29.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 304/83


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Ġunju 2021

li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2021 ta’ Malta

(2021/C 304/18)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)

Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Il-klawżola liberatorja ġenerali, kif stipulat fl-Artikoli 5(1), 6(3), 9(1) u 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 u l-Artikoli 3(5) u 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 1467/97 (2), tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ reċessjoni ekonomika severa. F’dik il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni stipulat li minħabba r-reċessjoni ekonomika severa li kienet mistennija minħabba l-pandemija tal-COVID-19, il-kundizzjonijiet għall-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali ġew sodisfatti. Fit-23 ta’ Marzu 2020, il-ministri tal-finanzi tal-Istati Membri qablu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Il-klawżola liberatorja ġenerali tat lill-Istati Membri flessibbiltà baġitarja biex jittrattaw il-kriżi tal-COVID-19. Il-klawżola ffaċilitat il-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ reċessjoni ekonomika severa. L-attivazzjoni tagħha tippermetti diverġenza temporanja mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju ta’ kull Stat Membru, dment li dan ma jkunx jipperikola s-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju. Fis-17 ta’ Settembru 2020, fil-komunikazzjoni tagħha dwar l-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2021, il-Kummissjoni ħabbret li l-klawżola liberatorja ġenerali ser tibqa’ attiva fl-2021.

(2)

Fl-20 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni (3) (“ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020”). Huwa rrakkomanda lil Malta biex tieħu l-miżuri kollha meħtieġa, f’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, biex tindirizza l-pandemija tal-COVID-19 b’mod effettiv, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru li jirriżulta. Lil Malta rrakkomandalha wkoll biex, meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, issegwi politiki fiskali li jkollhom l-għan li jiksbu pożizzjonijiet fiskali prudenti fit-terminu medju u jiggarantixxi s-sostenibbiltà tad-dejn, filwaqt li jtejjeb l-investiment.

(3)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2021 dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro tindika li l-politiki fiskali jenħtieġ li jibqgħu ta’ appoġġ fl-Istati Membri kollha taż-Żona tal-Euro matul l-2021 u li l-miżuri ta’ politika jenħtieġ li jitfasslu skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi għall-pajjiż u jkunu f’waqthom, temporanji u mmirati. Meta l-kundizzjonijiet epidemjoloġiċi u ekonomiċi jippermettu, il-miżuri ta’ emerġenza għandhom jitneħħew gradwalment, filwaqt li jiġu miġġielda l-impatti soċjali u tas-suq tax-xogħol tal-kriżi. Jenħtieġ li l-Istati Membri jsegwu politiki fiskali li jkunu mmirati lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju u li jiżguraw is-sostenibbiltà fejn jidħol id-dejn, filwaqt li jtejbu l-investiment. L-Istati Membri jenħtieġ li jsegwu riformi li jsaħħu l-kopertura, l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa u tal-protezzjoni soċjali għal kulħadd.

(4)

Fit-18 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni adottat l-opinjonijiet tagħha dwar l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji tal-2021 tal-Istati Membri taż-żona tal-euro, li kienu bbażati fuq valutazzjoni kwalitattiva tal-miżuri fiskali. Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-abbozz ta’ pjan baġitarju ta’ Malta kien ġeneralment konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-politika fiskali stipulati fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020, u li l-biċċa l-kbira tal-miżuri inklużi fl-abbozz ta’ pjan baġitarju kienu jappoġġaw l-attività ekonomika fl-isfond ta’ inċertezza konsiderevoli.

(5)

In-NextGenerationEU, inkluża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, ser tiggarantixxi rkupru sostenibbli, uniformi, inklużiv u ġust. Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ser tipprovdi appoġġ finanzjarju għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment, li tinvolvi spinta fiskali finanzjata mill-Unjoni. Ser tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u l-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment sostenibbli u li jsaħħu t-tkabbir, b’mod partikolari għall-promozzjoni ta’ tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u ser issaħħaħ ir-reżiljenza u t-tkabbir potenzjali tal-ekonomiji tal-Istati Membri. Ser tgħin ukoll lill-finanzi pubbliċi biex jerġgħu lura għal pożizzjonijiet aktar favorevoli fil-futur qrib u ser tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-finanzi pubbliċi sostenibbli u għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil.

