21.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 182/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/816

tal-20 ta’ Mejju 2021

li temenda r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/912 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2)(b) u (e) u l-ewwel u t-tieni sentenza tal-Artikolu 292, tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-30 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/912 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni (1).

(2)

Fit-2 ta’ Frar 2021, il-Kunsill emenda r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/912 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni (2) sabiex jaġġorna l-kriterji użati biex jiġi vvalutat jekk huwiex sikur l-ivvjaġġar mhux essenzjali minn pajjiżi terzi u jekk dan jenħtieġx li jkun permess.

(3)

L-istess emenda introduċiet mekkaniżmi biex jitrażżan it-tixrid tal-varjanti ta’ tħassib tal-virus SARS-CoV-2 fiż-żona UE+ (3).

(4)

Minn dak iż-żmien, ġew imnedija kampanji ta’ tilqim tal-massa kontra l-virus SARS-COV-2 fiż-żona tal-UE+, kif ukoll f’ħafna reġjuni u pajjiżi terzi oħra.

(5)

Fis-17 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni pproponiet żewġ Regolamenti (4) biex jinħolqu “Ċertifikati Ħodor Diġitali” sabiex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu fl-UE matul il-pandemija tal-COVID-19. Ġewwa l-UE, iċ-Ċertifikat Aħdar Diġitali ser ikun prova li persuna tkun tlaqqmet kontra l-COVID-19, tkun irċeviet riżultat negattiv tat-test jew tkun fieqet mill-COVID-19. L-Istati Membri jibqgħu responsabbli biex jiddeċiedu liema restrizzjonijiet tas-saħħa pubblika jistgħu jitneħħew għall-vjaġġaturi iżda jenħtieġ li huma japplikaw dawn l-eżenzjonijiet b’mod nondiskriminatorju għall-vjaġġaturi fil-pussess ta’ Ċertifikat Aħdar Diġitali.

(6)

Il-parir xjentifiku u l-evidenza empirika dwar l-effetti tal-vaċċinazzjoni qed isiru dejjem aktar disponibbli u konklużivi b’mod konsistenti dwar il-fatt li l-vaċċinazzjoni jgħin biex tinkiser il-katina tat-trażmissjoni.

(7)

Din l-evidenza tissuġġerixxi li r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar jistgħu jitneħħew b’mod sikur f’ċerti każijiet għal persuni li jistgħu juru li ħadu l-aħħar doża rakkomandata tal-vaċċin kontra l-COVID-19 awtorizzat fl-UE skont ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), u li tali eżenzjonijiet jistgħu jiġu ġġustifikati wkoll sal-punt li persuna tkun tlaqqmet b’vaċċin kontra l-COVID-19 li jkun għadda mill-proċess ta’ elenkar mid-WHO għall-użu f’emerġenza.

(8)

Jenħtieġ li t-tfal li, minħabba l-età tagħhom, huma esklużi mill-vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19, ikunu jistgħu jivvjaġġaw mal-ġenituri mlaqqma tagħhom bil-kundizzjoni li jkunu rriżultaw negattivi għal test PCR tal-COVID-19, li jkun sar mhux qabel 72 siegħa qabel ma jaqsmu l-fruntiera taż-żona tal-UE+. F’dawn il-każijiet, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu ttestjar addizzjonali wara l-wasla.

(9)

Madankollu, hemm biss ftit studji disponibbli jew l-ebda dwar jekk il-varjanti ta’ tħassib jaħarbux mir-reazzjoni immuni kkawżat minn diversi vaċċini kontra l-COVID-19. Għalhekk, f’konformità mal-approċċ prekawzjonarju, jenħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ “brejk ta’ emerġenza” sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jadottaw, b’mod koordinat, miżuri urġenti għal żmien limitat biex jirrispondu malajr għat-tfaċċar ta’ varjant f’pajjiż terz partikolari li jkun ġie taħt skrutinju speċifiku, u b’mod partikolari fejn ikun ġie deżinjat miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) bħala varjant ta’ interess. Jenħtieġ li dan il-brejk ta’ emerġenza jippermetti li jittieħdu miżuri xierqa, inklużi limitazzjonijiet ta’ dħul, bil-għan li jiġu evitati l-importazzjoni u t-tixrid tiegħu fiż-żona tal-UE+. Jenħtieġ li dawn il-miżuri jkunu soġġetti għal koordinazzjoni rapida fil-Kunsill biex ikun hemm approċċ komuni.

