29.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 304/107


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Ġunju 2021

li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tar-Rumanija għall-2021

(2021/C 304/23)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2)tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)

Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Il-klawżola liberatorja ġenerali, kif stabbilita fl-Artikoli 5(1), 6(3), 9(1) u 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 u fl-Artikoli 3(5) u 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (2), tiffaċilita l-koordinament tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ reċessjoni ekonomika severa. F’dik il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni osservat li minħabba r-reċessjoni ekonomika severa li kienet mistennija bħala riżultat tal-pandemija tal-COVID-19, kienu ssodisfati l-kondizzjonijiet għall-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali. Fit-23 ta’ Marzu 2020, il-Ministri għall-Finanzi tal-Istati Membri qablu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Il-klawżola liberatorja ġenerali tat lill-Istati Membri flessibbiltà baġitarja biex jittrattaw il-kriżi tal-COVID-19. Il-klawżola liberatorja ġenerali ffaċilitat il-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ reċessjoni ekonomika severa. L-attivazzjoni tagħha tippermetti diverġenza temporanja mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju ta’ kull Stat Membru, dment li dan ma jipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju. Fis-17 ta' Settembru 2020, fil-komunikazzjoni tagħha dwar l-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tal-2021, il-Kummissjoni ħabbret li l-klawżola liberatorja ġenerali kienet ser tibqa’ attiva fl-2021.

(2)

Fit-3 ta’ April 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2020/509 (3), dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fir-Rumanija minħabba nuqqas ta’ konformità mal-kriterju tad-defiċit fl-2019. Dan kien ibbażat fuq il-miri fiskali aġġornati mill-gvern, filwaqt li l-pubblikazzjoni sussegwenti tal-iżbilanċ tal-gvern estiż ta’ 4,3 % tal-PDG ikkonfermat il-ksur. L-eċċess tal-valur referenzjarju tat-Trattat ta' 3 % tal-PDG kien ir-riżultat ta’ akkumulazzjoni kontinwa ta’ żbilanċi fiskali minħabba politika fiskali espansjonarja sa mill-2016, f’perijodu ta’ tkabbir ekonomiku b’saħħtu. Fit-3 ta’ April 2020, il-Kunsill ħareġ ukoll Rakkomandazzjoni (4) bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv tal-gvern fir-Rumanija sa mhux aktar tard mill-2022.

(3)

Fl-20 ta' Lulju 2020, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni (5) (“ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Lulju 2020”). Huwa rrakkomanda li r-Rumanija ssegwi politiki fiskali f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2020, filwaqt li tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tindirizza b’mod effettiv il-pandemija tal-COVID-19, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru sussegwenti.

(4)

In-Next Generation EU, flimkien mal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, ser tiggarantixxi rkupru sostenibbli, inklużiv u ġust. Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta' Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ser tipprovdi sostenn finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' riformi u investiment, li jinvolvi impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. Dan ser jikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u għall-implimentazzjoni ta' riformi u investiment sostenibbli u li jsaħħu t-tkabbir, b'mod partikolari biex jippromwovi t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u ser isaħħaħ ir-reżiljenza u t-tkabbir potenzjali tal-ekonomiji tal-Istati Membri. Hija ser tgħin ukoll lill-finanzi pubbliċi biex jerġgħu lura għal pożizzjonijiet aktar favorevoli fil-futur qrib u ser tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-finanzi pubbliċi sostenibbli, u għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil.

(5)

Fit-3 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li tipprovdi orjentazzjonijiet ta’ politika ulterjuri biex tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politiki fiskali u t-tħejjija tal-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tal-Istati Membri. Din il-komunikazzjoni ddikjarat ukoll il-fehma tal-Kummissjoni li d-deċiżjoni dwar id-diżattivazzjoni jew it-tkomplija tal-applikazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali jenħtieġ li tittieħed bħala valutazzjoni ġenerali tal-istat tal-ekonomija, bil-livell tal-attività ekonomika fl-Unjoni jew fiż-Żona tal-Euro mqabbel mal-livelli ta’ qabel il-kriżi (tmiem l-2019) bħala kriterju kwantitattiv ewlieni. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, fit-2 ta' Ġunju 2021 il-Kummissjoni qieset li l-kondizzjonijiet biex tkompli tapplika l-klawżola liberatorja ġenerali fl-2022 u biex tiddiżattivaha mill-2023 ġew issodisfati. Sitwazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż ser ikomplu jiġu kkunsidrati wara d-diżattivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali.