(6)

Fit-3 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li tipprovdi aktar orjentazzjonijiet ta’ politika biex jiġu ffaċilitati l-koordinazzjoni tal-politiki fiskali u t-tħejjija tal-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tal-Istati Membri. Jenħtieġ li l-impuls fiskali ġenerali, li jirriżulta mill-baġits nazzjonali u mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, jibqa’ jservi ta’ sostenn fl-2021 u fl-2022. Fl-istess ħin, billi hu mistenni li fit-tieni nofs tal-2021 l-attività ekonomika ser tiġi gradwalment għan-normal, jenħtieġ li l-politiki fiskali tal-Istati Membri jsiru aktar differenzjati fl-2022. Jenħtieġ li l-politiki fiskali tal-Istati Membri jqisu l-istat tal-irkupru, is-sostenibbiltà fiskali u l-bżonn li jitnaqqsu d-diverġenzi ekonomiċi, soċjali u territorjali. Fid-dawl tal-bżonn li jingħata appoġġ lill-irkupru sostenibbli fl-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri b’riskji baxxi għas-sostenibbiltà jorjentaw il-baġits tagħhom favur li tinżamm politika fiskali li sservi ta’ sostenn fl-2022, u li jqisu l-impatt tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Jenħtieġ li l-Istati Membri b’livelli għoljin ta’ dejn isegwu politiki fiskali prudenti, filwaqt li jippreservaw l-investiment iffinanzjat nazzjonalment u jagħmlu użu minn sovvenzjonijiet fil-kuntest tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jiffinanzjaw proġetti addizzjonali ta’ investiment u riformi strutturali ta’ kwalità għolja. Għall-perjodu lil hinn mill-2022, jenħtieġ li l-politiki fiskali jkomplu jqisu s-saħħa tal-irkupru, il-grad tal-inċertezza ekonomika u kunsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà fiskali. L-iffukar mill-ġdid tal-politiki fiskali lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti f’terminu medju, inkluż bl-eliminazzjoni gradwali tal-miżuri ta’ sostenn, ser jikkontribwixxi biex tiġi ggarantita s-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju.

(7)

Fil-komunikazzjoni tagħha tat-3 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni kienet tal-fehma wkoll li d-deċiżjoni dwar id-diżattivazzjoni jew li tkompli l-applikazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali, jenħtieġ li tittieħed bħala valutazzjoni ġenerali tal-istat tal-ekonomija, bil-livell tal-attività ekonomika fl-Unjoni jew fiż-Żona tal-Euro mqabbel mal-livelli ta’ qabel il-kriżi (tmiem l-2019) bħala kriterju kwantitattiv ewlieni. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, fit-2 ta’ Ġunju 2021 il-Kummissjoni qieset li l-kundizzjonijiet biex tkompli tapplika l-klawżola liberatorja ġenerali fl-2022 u biex tiddiżattivaha mill-2023 ġew issodisfati. Sitwazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż ser ikomplu jiġu kkunsidrati wara d-diżattivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali.

(8)

Fit-30 ta’ April 2021, Malta ppreżentat il-Programm ta’ Stabbiltà tagħha għall-2021, f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.