(10)

Jenħtieġ li jittieħed kont tal-progress li l-popolazzjoni ta’ pajjiż terz tlaqqam kontra l-virus meta tiġi vvalutata s-sitwazzjoni epidemjoloġika ta’ dak il-pajjiż.

(11)

Ladarba adottati, ir-Regolamenti dwar iċ-Ċertifikat Aħdar Diġitali jipprovdu l-bażi, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni, sabiex iċ-ċertifikati tal-vaċċinazzjoni ta’ pajjiżi terzi jiġu ttrattati bħala Ċertifikati Ħodor Diġitali, jew biex jinħarġu ċertifikati bħal dawn lil persuni li jkunu tlaqqmu f’pajjiżi terzi. Jenħtieġ li jittieħdu passi biex jiġi ffaċilitat l-użu ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, sabiex jiġi żgurat approċċ koordinat tal-Istati Membri u biex jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar tal-vjaġġaturi minn pajjiżi terzi fiż-żona UE+. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jistgħu jqisu li jistabbilixxu portal fejn persuni li jirrisjedu barra miż-żona tal-UE+ jistgħu jitolbu r-rikonoxximent taċ-ċertifikat tal-vaċċinazzjoni tagħhom maħruġ minn pajjiż terz bħala prova affidabbli tal-vaċċinazzjoni u/jew għall-ħruġ ta’ Ċertifikat Aħdar Diġitali.

(12)

Meta l-Istati Membri jaċċettaw prova tal-vaċċinazzjoni sabiex ineħħu r-restrizzjonijiet stabbiliti f’konformità mad-dritt tal-Unjoni biex jillimitaw it-tixrid tal-COVID-19, bħar-rekwiżiti li persuna tagħmel kwarantina/awtoiżolament jew tiġi ttestjata għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2, fil-prinċipju jenħtieġ li huma jneħħu dawn ir-rekwiżiti għal vjaġġaturi residenti f’pajjiż terz li, sa mhux aktar tard minn 14-il jum qabel ma jidħlu fiż-żona UE+, ikunu ħadu l-aħħar doża rakkomandata ta’ vaċċin kontra l-COVID-19 li jkun ġie awtorizzat fl-UE skont ir-Regolament (KE) Nru 726/2004. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll li jneħħu r-restrizzjonijiet għal vjaġġaturi mlaqqma b’vaċċin ieħor kontra l-COVID-19 li jkun għadda mill-proċess ta’ elenkar mid-WHO għall-użu f’emerġenza. Madankollu, jenħtieġ li ebda minn dawn it-tnejn ma japplika jekk Stat Membru jkun għamel użu minn brejk ta’ emerġenza. Sakemm jiġu adottati u jsiru applikabbli r-Regolamenti dwar iċ-Ċertifikat Aħdar Diġitali, u sakemm il-Kummissjoni tkun adottat att ta’ implimentazzjoni għat-trattament ta’ ċertifikati tal-vaċċinazzjoni ta’ pajjiżi terzi ekwivalenti għaċ-Ċertifikati Ħodor Diġitali, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jaċċettaw ċertifikati ta’ pajjiżi terzi li jkun fihom mill-inqas is-sett ta’ data minimu fuq il-bażi tal-liġi nazzjonali, filwaqt li jqisu l-kapaċità li jivverifikaw l-awtentiċità, il-validità u l-integrità taċ-ċertifikat u jekk ikunx fih id-data rilevanti kollha.

(13)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Ladarba din ir-Rakkomandazzjoni tibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, għandha tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar din ir-Rakkomandazzjoni jekk hijiex ser timplimentaha.

(14)

Din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (6); Għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(15)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, koperti mill-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (7).

(16)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, koperti mill-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE (8) moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (9).

(17)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, koperti mill-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A tad-Deċiżjoni 1999/437/KE (10), moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2011/350/UE (11).

