29.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 304/78


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Ġunju 2021

li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-Ungerija tal-2021

(2021/C 304/17)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)

Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Il-klawżola liberatorja ġenerali, kif stabbilita fl-Artikoli 5(1), 6(3), 9(1) u 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 u fl-Artikoli 3(5) u 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (2), tiffaċilita l-koordinament tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ reċessjoni ekonomika severa. F’dik il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni osservat li, minħabba r-reċessjoni ekonomika severa li kienet mistennija minħabba l-pandemija tal-COVID-19, kienu ssodisfati l-kundizzjonijiet għall-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali. Fit-23 ta’ Marzu 2020, il-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri qablu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Il-klawżola liberatorja ġenerali tat lill-Istati Membri flessibbiltà baġitarja biex jittrattaw il-kriżi tal-COVID-19. Il-klawżola liberatorja ġenerali ffaċilitat il-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ reċessjoni ekonomika severa. L-attivazzjoni tagħha tippermetti diverġenza temporanja mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju ta’ kull Stat Membru, dment li dan ma jkunx jipperikola s-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju. Fis-17 ta’ Settembru 2020, fil-komunikazzjoni tagħha dwar l-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tal-2021, il-Kummissjoni ħabbret li l-klawżola liberatorja ġenerali se tibqa’ attiva fl-2021.

(2)

Fl-20 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni (3) (“ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020”). Huwa rrakkomanda lill-Ungerija biex tieħu l-miżuri kollha meħtieġa, f’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, biex b’hekk tindirizza l-pandemija tal-COVID-19 b’mod effettiv, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru li jirriżulta. Lill-Ungerija rrakkomandalha wkoll biex, meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, issegwi politiki fiskali li jkollhom l-għan li jiksbu pożizzjonijiet fiskali prudenti fit-terminu medju u li jiggarantixxi s-sostenibbiltà tad-dejn, filwaqt li jsaħħu l-investiment.

(3)

In-NextGenerationEU, inkluża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, se tiggarantixxi rkupru sostenibbli, inklużiv u ġust. Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tipprovdi appoġġ finanzjarji għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment, li jirriżulta f’impuls finanzjarju ffinanzjat mill-Unjoni. Din se tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment sostenibbli u li jsaħħu t-tkabbir, b’mod partikolari għall-promozzjoni ta’ tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u se ssaħħaħ ir-reżiljenza u t-tkabbir potenzjali tal-ekonomiji tal-Istati Membri. Hija se tgħin ukoll lill-finanzi pubbliċi biex jerġgħu lura għal pożizzjonijiet aktar favorevoli fil-futur qrib u se tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-finanzi pubbliċi sostenibbli, u għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil.

(4)

Fit-3 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li tipprovdi aktar orjentazzjonijiet ta’ politika biex jiġu ffaċilitati l-koordinazzjoni tal-politiki fiskali u t-tħejjija tal-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tal-Istati Membri. Jenħtieġ li l-pożizzjoni fiskali ġenerali meħuda, b’kont meħud tal-baġits nazzjonali u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, tibqa’ sservi ta’ sostenn fl-2021 u fl-2022. Fl-istess ħin, billi hu mistenni li fit-tieni nofs tal-2021 l-attività ekonomika tiġi gradwalment għan-normal, jenħtieġ li l-politiki fiskali tal-Istati Membri jsiru aktar differenzjati fl-2022. Jenħtieġ li l-politiki fiskali tal-Istati Membri jqisu l-istat ta’ rkupru, is-sostenibbiltà fiskali u l-bżonn li jitnaqqsu d-diverġenzi ekonomiċi, soċjali u territorjali. Fid-dawl tal-bżonn li jingħata appoġġ lill-irkupru sostenibbli fl-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri b’riskji baxxi għas-sostenibbiltà jorjentaw il-baġits tagħhom favur li tinżamm politika fiskali li sservi ta’ sostenn fl-2022, b’kont meħud tal-impatt tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Jenħtieġ li l-Istati Membri b’livelli għoljin ta’ dejn isegwu politiki fiskali prudenti, filwaqt li jippreservaw l-investiment iffinanzjat fuq livell nazzjonali u jagħmlu użu minn għotjiet taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jiffinanzjaw proġetti addizzjonali ta’ investiment ta’ kwalità għolja u riformi strutturali. Għall-perjodu lil hinn mill-2022, jenħtieġ li l-politiki fiskali jkomplu jqisu s-saħħa tal-irkupru, il-grad tal-inċertezza ekonomika u kunsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà fiskali. L-iffukar mill-ġdid tal-politiki fiskali lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti f’terminu medju, inkluż bl-eliminazzjoni gradwali tal-miżuri ta’ sostenn meta jkun il-waqt, se jikkontribwixxi biex tiġi ggarantita s-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju.