(6)

Fil-5 ta’ Mejju 2021, ir-Rumanija ppreżentat il-Programm ta’ Konverġenza tagħha għall-2021, lil hinn mill-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.

(7)

Fl-2020, fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tar-Rumanija kien ta’ 9,2 % tal-prodott domestiku gross (PDG), filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż żdied għal 47,3 % tal-PDG. It-tibdil annwali fil-bilanċ baġitarju primarju kien jammonta għal -3,6 % tal-PDG, inklużi l-miżuri baġitarji diskrezzjonali ta’ 1,5 % b’sostenn għall-ekonomija u t-tħaddim ta’ stabbilizzaturi awtomatiċi. Ir-Rumanija pprovdiet ukoll appoġġ ta’ likwidità lil kumpaniji u unitajiet domestiċi (bħal garanziji u differimenti tat-taxxa, li ma għandhomx impatt baġitarju dirett u immedjat), stmati għal 4 % tal-PDG; l-użu reali tal-garanziji pubbliċi fl-2020 huwa stmat mill-Kummissjoni li hu bejn wieħed u ieħor ekwivalenti għal 1½ % tal-PDG.

(8)

Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji huwa realistiku fl-2021 u l-2022. Skont il-Programm ta’ Konverġenza għall-2021, it-tkabbir reali tal-PDG huwa pprojettat għal 5,0 % fl-2021 u 4,8 % fl-2022. F’dawn is-sentejn, id-domanda domestika, b’konsum qawwi u tkabbir fl-investiment, hija mistennija li tkun il-mutur ewlieni. It-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni tat-tkabbir tar-Rumanija huwa kemxejn ogħla minn dak tal-Programm ta’ Konverġenza għall-2021, b’5,1 % fl-2021 u 4,9 % fl-2022, xprunat ukoll mid-domanda domestika.

(9)

Fil-Programm ta’ Stabbiltà/Konverġenza tiegħu għall-2021, il-gvern qed jippjana tnaqqis tad-defiċit tal-gvern estiż minn 9,2 % tal-PDG fl-2020 għal 8 % tal-PDG fl-2021, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn huwa ppjanat li jiżdied għal 50,8 % tal-PDG fl-2021. Skont il-Programm ta' Konverġenza tal-2021, it-tibdil fil-bilanċ baġitarju primarju fl-2021 meta mqabbel mal-livell ta’ qabel il-kriżi (2019) mistenni jammonta għal 3,3 % tal-PDG, u jirrifletti l-miżuri baġitarji diskrezzjonali ta’ 1,5 % tal-PDG b’appoġġ għall-ekonomija u t-tħaddim ta’ stabbilizzaturi awtomatiċi. Dawn il-projezzjonijiet huma fuq l-istess linji tat-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni.

(10)

B’rispons għall-pandemija tal-COVID-19 u għar-reċessjoni ekonomika relatata magħha, ir-Rumanija adottat miżuri baġitarji biex issaħħaħ l-kapaċità tas-sistema tas-saħħa tagħha, trażżan il-pandemija tal-COVID-19, u tgħin lil dawk l-individwi u s-setturi li kienu partikolarment milquta. Din ir-reazzjoni qawwija ta’ politika taffiet it-tnaqqis fil-PDG, li, min-naħa tiegħu, naqqas iż-żieda fid-defiċit tal-gvern u d-dejn pubbliku. Il-miżuri li ħadet ir-Rumanija fl-2020 u fl-2021 kienu konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020. Il-miżuri diskrezzjonarji adottati mill-gvern fl-2020 u l-2021 huma ta’ natura temporanja jew ibbilanċjati minn miżuri ta’ tpaċija. Fl-istess ħin, kien hemm impatt fiskali kontinwu ta’ miżuri espansjonarji li ġew adottati qabel il-pandemija tal-COVID-19. Dawk il-miżuri inkludew b’mod partikolari żidiet fil-pensjonijiet u nfiq soċjali ieħor u tnaqqis fit-taxxi.