(18)

L-istatus legali ta’ din ir-rakkomandazzjoni kif imfakkar fil-premessi 13 sa 17 huwa mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li l-Istati Membri kollha, fl-interess tal-funzjonament tajjeb taż-żona Schengen, jiddeċiedu dwar it-tneħħija tar-restrizzjoni fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE b’mod ikkoordinat,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/912 hija emendata kif ġej:

1.

Il-ħames inċiż tal-Punt 2, l-ewwel paragrafu, huwa sostitwit b’dan li ġej:

“—

in-natura tal-virus preżenti fil-pajjiż, b’mod partikolari jekk instabux varjanti ta’ interess jew varjanti ta’ tħassib tal-virus. Il-varjanti ta’ interess u l-varjanti ta’ tħassib huma vvalutati bħala tali miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) abbażi ta’ elementi ewlenin tal-virus bħat-trażmissjoni, is-severità u l-kapaċità li jaħrab mir-reazzjoni immuni.”

2.

Fit-tieni paragrafu tal-Punt 2, il-figura “25” hija sostitwita bi “75”.

It-tielet paragrafu tal-Punt 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Id-data dwar ir-‘rata tal-ittestjar’, ir-‘rata ta’ testijiet b’riżultat pożittiv’ u ‘varjanti ta’ tħassib u varjanti ta’ interess’ għandha tiġi pprovduta miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), abbażi tal-informazzjoni disponibbli għall-ECDC. Tali data tista’ tiġi kkomplementata b’informazzjoni pprovduta mid-delegazzjonijiet tal-UE, mid-WHO u minn ċentri oħrajn għall-kontroll tal-mard, meta disponibbli, fuq il-bażi wkoll tal-lista ta’ kontroll annessa għall-Komunikazzjoni tal-11 ta’ Ġunju 2020.”

Jiżdied ir-raba’ paragrafu ġdid mal-Punt 2 kif ġej:

“Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-punt 2, l-ewwel paragrafu, jenħtieġ li l-ECDC jippubblika u jaġġorna regolarment mappa li tippreżenta s-sitwazzjoni fir-rigward tal-varjanti ta’ tħassib u l-varjanti ta’ interess f’pajjiżi terzi.”

3.

Il-Punt 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

Wara l-ewwel paragrafu, tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Barra minn hekk, jenħtieġ li l-ivvjaġġar essenzjali jkun permess għall-kategoriji speċifiċi ta’ vjaġġaturi b’funzjoni jew ħtieġa essenzjali msemmija fl-Anness II.”

(b)

Il-paragrafu 3 l-antik jitħassar.

4.

Il-Punt il-ġdid li ġej 6a jiddaħħal wara l-Punt 6:

“6a.

Mingħajr preġudizzju għall-punt 6 (a) u (b), meta l-Istati Membri jaċċettaw prova tal-vaċċinazzjoni sabiex ineħħu r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar biex jiġi limitat it-tixrid tal-COVID-19, l-Istati Membri għandhom fil-prinċipju jneħħu r-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE fir-rigward ta’ vjaġġaturi minn pajjiżi terzi li jkunu ħadu l-aħħar doża rakkomandata ta’ wieħed mill-vaċċini kontra l-COVID-19 awtorizzati fl-UE skont ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 mhux aktar tard minn 14-il jum qabel ma jidħlu fiż-żona UE+.

L-Istati Membri jistgħu wkoll ineħħu r-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE fir-rigward ta’ tali vjaġġaturi li jkunu ħadu l-aħħar doża rakkomandata ta’ wieħed mill-vaċċini kontra l-COVID-19 li jkunu għaddew mill-proċess ta’ elenkar mid-WHO għall-użu f’emerġenza, mhux aktar tard minn 14-il jum qabel ma jidħlu fiż-żona UE+.

