29.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 304/43


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-18 ta' Ġunju 2021

li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2021 ta' Franza

(2021/C 304/10)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2)tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)

Fl-20 ta' Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Il-klawżola liberatorja ġenerali, kif stabbilita fl-Artikoli 5(1), 6(3), 9(1) u 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 u l-Artikoli 3(5) u 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (2), tiffaċilita l-koordinament tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta' reċessjoni ekonomika severa. F’dik il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni osservat li minħabba r-reċessjoni ekonomika severa li kienet mistennija bħala riżultat tal-pandemija tal-COVID-19, kienu ssodisfati l-kundizzjonijiet għall-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali. Fit-23 ta’ Marzu 2020, il-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri qablu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Il-klawżola liberatorja ġenerali tat lill-Istati Membri flessibbiltà baġitarja biex jittrattaw il-kriżi tal-COVID-19. Il-klawżola liberatorja ġenerali ffaċilitat il-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ reċessjoni ekonomika severa. L-attivazzjoni tagħha tippermetti diverġenza temporanja mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju ta’ kull Stat Membru, dment li dan ma jkunx jipperikola s-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju. Fis-17 ta' Settembru 2020, fil-komunikazzjoni tagħha dwar l-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tal-2021, il-Kummissjoni ħabbret li l-klawżola liberatorja ġenerali kienet ser tibqa’ attiva fl-2021.

(2)

Fl-20 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni (3) (ir-“Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020”). Huwa rrakkomanda lil Franza biex tieħu l-miżuri kollha meħtieġa, f’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, biex b’hekk tindirizza l-pandemija tal-COVID-19 b’mod effettiv, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru li jirriżulta. Lil Franza rrakkomandalha wkoll biex, meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, issegwi politiki fiskali li jkollhom l-għan li jiksbu pożizzjonijiet fiskali prudenti fit-terminu medju u li jiggarantixxi s-sostenibbiltà tad-dejn, filwaqt li jsaħħu l-investiment.

(3)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2021 dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro tindika li jenħtieġ li l-politiki fiskali jibqgħu ta’ appoġġ fl-Istati Membri kollha taż-Żona tal-Euro matul l-2021 u li l-miżuri ta’ politika jitfasslu skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi għall-pajjiż u jkunu f’waqthom, temporanji u mmirati. Meta l-kundizzjonijiet epidemjoloġiċi u ekonomiċi jippermettu, il-miżuri ta’ emerġenza għandhom jitneħħew gradwalment, filwaqt li jiġi miġġieled l-impatt tal-kriżi fuq is-soċjetà u fuq is-suq tax-xogħol. Jenħtieġ li l-Istati Membri jsegwu politiki fiskali li jkunu mmirati lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju u li jiżguraw is-sostenibbiltà fejn jidħol id-dejn, filwaqt li jsaħħu l-investiment. L-Istati Membri jenħtieġ li jsegwu riformi li jsaħħu l-kopertura, l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa u tal-protezzjoni soċjali għal kulħadd.

(4)

Fit-18 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni adottat l-opinjonijiet tagħha dwar l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji tal-2021 tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro, li kienu bbażati fuq valutazzjoni kwalitattiva tal-miżuri fiskali. Il-Kummissjoni kienet tal-opinjoni li l-abbozz ta' pjan baġitarju ta' Franza kien ġeneralment konformi mar-rakkomandazzjonijiet dwar il-politika fiskali stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Lulju 2020, u li l-parti l-kbira tal-miżuri inklużi fl-abbozz ta' pjan baġitarju kienu jappoġġaw l-attività ekonomika fl-isfond ta' inċertezza konsiderevoli. Madankollu, xi miżuri ma dehrux li kienu temporanji jew akkumpanjati minn miżuri ta' kumpens.

(5)

In-NextGenerationEU, inkluża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, ser tiggarantixxi rkupru sostenibbli, inklużiv u ġust. Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ser tipprovdi sostenn finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' riformi u investiment, li jinvolvi impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. Din ser tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u għall-implimentazzjoni ta' riformi u investiment sostenibbli u li jsaħħu t-tkabbir, b'mod partikolari għall-promozzjoni tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u ser issaħħaħ ir-reżiljenza u t-tkabbir potenzjali tal-ekonomiji tal-Istati Membri. Hija ser tgħin ukoll lill-finanzi pubbliċi biex jerġgħu lura għal pożizzjonijiet aktar favorevoli fil-futur qrib u ser tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-finanzi pubbliċi sostenibbli, u għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil.