(5)

Fil-komunikazzjoni tagħha tat-3 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni uriet ukoll il-fehma li d-deċiżjoni dwar id-diżattivazzjoni jew l-applikazzjoni kontinwata tal-klawżola liberatorja ġenerali jenħtieġ li tittieħed bħala valutazzjoni ġenerali tal-istat tal-ekonomija, bil-livell tal-attività ekonomika fl-Unjoni jew fiż-Żona tal-Euro mqabbel mal-livelli ta’ qabel il-kriżi (mat-tmiem tal-2019) bħala kriterju kwantitattiv ewlieni. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, fit-2 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni qieset li l-kundizzjonijiet biex tkompli tapplika l-klawżola liberatorja ġenerali fl-2022 u biex tiddiżattivaha mill-2023 ġew issodisfati. Is-sitwazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi individwali se jkomplu jiġu kkunsidrati wara d-diżattivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali.

(6)

Fit-30 ta’ April 2021 l-Ungerija ppreżentat il-Programm ta’ Konverġenza tagħha tal-2021, f’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.

(7)

Fl-2020, fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Ungerija kien ta’ 8,1 % tal-prodott domestiku gross (PDG), filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż żdied għal 80,4 % tal-PDG. Il-bidla annwali fil-bilanċ tal-baġit primarju kienet tammonta għal -5,9 % tal-PDG, inklużi miżuri baġitarji diskrezzjonali ta’ 6,3 % tal-PDG b’sostenn għall-ekonomija u għat-tħaddim tal-istabbilizzaturi awtomatiċi. L-Ungerija pprovdiet ukoll appoġġ ta’ likwidità lil kumpaniji u unitajiet domestiċi (bħal garanziji u differimenti tat-taxxa, li ma għandhomx impatt baġitarju dirett immedjat), stmat għal madwar 6,8 % tal-PDG; l-użu li fil-fatt sar mill-garanziji pubbliċi fl-2020 huwa stmat mill-Kummissjoni li hu ekwivalenti għal 1½ % tal-PDG.

(8)

Fit-2 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni ħarġet rapport taħt l-Artikolu 126(3) tat-Trattat. Dak ir-rapport jiddiskuti s-sitwazzjoni baġitarja tal-Ungerija, billi d-defiċit tal-gvern estiż tagħha fl-2020 qabeż il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG skont it-Trattat, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż tagħha qabeż il-valur referenzjarju ta’ 60 % tal-PDG skont it-Trattat u ma naqasx b’pass sodisfaċenti. Mir-rapport ħareġ li l-kriterju tad-defiċit ma kienx issodisfat u li ma kienx hemm konformità mal-kriterju tad-dejn.