(9)

Fl-2020, fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż ta’ Malta kien ta’ 10,1 % tal-prodott domestiku gross (PDG), filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż żdied għal 54,3 % tal-PDG. Id-deterjorazzjoni annwali fil-bilanċ tal-baġit primarju kienet tammonta għal 10,6 % tal-PDG, inklużi miżuri baġitarji diskrezzjonali ta’ 5,7 % tal-PDG b’sostenn għall-ekonomija u għat-tħaddim tal-istabbilizzaturi awtomatiċi. Malta pprovdiet ukoll appoġġ ta’ likwidità lil kumpaniji u unitajiet domestiċi (bħal garanziji u differimenti tat-taxxa, li ma għandhomx impatt baġitarju dirett u immedjat) stmat għal 3,9 % tal-PDG; L-użu attwali tal-garanziji pubbliċi fl-2020 hu stmat mill-Kummissjoni li hu 1 % tal-PDG.

(10)

Fit-2 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni ħarġet rapport skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat. Dak ir-rapport jiddiskuti s-sitwazzjoni baġitarja ta’ Malta, billi d-defiċit tal-gvern estiż tagħha fl-2020 qabeż it-3 % tal-valur referenzjarju tal-PDG skont it-Trattat. Mir-rapport ħareġ li l-kriterju tad-defiċit ma kienx issodisfat.

(11)

Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-proġettazzjonijiet baġitarji huwa kawt fl-2021 u favorevoli fl-2022. Il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2021 jipproġetta li l-PDG reali jiżdied bi 3,8 % fl-2021 u jaċċellera għal 6,8 % fl-2022. It-tkabbir ikun xprunat esklużivament mid-domanda domestika fl-2021, filwaqt li fl-2022 għandha għax tiġi kontribuzzjoni pożittiva wkoll mis-settur estern. It-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni jassumi traġettorja ta’ tkabbir aħjar, bil-PDG ipprojettat li jikber b’4,6 % u b’6,1 % fl-2021 u l-2022, rispettivament. Perspettiva aktar ottimista għall-konsum privat u pubbliku fl-2021 u tkabbir tal-investiment aktar kajman fl-2022 jispjegaw il-parti l-kbira tal-profil differenti fit-tbassir tat-tkabbir tal-Kummissjoni.

(12)

Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu għall-2021, il-gvern qed jippjana deterjorament tad-defiċit tal-gvern estiż minn 10,1 % tal-PDG fl-2020 għal 12,0 % tal-PDG fl-2021, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn huwa ppjanat li jiżdied għal 65,0 % tal-PDG fl-2021. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2021, il-bidla fil-bilanċ baġitarju primarju fl-2021, meta mqabbel mal-livell ta’ qabel il-kriżi (2019) hija maħsuba li tkun 12,5 % tal-PDG, u tirrifletti l-miżuri baġitarji diskrezzjonali ta’ 5,6 % tal-PDG f’appoġġ għall-ekonomija u t-tħaddim tal-istabbilizzaturi awtomatiċi. Dawn il-proġettazzjonijiet huma fuq l-istess linji tat-tbassir tal-Kummissjoni tal-ħarifa tal-2021.

(13)

B’rispons għall-pandemija tal-COVID-19, u għar-reċessjoni ekonomika marbuta magħha, Malta adottat miżuri baġitarji biex isaħħaħ l-kapaċità tas-sistema tas-saħħa tagħha, trażżan il-pandemija tal-COVID-19, u tgħin lil dawk l-individwi u s-setturi li kienu partikolarment milquta. Din ir-reazzjoni qawwija ta’ politika taffiet it-tnaqqis fil-PDG, li, min-naħa tiegħu, naqqas iż-żieda fid-defiċit tal-gvern u d-dejn pubbliku. Il-miżuri fiskali jenħtieġ li jimmassimizzaw l-appoġġ għall-irkupru mingħajr ma jantiċipaw traġettorji fiskali futuri. Għalhekk, il-miżuri jenħtieġ li jevitaw li joħolqu piż permanenti fuq il-finanzi pubbliċi. Meta l-Istati Membri jintroduċu miżuri permanenti, huma għandhom jiffinanzjawhom kif xieraq biex jiżguraw newtralità baġitarja fuq terminu medju. Il-miżuri li ħadet Malta fl-2020 u fl-2021 kienu konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020. Il-miżuri baġitarji diskrezzjonarji adottati mill-gvern fl-2020 u l-2021 huma fil-biċċa l-kbira ta’ natura temporanja jew ibbilanċjati minn miżuri ta’ tpaċija.