(11)

Il-Programm ta’ Konverġenza għall-2021 jassumi investiment u riformi ffinanzjati minn għotjiet permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza li jammontaw għal 0,1 % tal-PDG fl-2021, 0,6 % tal-PDG fl-2022, 1,2 % tal-PDG fl-2023, 1,2 % tal-PDG fl-2024, 0,9 % tal-PDG fl-2025 u 0,9 % tal-PDG fl-2026. Il-Programm ta’ Konverġenza għall-2021 jassumi wkoll self permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza li jammonta għal 2,3 % tal-PDG fl-2025 u 2,5 % tal-PDG fl-2026. It-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni jinkludi biss l-għotjiet fil-projezzjonijiet baġitarji tagħha billi s-self huwa preżunt fil-Programm ta’ Konverġenza għall-2021 li jibda wara l-perijodu tat-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni.

(12)

Biex tiġi vvalutata l-pożizzjoni fiskali ġenerali meħuda fl-istadju attwali, it-trasferimenti mdaqqsa mill-baġit tal-Unjoni (bħal dawk mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza) għandhom jiġu inklużi fl-aggregat tan-nefqa rilevanti. Il-pożizzjoni fiskali ġenerali għalhekk titkejjel bit-tibdil fin-nefqa primarja (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonali u esklużi l-miżuri ta’ emerġenza temporanji relatati mal-kriżi) inkluż in-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni. Lil hinn mill-pożizzjoni fiskali ġenerali, l-analiżi għandha l-għan ukoll li tivvaluta jekk il-politika fiskali nazzjonali hijiex prudenti u jekk il-kompożizzjoni tagħha twassalx għal irkupru sostenibbli konsistenti mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Għal dik ir-raġuni, tingħata attenzjoni partikolari lill-evoluzzjoni tal-infiq primarju kurrenti u l-investiment iffinanzjat nazzjonalment.

(13)

Fil-programm ta’ Konverġenza tagħha tal-2021, id-defiċit tal-gvern estiż tar-Rumanija huwa ppjanat li jonqos għal 6,2 % tal-PDG fl-2022, prinċipalment minħabba t-twaqqif tal-miżuri temporanji ta’ appoġġ adottati fl-2020 u l-2021. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż huwa ppjanat li jiżdied għal 52,9 % tal-PDG fl-2022. Dawn il-projezzjonijiet huma aktar favorevoli mit-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, u fuq il-bażi tal-metodoloġija speċifika li tirrifletti l-isfidi msemmija hawn fuq, il-pożizzjoni fiskali ġenerali meħuda – inkluż l-impatt fuq id-domanda aggregata fl-2022 minn investiment iffinanzjat kemm mill-baġits nazzjonali kif ukoll tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza – hija stmata għal -0,5 % tal-PDG. (7) Il-kontribuzzjoni pożittiva tan-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni hija pprojettata li tiżdied b’0,4 ta' punt perċentwali tal-PDG. L-investiment iffinanzjat nazzjonalment huwa pprojettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,1 ta’ punt perċentwali tal-PDG. (8) In-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fuq livell nazzjonali (nett minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji) hija pprojettata li tipprovdi kontribuzzjoni newtrali.

(14)