Għal dak il-għan, jenħtieġ li vjaġġaturi li jixtiequ jagħmlu vjaġġ mhux essenzjali lejn Stat Membru jkollhom fil-pussess tagħhom prova valida tal-vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19. L-Istati Membri jistgħu jaċċettaw ċertifikati tal-vaċċinazzjoni ta’ pajjiżi terzi li jkun fihom tal-anqas is-sett minimu ta’ data bħall-identifikazzjoni tal-persuna, it-tip ta’ vaċċin u d-data tal-amministrazzjoni tal-vaċċin, f’konformità mal-liġi nazzjonali, filwaqt li titqies il-ħtieġa li jkunu jistgħu jivverifikaw l-awtentiċità, il-validità u l-integrità taċ-ċertifikat u jekk ikunx fih id-data rilevanti kollha.

Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jneħħu r-restrizzjonijiet għall-vjaġġaturi li jkollhom prova valida tal-vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19, jenħtieġ li l-Istati Membri, skont il-każ, iqisu r-reċiproċità mogħtija liż-żona UE+.”

5.

Fil-punt 7, fil-bidu tal-ewwel sentenza, jiddaħħal il-kliem “mingħajr preġudizzju għall-punt 6a”.

Il-paragrafi ġodda li ġejjin jiddaħħlu wara t-tielet paragrafu tal-Punt 7 u jsiru Punt 7a ġdid:

“Fejn is-sitwazzjoni epidemjoloġika ta’ pajjiż terz jew reġjun tmur għall-agħar f’daqqa u, b’mod partikolari fejn ikun instab varjant ta’ tħassib jew varjant ta’ interess, l-Istati Membri jenħtieġ li, eċċezzjonalment, jadottaw restrizzjoni urġenti u temporanja fuq l-ivvjaġġar kollu lejn l-UE għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza f’dak il-pajjiż terz. Jenħtieġ li din ir-restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar ma tapplikax għall-persuni msemmijin fil-punt 6 (a) u (b) u għall-vjaġġaturi elenkati fil-punt i. u l-punti iv. sa ix. tal-Anness II. Madankollu, jenħtieġ li dawn il-vjaġġaturi jkunu soġġetti għal ittestjar xieraq u regolari, inkluż qabel it-tluq kif previst fil-punt 7, u jagħmlu awtoiżolament/kwarantina anke jekk ikunu ħadu l-aħħar doża rakkomandata ta’ wieħed mill-vaċċini kontra l-COVID-19 awtorizzati fl-UE skont ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 jew wieħed mill-vaċċini kontra l-COVID-19 li jkunu għaddew mill-proċess ta’ elenkar mid-WHO għall-użu f’emerġenza, mhux aktar tard minn 14-il jum qabel ma jidħlu fiż-żona UE+.

Meta Stat Membru japplika tali restrizzjonijiet, jenħtieġ li l-Istati Membri li jiltaqgħu fl-istrutturi tal-Kunsill u f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni jirrieżaminaw b’urġenza s-sitwazzjoni b’mod koordinat. Jenħtieġ li dawn ir-restrizzjonijiet jiġu rieżaminati mill-inqas kull ġimagħtejn, filwaqt li titqies l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika.”

Ir-raba’ u l-ħames paragrafi tal-Punt 7 jiddaħħlu wara l-Punt 7a u jsiru l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Punt il-ġdid 7b.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. SANTOS SILVA


(1)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912 tat-30 ta’ Ġunju 2020 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni (ĠU L I 208, 1.7.2020, p. 1).

(2)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/132 tat-2 ta’ Frar 2021 li temenda r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/912 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni (ĠU L 41, 4.2.2021, p. 1).

(3)  Iż-”żona UE+” tinkludi l-Istati Membri kollha ta’ Schengen (inkluż il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija), kif ukoll l-erba’ Stati Assoċjati ma’ Schengen. Din tinkludi wkoll l-Irlanda jekk tiddeċiedi li tallinja.

(4)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati interoperabbli dwar il-vaċċinazzjoni, l-ittestjar u l-irkupru għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (Ċertifikat Diġitali Aħdar), COM/2021/130 final, u Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati interoperabbli dwar il-vaċċinazzjoni, l-ittestjar u l-irkupru għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19 (Ċertifikat Aħdar Diġitali), COM/2021/140 final.

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi proċeduri tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (ĠU L 136, 30.4.2004, p. 1).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(7)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(8)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(10)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(11)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).