(14)

Il-Programm ta’ Stabbiltà għall-2021 jassumi investiment u riformi ffinanzjati minn għotjiet skont il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza li jammontaw għal 0,3 % tal-PDG fl-2021, 0,8 % fl-2022, 0,6 % fl-2023, 0,3 % fl-2024 u 0,1 % fl-2025. It-tbassir tar-rebbiegħa tal-2021 tal-Kummissjoni ma jinkludix għal kollox dawn l-għotjiet fil-proġettazzjonijiet baġitarji tiegħu minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni dettaljata biżżejjed dwar il-pjan ta’ rkupru u reżiljenza nazzjonali fil-mument tad-data tal-għeluq. Minflok, it-tbassir tar-rebbiegħa tal-2021 tal-Kummissjoni jassumi integrazzjoni ssimplifikata u lineari tan-nefqa ffinanzjata mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

(15)

L-indikaturi stabbiliti tal-aġġustament fiskali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1466/97 jenħtieġ li jiġu kkunsidrati fil-kuntest taċ-ċirkostanzi attwali. L-ewwel nett, hemm inċertezza sinifikanti dwar l-istimi tal-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni. It-tieni, hemm il-ħtieġa li l-politika fiskali tkun lesta biex tadatta b’mod rapidu għall-evoluzzjoni tal-pandemija tal-COVID-19, b’bidla minn għajnuna ta’ emerġenza għal miżuri aktar immirati ladarba r-riskji tas-saħħa jonqsu. It-tielet, il-kuntest attwali huwa kkaratterizzat minn rispons ta’ politika sinifikanti biex jappoġġa l-attività ekonomika. Fil-preżenza ta’ trasferimenti mdaqqsa mill-baġit tal-Unjoni (bħal dawk mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza), l-indikaturi stabbiliti ma jkoprux l-ispinta kollha li jipprovdu l-politiki fiskali lill-ekonomija. F’dan l-isfond, il-bilanċ strutturali ma jidhirx adegwat fiċ-ċirkostanzi attwali. Il-parametru referenzjarju tan-nefqa wkoll jeħtieġ li jiġi adattat (5) u kkomplementat b’informazzjoni addizzjonali sabiex titkejjel bis-sħiħ l-orjentazzjoni tal-politika fiskali.

(16)

Bħal fl-approċċ meħud fil-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji tal-2021, il-miżuri temporanji ta’ emerġenza ġew esklużi mill-aggregat tan-nefqa. Dawn il-miżuri temporanji ta’ emerġenza marbuta mal-kriżi jappoġġaw is-sistemi tas-saħħa u jikkumpensaw lill-ħaddiema u lill-kumpaniji għat-telf fid-dħul minħabba l-miżuri ta’ lockdowns u l-interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista; it-treġġigħ lura tagħhom mill-awtoritajiet pubbliċi jiddependi mir-ritorn għan-normalità tas-sitwazzjoni ekonomika u tas-saħħa pubblika. Biex tiġi vvalutata l-pożizzjoni fiskali ġenerali fl-istadju attwali, it-trasferimenti mdaqqsa mill-baġit tal-Unjoni (bħal dawk mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza) għandhom jiġu inklużi fl-aggregat tan-nefqa rilevanti. Il-pożizzjoni fiskali ġenerali b’hekk titkejjel mill-bidla fin-nefqa primarja (netta minn miżuri diskrezzjonarji ta’ dħul u bl-esklużjoni ta’ miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi) inkluża n-nefqa ffinanzjata minn għotjiet taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni. Lil hinn mill-pożizzjoni fiskali ġenerali, l-analiżi għandha l-għan ukoll li tivvaluta jekk il-politika fiskali nazzjonali hijiex prudenti u jekk il-kompożizzjoni tagħha twassalx għal irkupru sostenibbli konsistenti mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Għal din ir-raġuni, tingħata attenzjoni partikolari lill-evoluzzjoni tal-infiq primarju kurrenti u l-investiment iffinanzjat nazzjonalment.