Skont il-pjanijiet baġitarji ta' terminu medju tal-Programm ta' Konverġenza għall-2021, huwa ppjanat li d-defiċit tal-gvern estiż jonqos minn 4,4 % fl-2023, għal 2,9 % tal-PDG fl-2024. Id-defiċit tal-gvern estiż huwa ppjanat li ma jibqax jaqbeż it-3 % tal-valur referenzjarju tal-PDG skont it-Trattat fl-2024. Fuq il-bażi tal-Programm ta’ Konverġenza għall-2021, il-pożizzjoni fiskali ġenerali meħuda – inkluż ukoll l-impatt fuq id-domanda aggregata minn investiment iffinanzjat kemm mill-baġits nazzjonali kif ukoll tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza – hija stmata għal 0,6 % tal-PDG fl-2023 u l-2024 bħala medja. Il-kontribuzzjoni pożittiva tan-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni hija pprojettata li tiżdied b’0,2 ta' punt perċentwali tal-PDG. L-investiment ffinanzjat f’livell nazzjonali huwa pprojettat li jipprovdi kontribut espansjonarju ta’ 0,1 ta' punt perċentwali tal-PDG. (9) In-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata b’mod nazzjonali (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonali) hija pprojettata li tipprovdi kontribut restrittiv ta’ 0,8 ta’ punt perċentwali tal-PDG. L-istima kurrenti tat-tkabbir potenzjali nominali medju ta’ 10 snin hija ta’ 5¾ %. (10) Madankollu, din l-istima ma tinkludix l-impatt tar-riformi li huma parti mill-pjan ta’ rkupru u reżiljenza u li jistgħu għalhekk jagħtu spinta lit-tkabbir potenzjali tar-Rumanija.

(15)

Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż huwa ppjanat li jiżdied għal 53,3 % tal-PDG fl-2023 għal 52,4 % tal-PDG fl-2024. Fid-dawl tal-perkors tad-dejn li qed jiżdied b’mod partikolarment mgħaġġel fit-terminu medju, l-aktar minħabba l-iżbilanċ kbir imbassar għall-2022 u l-kondizzjonijiet ta’ finanzjament sfavorevoli meta mqabbla ma’ Stati Membri oħra, ir-Rumanija hija meqjusa li qed tiffaċċa riskji għolja ta’ sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju, skont l-analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn.

(16)

Fit-2 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni rrakkomandat rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tar-Rumanija sal-2024. Skont dik ir-rakkomandazzjoni, ir-Rumanija għandha tilħaq il-mira tad-defiċit nominali tal-gvern estiż ta’ 8,0 % tal-PDG fl-2021, 6,2 % tal-PDG fl-2022, 4,4 % tal-PDG fl-2023, u 2,9 % tal-PDG fl-2024, li hija konsistenti ma’ rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett ta’ 3,4 % fl-2021, 1,3 % fl-2022, 0,9 % fl-2023 u 0,0 % fl-2024. Dan jikkorrispondi għal bilanċ strutturali annwali ta’ 0,7 % tal-PDG fl-2021, ta’ 1,8 % tal-PDG fl-2022, ta’ 1,7 % tal-PDG fl-2023 u ta’ 1,5 % tal-PDG fl-2024.

(17)

Il-Kunsill ivvaluta l-Programm ta’ Konverġenza tal-2021 u s-segwitu mir-Rumanija għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020,

B’DAN JIRRAKKOMANDA LIR-RUMANIJA BIEX:

1.   

Issegwi politiki fiskali f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021 bil-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta’defiċit eċċessiv tal-gvern fir-Rumanija (11).

Magħmul fil-Lussemburgu, it-18 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. LEÃO


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/509 tat-3 ta’ April 2020 dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fir-Rumanija (ĠU L 110, 8.4.2020, p. 58).

(4)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2020 bil-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta’defiċit eċċessiv tal-gvern fir-Rumanija (ĠU C 116, 8.4.2020, p. 1).

(5)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020 dwar il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-2020 tar-Rumanija u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2020 tar-Rumanija (ĠU C 282, 26.8.2020, p. 149).

(6)  Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).

(7)  Sinjal negattiv tal-indikatur jikkorrispondi għal eċċess tat-tkabbir fin-nefqa primarja meta mqabbel mat-tkabbir ekonomiku fit-terminu medju, li jindika politika fiskali espansjonarja.

(8)  Nefqa kapitali oħra ffinanzjata nazzjonalment hija pprojettata li tipprovdi kontribuzzjoni newtrali.

(9)  Nefqa kapitali oħra ffinanzjata nazzjonalment hija pprojettata li tipprovdi kontribuzzjoni newtrali.

(10)  Stmat mill-Kummissjoni, skont il-metodoloġija miftehma bejn kulħadd.

(11)  Ara paġna ta’ XX ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.