(9)

Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji huwa kawt fl-2021 u l-2022. Il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2021 jipprojetta li l-PDG reali jiżdied bi 4,3 % fl-2021 u 5,2 % fl-2022, irkupru inqas qawwi minn kif projettat fit-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, l-aktar minħabba rkupru aktar bil-mod milli mistenni tal-esportazzjonijiet u tal-konsum privat. Il-projezzjonijiet tal-Programm ta’ Konverġenza tal-2021 għar-rata ta’ tkabbir tal-PDG nominali u l-ammonti taxxabbli ewlenin, inklużi l-kumpens tal-impjegati u l-konsum privat, huma kemxejn aktar baxxi minn dawk tat-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni u ġeneralment l-istess għall-2022.

(10)

Fil-Programm ta’ Konverġenza tiegħu tal-2021, il-gvern qed jippjana tnaqqis fid-defiċit tal-gvern estiż minn 8,1 % tal-PDG fl-2020 għal 7,5 % tal-PDG fl-2021, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn huwa ppjanat li jiżdied għal 79,9 % tal-PDG fl-2021. Skont il-Programm ta’ Konverġenza tal-2021, il-bidla fil-bilanċ baġitarju primarju fl-2021 meta mqabbel mal-livell ta’ qabel il-kriżi (2019) hija maħsuba li tkun -5,1 % tal-PDG, li tkun tirrifletti l-miżuri baġitarji diskrezzjonali ta’ 3,0 % tal-PDG f’appoġġ għall-ekonomija u t-tħaddim ta’ stabilizzaturi awtomatiċi. It-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni jipprojetta proporzjon ta’ defiċit aktar baxx (6,8 %) u proporzjon ta’ dejn aktar baxx (78,6 %) fl-2021, u dan jirrifletti tkabbir fl-ekonomija u fid-dħul mit-taxxa.

(11)

B’rispons għall-pandemija tal-COVID-19 u għar-reċessjoni ekonomika relatata, l-Ungerija adottat miżuri baġitarji biex issaħħaħ il-kapaċità tas-sistema tas-saħħa tagħha, trażżan il-pandemija tal-COVID-19 u tgħin lil dawk l-individwi u s-setturi li kienu partikolarment milquta. Din ir-reazzjoni qawwija ta’ politika taffiet it-tnaqqis fil-PDG, li, min-naħa tiegħu, naqqas iż-żieda fid-defiċit tal-gvern u d-dejn pubbliku. Il-miżuri fiskali jenħtieġ li jimmassimizzaw l-appoġġ għall-irkupru, mingħajr ma jantiċipaw trajettorji fiskali futuri. Għalhekk, il-miżuri jenħtieġ li jevitaw li joħolqu piż permanenti fuq il-finanzi pubbliċi. Meta l-Istati Membri jintroduċu miżuri permanenti, huma għandhom jiffinanzjawhom kif xieraq biex jiżguraw newtralità baġitarja fuq terminu medju. Il-miżuri li ħadet l-Ungerija fl-2020 u fl-2021 kienu konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020. Uħud mill-miżuri diskrezzjonali adottati mill-gvern matul il-perjodu mill-2020 sal-2021 ma jidhrux li huma temporanji jew ibbilanċjati minn miżuri ta’ tpaċija. Lil hinn mill-perjodu ta’ tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, fl-2023, l-impatt kumulattiv li jifdal ta’ dawn il-miżuri mhux temporanji huwa stmat preliminarjament li jammonta għal madwar 2 % tal-PDG, u jikkonsisti fil-biċċa l-kbira f’żidiet fil-pagi tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa, l-introduzzjoni gradwali mill-ġdid tat-tlettax-il ħlas tax-xahar tal-pensjoni u l-eżenzjoni mit-taxxa fuq l-introjtu personali għall-impjegati taħt l-età ta’ 25 sena.