(17)

Fil-Programm ta’ Stabbiltà tagħha għall-2021, id-defiċit tal-gvern estiż ta’ Malta huwa ppjanat li jonqos għal 5,6 % tal-PDG fl-2022, prinċipalment minħabba li jkunu waqfu l-miżuri temporanji ta’ appoġġ adottati fl-2020 u fl-2021. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż huwa ppjanat li jiżdied għal 65,8 % tal-PDG. Dawn il-proġettazzjonijiet huma fuq l-istess linji tat-tbassir tal-Kummissjoni tal-ħarifa tal-2021. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni għall-2021, u fuq il-bażi tal-metodoloġija speċifika li tirrifletti l-isfidi msemmija hawn fuq, il-pożizzjoni fiskali ġenerali msemmija hawn fuq — inkluż l-impatt fuq id-domanda aggregata fl-2022 minn investiment iffinanzjat kemm mill-baġits nazzjonali kif ukoll tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza — hija stmata għal 2,1 % tal-PDG (6). Il-kontribuzzjoni pożittiva tan-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni hija pproġettata li tonqos b’0,1 punt perċentwali tal-PDG. L-investiment iffinanzjat nazzjonalment huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni restrittiva ta’ 0,2 punt perċentwali tal-PDG (7). In-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fuq livell nazzjonali (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji) hija pproġettata li tipprovdi kontribuzzjoni restrittiva ta’ 0,8 punt perċentwali tal-PDG.

(18)

Il-kwalità tal-miżuri baġitarji tal-Istati Membri tidher partikolarment importanti. Ir-riformi strutturali fiskali mmirati lejn it-titjib tal-kompożizzjoni tal-baġits nazzjonali jistgħu jappoġġaw it-tkabbir potenzjali, joħolqu spazju fiskali tant meħtieġ u jgħinu biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fiskali fit-tul, inkluż fid-dawl tat-tibdil fil-klima u l-isfidi tas-saħħa. Mil-lat tad-dħul, il-kriżi tal-COVID-19 saħħet l-importanza tar-riformi għal sistemi ta’ dħul pubbliku aktar effiċjenti u ġusti. Min-naħa tan-nefqa, sar saħansitra aktar kruċjali li jiżdiedu l-livell u l-kwalità ta’ investimenti sostenibbli u li jsaħħu t-tkabbir, b’mod konsistenti mal-objettivi tat-tisħiħ tal-potenzjal tat-tkabbir, ir-reżiljenza ekonomika u soċjali u t-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali. Il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza ser jippermettu li tittejjeb l-għamla tal-baġits nazzjonali.

(19)

Skont il-pjanijiet baġitarji ta’ terminu medju tal-Programm ta’ Stabbiltà tal-2021, huwa ppjanat li d-defiċit tal-gvern estiż jonqos minn 3,9 % fl-2023, għal 2,9 % tal-PDG fl-2024. Id-defiċit tal-gvern estiż huwa pproġettat li ma jibqax jaqbeż aktar il-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 3 % tal-PDG fl-2024. Fuq il-bażi tal-Programm ta’ Stabbiltà tal-2021, il-pożizzjoni fiskali ġenerali — inkluż l-impatt fuq id-domanda aggregata minn investiment iffinanzjat kemm mill-baġits nazzjonali kif ukoll tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza — hija stmata ta’ 1,3 % tal-PDG fl-2023 u l-2024 bħala medja. Il-kontribuzzjoni pożittiva tan-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni hija pproġettata li tonqos b’0,2 punt perċentwali tal-PDG. L-investiment iffinanzjat nazzjonalment huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni restrittiva ta’ 0,2 punt perċentwali tal-PDG (8). In-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fuq livell nazzjonali (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji) hija pproġettata li tipprovdi kontribuzzjoni restrittiva ta’ 0,4 punt perċentwali tal-PDG. L-istima attwali tat-tkabbir potenzjali nominali medju fuq għaxar snin hija ta’ 5½ % (9). Madankollu, din l-istima ma tinkludix l-impatt tar-riformi li huma parti mill-pjan ta’ rkupru u reżiljenza u b’hekk jistgħu jagħtu spinta lit-tkabbir potenzjali ta’ Malta.