(6)

Fit-3 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li tipprovdi aktar orjentazzjonijiet ta’ politika biex jiġu ffaċilitati l-koordinazzjoni tal-politiki fiskali u t-tħejjija tal-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tal-Istati Membri. Jenħtieġ li l-pożizzjoni fiskali ġenerali meħuda, b’kont meħud tal-baġits nazzjonali u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, tibqa’ sservi ta’ sostenn fl-2021 u fl-2022. Fl-istess ħin, billi hu mistenni li fit-tieni nofs tal-2021 l-attività ekonomika tiġi gradwalment għan-normal, jenħtieġ li l-politiki fiskali tal-Istati Membri jsiru aktar differenzjati fl-2022. Jenħtieġ li l-politiki fiskali tal-Istati Membri jqisu l-istat tal-irkupru, is-sostenibbiltà fiskali u l-bżonn li jitnaqqsu d-diverġenzi ekonomiċi, soċjali u territorjali. Fid-dawl tal-bżonn li jingħata appoġġ lill-irkupru sostenibbli fl-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri b’riskji baxxi għas-sostenibbiltà jorjentaw il-baġits favur li tinżamm politika fiskali li sservi ta’ sostenn fl-2022, b'kont meħud tal-impatt tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Jenħtieġ li l-Istati Membri b’livelli għoljin ta’ dejn isegwu politiki fiskali prudenti, filwaqt li jippreservaw l-investiment iffinanzjat nazzjonalment u jagħmlu użu minn għotjiet taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jiffinanzjaw proġetti addizzjonali ta’ investiment ta' kwalità għolja u riformi strutturali. Għall-perjodu lil hinn mill-2022, jenħtieġ li l-politiki fiskali jkomplu jqisu s-saħħa tal-irkupru, il-grad tal-inċertezza ekonomika u kunsiderazzjonijiet ta' sostenibbiltà fiskali. L-iffukar mill-ġdid tal-politiki fiskali lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti f’terminu medju, inkluż bl-eliminazzjoni gradwali tal-miżuri ta’ sostenn meta jkun il-waqt, ser jikkontribwixxi biex tiġi ggarantita s-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju.

(7)

Fil-komunikazzjoni tagħha tat-3 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni uriet ukoll il-fehma li d-deċiżjoni dwar id-diżattivazzjoni jew l-applikazzjoni kontinwata tal-klawżola liberatorja ġenerali jenħtieġ li tittieħed bħala valutazzjoni ġenerali tal-istat tal-ekonomija, bil-livell tal-attività ekonomika fl-Unjoni jew fiż-Żona tal-Euro mqabbel mal-livelli ta’ qabel il-kriżi (mat-tmiem tal-2019) bħala kriterju kwantitattiv ewlieni. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, fit-2 ta’ Ġunju 2021 il-Kummissjoni qieset li l-kundizzjonijiet biex tkompli tapplika l-klawżola liberatorja ġenerali fl-2022 u biex tiddiżattivaha mill-2023 ġew issodisfati. Is-sitwazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi individwali ser ikomplu jiġu kkunsidrati wara d-diżattivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali.

(8)

Fit-30 ta’ April 2021, Franza ppreżentat il-Programm ta’ Stabbiltà tagħha għall-2021, f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.

(9)

Fl-2020, fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż ta' Franza kien ta’ 9,2 % tal-prodott domestiku gross (PDG), filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż żdied għal 115,7 % tal-PDG. It-tibdil annwali fil-bilanċ baġitarju primarju kien jammonta għal -6,2 % tal-PDG, inklużi l-miżuri baġitarji diskrezzjonali ta’ 3,3 % b’sostenn għall-ekonomija u t-tħaddim ta’ stabbilizzaturi awtomatiċi. Franza pprovdiet ukoll appoġġ ta’ likwidità lill-kumpaniji u lill-unitajiet domestiċi (bħal garanziji u differimenti tat-taxxa, li ma għandhomx impatt baġitarju dirett u immedjat), stmati għal 17,4 % tal-PDG; l-użu li fil-fatt sar mill-garanziji pubbliċi fl-2020 huwa stmat mill-Kummissjoni li hu bejn wieħed u ieħor ekwivalenti għal 6 % tal-PDG.

(10)

Fit-2 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni ħarġet rapport taħt l-Artikolu 126(3) tat-Trattat. Dak ir-rapport jiddiskuti s-sitwazzjoni baġitarja ta' Franza, billi fl-2020 id-defiċit tal-gvern estiż tagħha qabeż il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG stabbilit fit-Trattat, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż tagħha qabeż il-valur referenzjarju ta' 60 % tal-PDG stabbilit fit-Trattat u ma naqasx b'pass sodisfaċenti. Mir-rapport ħareġ li l-kriterju tad-defiċit ma kienx issodisfat u li ma kienx hemm konformità mal-kriterju tad-dejn.