(12)

Il-Programm ta’ Konverġenza tal-2021 jassumi investiment u riformi ffinanzjati minn għotjiet taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza li jammontaw għal 0,9 % tal-PDG fl-2021, 0,9 % tal-PDG fl-2022, 1,0 % tal-PDG fl-2023, 0,6 % tal-PDG fl-2024 u 0,4 % tal-PDG fl-2025. It-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni ma jinkludix għal kollox dawn l-għotjiet fil-projezzjonijiet baġitarji tiegħu, minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni dettaljata biżżejjed dwar il-pjan nazzjonali ta’ rkupru u reżiljenza fil-mument tad-data tal-għeluq. Minflok, it-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni jassumi l-assorbiment lineari tal-allokazzjoni kollha tal-għotja tul id-durata tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li tibda mit-tieni nofs tal-2021 u tispiċċa fl-2026. Għaldaqstant, l-investiment u r-riformi ffinanzjati mill-għotjiet permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jammontaw għal 0,4 % tal-PDG fl-2021 u għal 0,8 % fl-2022 fit-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni.

(13)

L-indikaturi stabbiliti tal-aġġustament fiskali stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1466/97 jenħtieġ li jiġu kkunsidrati fil-kuntest taċ-ċirkostanzi attwali. L-ewwel nett, hemm inċertezza sinifikanti dwar l-istimi tad-distakk fl-output. It-tieni, hemm il-ħtieġa li l-politika fiskali tkun lesta biex tadatta b’mod rapidu għall-evoluzzjoni tal-pandemija tal-COVID-19, b’bidla minn għajnuna ta’ emerġenza għal miżuri aktar immirati ladarba r-riskji tas-saħħa jonqsu. It-tielet, il-kuntest attwali huwa kkaratterizzat minn rispons ta’ politika sinifikanti biex jappoġġa l-attività ekonomika. Fil-preżenza ta’ trasferimenti mdaqqsa mill-baġit tal-Unjoni (bħal dawk mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza), l-indikaturi stabbiliti ma jirriflettux l-impuls kollu li l-politiki fiskali jipprovdu lill-ekonomija. F’dan l-isfond, il-bilanċ strutturali ma jidhirx adegwat fiċ-ċirkustanzi attwali. Il-parametru referenzjarju tan-nefqa wkoll jeħtieġ li jiġi adattat (5) u kkomplementat b’informazzjoni addizzjonali sabiex titkejjel bis-sħiħ l-orjentazzjoni tal-politika fiskali.

(14)

B’mod simili għall-approċċ segwit fil-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji tal-2021, il-miżuri temporanji ta’ emerġenza ġew esklużi mill-aggregat tan-nefqa. Dawn il-miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi jappoġġaw is-sistemi tas-saħħa u jikkumpensaw lill-ħaddiema u lill-kumpaniji għat-telf fid-dħul minħabba l-miżuri ta’ lockdowns u l-interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista; it-treġġigħ lura tagħhom mill-awtoritajiet pubbliċi jiddependi mir-ritorn għan-normalità tas-sitwazzjoni ekonomika u tas-saħħa pubblika. Biex tiġi vvalutata l-pożizzjoni fiskali ġenerali meħuda fl-istadju attwali, it-trasferimenti mdaqqsa mill-baġit tal-Unjoni (bħal dawk mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza) għandhom jiġu inklużi fl-aggregat tan-nefqa rilevanti. Il-pożizzjoni fiskali ġenerali meħuda għalhekk titkejjel mill-bidla fin-nefqa primarja (netta minn miżuri diskrezzjonarji ta’ dħul u bl-esklużjoni ta’ miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi) inkluża n-nefqa ffinanzjata minn għotjiet taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni. Lil hinn mill-pożizzjoni fiskali ġenerali meħuda, l-analiżi għandha l-għan ukoll li tivvaluta jekk il-politika fiskali nazzjonali hijiex prudenti u jekk il-kompożizzjoni tagħha twassalx għal irkupru sostenibbli konsistenti mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Għal dik ir-raġuni, tingħata attenzjoni partikolari lill-evoluzzjoni tal-infiq primarju kurrenti u l-investiment iffinanzjat nazzjonalment.