(20)

Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż huwa ppjanat li jonqos minn 66 % tal-PDG fl-2023 għal 65,6 % tal-PDG fl-2024. Malta titqies li qed tiffaċċja riskji medji għas-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju, skont l-aħħar analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn.

(21)

Fid-dawl tal-livell ta’ inċertezza li bħalissa għadu eċċezzjonalment għoli, il-gwida tal-politika fiskali għandha tibqa’ fil-biċċa l-kbira kwalitattiva. Gwida kwantifikata aktar preċiża għas-snin ta’ wara għandha tiġi pprovduta fl-2022, jekk il-grad ta’ inċertezza jkun naqas b’mod suffiċjenti sa dak iż-żmien.

(22)

Il-Kunsill ivvaluta l-Programm ta’ Stabbiltà għall-2021 u s-segwitu minn Malta għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020,

B’DAN JIRRAKKOMANDA LIL MALTA BIEX:

1.   

Fl-2022, iżżomm pożizzjoni fiskali ta’ appoġġ, inkluż l-impuls ipprovdut mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u tippreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali.

2.   

Meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jkunu jippermettu, issegwi politika fiskali mmirata lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju u tiżgura s-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju. Fl-istess ħin, issaħħaħ l-investiment biex tingħata spinta lill-potenzjal tat-tkabbir.

3.   

Tagħti attenzjoni partikolari lill-kompożizzjoni tal-finanzi pubbliċi, kemm fuq in-naħa tad-dħul kif ukoll fuq in-naħa tan-nefqa tal-baġit nazzjonali, u lill-kwalità tal-miżuri baġitarji sabiex jiġi żgurat irkupru sostenibbli u inklużiv. Tagħti prijorità lill-investiment sostenibbli u li jsaħħaħ it-tkabbir, b’mod partikolari investiment li jappoġġa t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Tagħti prijorità lir-riformi strutturali fiskali li ser jgħinu biex jipprovdu finanzjament għall-prijoritajiet tal-politika pubblika u jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, inkluż, fejn rilevanti, billi jsaħħu l-kopertura, l-adegwatezza, u s-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa u tal-protezzjoni soċjali għal kulħadd.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-18 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. LEÃO


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).

(3)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma ta’ Malta tal-2020 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà ta’ Malta għall-2020 (ĠU C 282, 26.8.2020, p 116).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).

(5)  B’mod partikolari, il-livellar ta’ erba’ snin ta’ investiment użat fil-parametru referenzjarju tan-nefqa ma jippermettix valutazzjoni xierqa tal-appoġġ fiskali għall-irkupru pprovdut minn investimenti ffinanzjati minn sorsi nazzjonali.

(6)  Sinjal negattiv tal-indikatur jikkorrispondi għal eċċess tat-tkabbir fin-nefqa primarja meta mqabbel mat-tkabbir ekonomiku fit-terminu medju, li jindika politika fiskali espansjonarja.

(7)  Nefqa kapitali oħra ffinanzjata nazzjonalment hija pproġettata li tipprovdi kontribuzzjoni restrittiva ta’ 1,1 punti perċentwali tal-PDG.

(8)  Nefqa kapitali oħra ffinanzjata nazzjonalment hija pproġettata li tipprovdi kontribuzzjoni restrittiva ta’ 0,5 punt perċentwali tal-PDG.

(9)  Stmat mill-Kummissjoni, skont il-metodoloġija miftiehma bejn kulħadd.