-Istati Membri parteċipanti ser jirrappurtaw dwar il-programmi kooperattivi tagħhom li jibbenefikaw mill-kofinanzjament tal-Unjoni taħt l-EDIDP u/jew l-EDF f’konformità mal-impenji 3 u 8.

25.

Impenn 20:

(a)

Tul il-fażi 2021-2025 tal-PESCO l-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li juru li l-programmi ta’ kooperazzjoni tagħhom huma ta’ benefiċċju għal entitajiet li jipprovdu valur miżjud fuq it-territorju tal-Unjoni (eż. aspetti relatati ma’ riżultati ġenerati u d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, it-titjib teknoloġiku, u l-ħolqien ta’ opportunitajiet tas-suq). F’konformità mal-Artikolu 7(5) tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639, l-NIPs jenħtieġ li jipprovdu indikazzjonijiet, kif xieraq, tal-entitajiet rilevanti li jibbenefikaw minn programmi kooperattivi u l-impatt relatat fuq l-EDTIB.

(b)

L-Istati Membri parteċipanti, f’konformità mad-Direttiva 2009/81/KE, ser juru li l-istrateġiji ta’ akkwist li jkunu implimentaw mill-2021 sal-2025 għandhom impatt pożittiv fuq l-EDTIB. Dan jista’ jiġi indikat billi jiġi elenkat il-volum assolut tal-investiment fid-difiża u s-sehem relattiv li huwa allokat għal soluzzjonijiet kemm żviluppati kif ukoll prodotti fl-Unjoni. B’mod partikolari, l-NIPs jenħtieġ li jipprovdu informazzjoni dwar oqsma ta’ kapaċitajiet u teknoloġija kif maqbul fis-CDP u l-istrateġija ta’ akkwist fir-rigward tal-proġetti ta’ kapaċitajiet li jkollhom dimensjoni industrijali.

III.   IT-TRIQ ’IL QUDDIEM

26.

Wara l-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, l-Istati Membri parteċipanti ser jirrieżaminaw u jaġġornaw l-NIPs tagħhom kif adatt u jikkomunikawhom lis-segretarjat tal-PESCO sal-10 ta’ Marzu 2022, u wara jagħmlu dan kull sena sal-istess data f’konformità mal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315, bil-ħsieb tal-proċess ta’ valutazzjoni stabbilit fl-Artikolu 6(3) ta’ dik id-Deċiżjoni. Kull sentejn, l-NIPs jenħtieġ li jkunu akkumpanjati minn dikjarazzjoni politika ta’ livell għoli li fiha l-Istati Membri parteċipanti jkunu jistgħu jiddeskrivu l-kisbiet ewlenin u jindikaw il-prijoritajiet nazzjonali speċifiċi għall-istat, u jaqsmu l-esperjenza tagħhom f’termini ta’ ppjanar u kontributi għat-twettiq tal-impenji kollha aktar vinkolanti. Diskussjonijiet politiċi regolari ta’ livell għoli bejn l-Istati Membri parteċipanti u r-Rappreżentant Għoli jenħtieġ li jkomplu jiżguraw momentum politiku.

27.

Filwaqt li titqies in-notifika tal-PESCO, li tfakkar ukoll in-natura speċifika tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża ta’ ċerti Stati Membri, u filwaqt li jitqies l-eżitu tal-Boxxla Strateġika, l-Istati Membri parteċipanti, fil-kuntest tal-proċess ta’ rieżami strateġiku li għandu jsir sa mhux aktar tard minn tmiem l-2025, ser jivvalutaw it-twettiq tal-impenji kollha tal-PESCO, jiddiskutu u jiddeċiedu dwar impenji ġodda, bil-ħsieb li jibdew stadju ġdid lejn l-integrazzjoni Ewropea tas-sigurtà u d-difiża. F’konformità mal-eżitu tal-proċess tar-rieżami strateġiku, fil-bidu tal-2026, il-Kunsill jenħtieġ li jadotta t-tielet sett ta’ objettivi aktar preċiżi, aġġornat u mtejjeb jekk meħtieġ, b’kont meħud tal-Artikolu 4(2), il-punt (c) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315.

28.

Ir-Rappreżentant Għoli jenħtieġ li jieħu kont ta’ din ir-Rakkomandazzjoni fir-rapport annwali dwar il-PESCO mill-2022 ’il quddiem, liema rapport ser jappoġġa l-valutazzjoni tat-twettiq tal-impenji aktar vinkolanti minn kull Stat Membru parteċipanti.

29.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-15 ta’ Ottubru 2018 hija b’dan imħassra.

Magħmul fi Brussell, il-16 ta’ Novembru 2021

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  ĠU L 331, 14.12.2017, p. 57.

(2)  ĠU C 374, 16.10.2018, p.1.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1639 tal-5 ta’ Novembru 2020 li tistabbilixxi kondizzjonijiet ġenerali li skonthom Stati terzi jkunu jistgħu b’mod eċċezzjonali jiġu mistiedna biex jipparteċipaw fi proġetti individwali tal-PESCO (ĠU L 371, 6.11.2020, p. 3).

(4)  B’mod partikolari, Anness I - Prinċipji tal-PESCO

(5)  Kif iddikjarat fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sigurtà u d-Difiża tas-17 ta’ Ġunju 2020, “filwaqt li tibni fuq l-analiżi tat-theddid u kontribut tematiku possibbli ieħor, il-Boxxla Strateġika ser tiddefinixxi orjentazzjonijiet ta’ politika u għanijiet u objettivi speċifiċi”.

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).

(7)  F’konformità mal-lista ta’ definizzjonijiet tad-data tad-difiża tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) (EDA201807105).

(8)  Il-PDG ta’ 2 %, skont il-linja gwida attwali u rilevanti tan-NATO dwar in-nefqa għad-difiża, japplika biss għal dawk l-Istati Membri parteċipanti li huma wkoll membri tan-NATO, u ma jikkostitwix objettiv miftiehem tal-PESCO.

(9)  F’Novembru 2007, il-Bord ta’ Tmexxija Ministerjali tal-EDA approva erba’ parametri referenzjarji kollettivi għall-investiment: 20 % tan-nefqa totali tad-difiża għall-akkwist ta’ tagħmir (inkluż R&Ż/R&T); 35 % tan-nefqa totali fuq it-tagħmir għall-akkwist kollaborattiv Ewropew ta’ tagħmir; 2 % tan-nefqa totali għad-difiża firRiċerka u t-Teknoloġija (R&T) fir-rigward tad-difiża; 20 % tan-nefqa totali għad-difiża fir-R&T għal R&T kollaborattiva Ewropea fir-rigward tad-difiża.

(10)  B’mod partikolari Anness I - Prinċipji tal-PESCO.

(11)  L-għan tal-HLGP, u b’mod partikolari tal-Katalogu tal-Forzi, huwa li jinkiseb fehim sħiħ tal-forzi potenzjalment disponibbli għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK u l-kapaċitajiet relatati tagħhom, mingħajr ebda preġudizzju għall-proċessi ta’ ġenerazzjoni tal-forzi li jservu lill-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK jew rabta ma’ dawn il-proċessi.

(12)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).

(13)  Id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76).