(15)

Fil-Programm ta’ Konverġenza tagħha għall-2021, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Ungerija huwa ppjanat li jonqos għal 5,9 % tal-PDG fl-2022, prinċipalment minħabba l-irkupru ekonomiku. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż huwa ppjanat li jonqos għal 79,3 % tal-PDG. It-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni jipprojetta proporzjon ta’ defiċit aktar baxx (4,5 %) u proporzjon ta’ dejn aktar baxx (77,1 %), minħabba tkabbir ekonomiku u dħul mit-taxxa aktar b’saħħithom kif ukoll minħabba bażi ta’ defiċit aktar baxxa fl-2021. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, u fuq il-bażi tal-metodoloġija speċifika li tirrifletti l-isfidi msemmija hawn fuq, il-pożizzjoni fiskali ġenerali meħuda — inkluż l-impatt fuq id-domanda aggregata fl-2022 minn investiment iffinanzjat kemm mill-baġits nazzjonali kif ukoll tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza — hija stmata għal +0,7 % tal-PDG (6). Il-kontribuzzjoni pożittiva tan-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni hija pprojettata li tiżdied b’0,2 punti perċentwali tal-PDG. L-investiment iffinanzjat nazzjonalment huwa pprojettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,1 punt perċentwali tal-PDG. (7) In-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fuq livell nazzjonali (netta mill-miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji) hija pprojettata li tipprovdi kontribuzzjoni restrittiva ta’ 1,0 punt perċentwali tal-PDG.

(16)

Il-kwalità tal-miżuri baġitarji tal-Istati Membri tidher partikolarment importanti. Ir-riformi strutturali fiskali mmirati lejn it-titjib tal-kompożizzjoni tal-baġits nazzjonali jistgħu jappoġġaw it-tkabbir potenzjali, joħolqu spazju fiskali tant meħtieġ u jgħinu biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fiskali fit-tul, inkluż fid-dawl tat-tibdil fil-klima u l-isfidi tas-saħħa. Mil-lat tad-dħul, il-kriżi tal-COVID-19 saħħet l-importanza tar-riformi għal sistemi ta’ dħul pubbliku aktar effiċjenti u ġusti. Min-naħa tan-nefqa, sar saħansitra aktar kruċjali li jiżdied il-livell u l-kwalità ta’ investimenti sostenibbli u li jsaħħu t-tkabbir, b’mod konsistenti mal-objettivi tat-tisħiħ tal-potenzjal tat-tkabbir, ir-reżiljenza ekonomika u soċjali u t-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali. Il-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza se jippermettu li tittejjeb il-kompożizzjoni tal-baġits nazzjonali.

(17)

Skont il-pjanijiet baġitarji tal-Programm ta’ Konverġenza tal-2021 fuq terminu medju, huwa ppjanat li d-defiċit tal-gvern estiż jonqos minn 3,9 % fl-2023 għal 3,0 % tal-PDG fl-2024 u għal 2,0 % tal-PDG fl-2025. Id-defiċit tal-gvern estiż huwa għalhekk ipprojettat li ma jibqax jaqbeż aktar il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG taħt it-Trattat fl-2024. Fuq il-bażi tal-Programm ta’ Konverġenza tal-2021, il-pożizzjoni fiskali ġenerali meħuda — inkluż l-impatt fuq id-domanda aggregata minn investiment iffinanzjat kemm mill-baġits nazzjonali kif ukoll tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza — hija stmata għal +0,3 % tal-PDG fl-2023 u l-2024 bħala medja. Il-kontribuzzjoni pożittiva tan-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni hija pprojettata li tonqos b’0,4 punti perċentwali tal-PDG. L-investiment iffinanzjat nazzjonalment huwa pprojettat li jipprovdi kontribuzzjoni restrittiva ta’ 0,3 punti perċentwali tal-PDG (8). In-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fuq livell nazzjonali (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji) hija pprojettata li tipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,6 punti perċentwali tal-PDG. L-istima attwali tat-tkabbir potenzjali nominali medju fuq 10 snin hija ta’ 6½ % (9). Madankollu, din l-istima ma tinkludix l-impatt tar-riformi li huma parti mill-pjan ta’ rkupru u reżiljenza u li jistgħu għalhekk jagħtu spinta lit-tkabbir potenzjali tal-Ungerija.

(18)

Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż huwa ppjanat li jonqos minn 77,5 % tal-PDG fl-2023 għal 75,7 % tal-PDG fl-2024 u għal 73,1 % tal-PDG fl-2025. L-Ungerija hija meqjusa li qed tiffaċċja riskji medji għas-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju, skont l-aħħar analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn.

(19)

Fid-dawl tal-livell ta’ inċertezza li bħalissa għadu eċċezzjonalment għoli, il-gwida tal-politika fiskali għandha tibqa’ fil-biċċa l-kbira kwalitattiva. Gwida kwantifikata aktar preċiża għas-snin ta’ wara għandha tiġi pprovduta fl-2022, jekk il-grad ta’ inċertezza jkun naqas b’mod suffiċjenti sa dak iż-żmien.

(20)

Il-Kunsill ivvaluta l-Programm ta’ Konverġenza tal-2021 u s-segwitu mill-Ungerija għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020,

B’DAN JIRRAKKOMANDA LI L-UNGERIJA:

1.   

Fl-2022, iżżomm pożizzjoni fiskali ta’ appoġġ, inkluż l-impuls ipprovdut mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u tippreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali.

2.   

Meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jkunu jippermettu, issegwi politika fiskali mmirata li tikseb pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju u li tiżgura s-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju. Fl-istess ħin, issaħħaħ l-investiment biex tingħata spinta lill-potenzjal tat-tkabbir.

3.   

Tagħti attenzjoni partikolari lill-kompożizzjoni tal-finanzi pubbliċi, kemm fuq in-naħa tad-dħul kif ukoll fuq in-naħa tan-nefqa tal-baġit nazzjonali, u lill-kwalità tal-miżuri baġitarji biex jiġi żgurat irkupru sostenibbli u inklużiv. Tagħti prijorità lill-investiment sostenibbli u li jsaħħaħ it-tkabbir, b’mod partikolari lill-investiment li jappoġġa t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Tagħti prijorità lir-riformi strutturali fiskali li se jgħinu biex jipprovdu finanzjament għall-prijoritajiet tal-politika pubblika u jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, inkluż, fejn rilevanti, billi jsaħħu l-kopertura, l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa u tal-protezzjoni soċjali għal kulħadd.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-18 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. LEÃO


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).

(3)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Ungerija u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-Ungerija tal-2020 (ĠU C 282, 26.8.2020, p. 107).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).

(5)  B’mod partikolari, il-livellar ta’ erba’ snin ta’ investiment użat fil-parametru referenzjarju tan-nefqa ma jippermettix valutazzjoni adegwata tal-appoġġ fiskali għall-irkupru pprovdut minn investimenti ffinanzjati minn sorsi nazzjonali.

(6)  Sinjal negattiv tal-indikatur jikkorrispondi għal eċċess tat-tkabbir fin-nefqa primarja meta mqabbel mat-tkabbir ekonomiku fit-terminu medju, li jindika politika fiskali espansjonarja.

(7)  Nefqa kapitali oħra ffinanzjata f’livell nazzjonali hija pprojettata li tipprovdi kontribuzzjoni newtrali.

(8)  Nefqa kapitali oħra ffinanzjata nazzjonalment hija pprojettata li tipprovdi kontribuzzjoni restrittiva ta’ 0,2 punti perċentwali tal-PDG.

(9)  Stmat mill-Kummissjoni, skont il-metodoloġija miftiehma bejn kulħadd.