(11)

Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji huwa kawt fl-2021 u l-2022. Il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2021 jipprojetta tkabbir tal-PDG ta’ 5 % u 4 % fl-2021 u l-2022 rispettivament, filwaqt li l-Kummissjoni tistenna li l-PDG jespandi b’5,7 % u 4,2 % fl-istess snin. Għall-2021, it-tkabbir ogħla mistenni mill-Kummissjoni huwa dovut għal kontribuzzjoni ogħla ta’ esportazzjoni domestika u netta għat-tkabbir milli fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2021. B’mod speċifiku, il-Kummissjoni tipprevedi konsum privat inqas dinamiku, filwaqt li l-investiment u l-esportazzjonijiet huma mistennija li jespandu aktar malajr milli fix-xenarju makroekonomiku fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2021. Għall-2022, it-tkabbir ogħla pprojettat mill-Kummissjoni huwa prinċipalment dovut għal kontribuzzjoni ogħla ta’ esportazzjonijiet netti għat-tkabbir, filwaqt li l-kontribuzzjoni globali tad-domanda domestika hija mistennija li tkun simili b’mod ġenerali għal din fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2021.

(12)

Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu għall-2021, il-gvern qed jippjana tnaqqis fid-defiċit tal-gvern estiż minn 9,2 % tal-PDG fl-2020 għal 9,0 % tal-PDG fl-2021, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn huwa ppjanat li jiżdied għal 117,8 % tal-PDG fl-2021. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà għall-2021, il-bidla fil-bilanċ baġitarju primarju fl-2021, meta mqabbel mal-livell ta’ qabel il-kriżi (2019) hija maħsuba li tkun -6,2 % tal-PDG, li tkun tirrifletti l-miżuri baġitarji diskrezzjonali ta’ 4,0 % tal-PDG f’appoġġ għall-ekonomija u t-tħaddim tal-istabbilizzaturi awtomatiċi. Dawn il-projezzjonijiet huma fuq l-istess linji tat-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni.

(13)

B’rispons għall-pandemija tal-COVID-19 u għar-reċessjoni ekonomika relatata magħha, Franza adottat miżuri baġitarji biex issaħħaħ l-kapaċità tas-sistema tas-saħħa tagħha, trażżan il-pandemija tal-COVID-19, u tgħin lil dawk l-individwi u s-setturi li kienu partikolarment milquta. Din ir-reazzjoni qawwija ta’ politika taffiet it-tnaqqis fil-PDG, li, min-naħa tiegħu, naqqas iż-żieda fid-defiċit tal-gvern u d-dejn pubbliku. Il-miżuri fiskali jenħtieġ li jimmassimizzaw l-appoġġ għall-irkupru mingħajr ma jantiċipaw traġettorji fiskali futuri. Għalhekk, il-miżuri jenħtieġ li jevitaw li joħolqu piż permanenti fuq il-finanzi pubbliċi. Meta l-Istati Membri jintroduċu miżuri permanenti, huma għandhom jiffinanzjawhom kif xieraq biex jiżguraw newtralità baġitarja fuq terminu medju. Il-miżuri li ħadet Franza fl-2020 u fl-2021 kienu konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020. Uħud mill-miżuri diskrezzjonarji adottati mill-gvern matul il-perjodu mill-2020 sal-2021, u mħabbra għall-2022, ma jidhrux li huma temporanji jew imqabbla b’miżuri ta’ tpaċija. Lil hinn mill-orizzont tat-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, fl-2023, l-impatt kumulattiv li jifdal ta’ dawk il-miżuri mhux temporanji huwa preliminarjament stmat għal madwar 1 % tal-PDG, li jikkonsisti prinċipalment fi tnaqqis permanenti fit-taxxi fuq il-produzzjoni, iż-żieda fil-pagi tal-impjegati taċ-ċivil, prinċipalment fis-sistema tal-kura tas-saħħa, kif ukoll trasferimenti ta’ kapital. Dawn il-miżuri mhux temporanji jinkludu wkoll investiment ta’ madwar 1/10 % tal-PDG, li huwa mistenni li jappoġġa t-tkabbir potenzjali fit-terminu medju, u b’hekk is-sostenibbiltà.

(14)

Il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2021 jassumi investiment u riformi ffinanzjati minn għotjiet permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza li jammontaw għal 0,7 % tal-PDG fl-2021 u 0,9 % mill-2022. It-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni jinkludi fil-projezzjonijiet baġitarji tiegħu għotjiet stmati ta’ 0,8 % u 0,4 % tal-PDG fl-2021 u l-2022, rispettivament.

(15)

L-indikaturi stabbiliti tal-aġġustament fiskali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1466/97 jenħtieġ li jiġu kkunsidrati fil-kuntest taċ-ċirkostanzi attwali. L-ewwel nett, hemm inċertezza sinifikanti dwar l-istimi tad-distakk fl-output. It-tieni, hemm il-ħtieġa li l-politika fiskali tkun lesta biex tadatta b’mod rapidu għall-evoluzzjoni tal-pandemija tal-COVID-19, b’bidla minn għajnuna ta’ emerġenza għal miżuri aktar immirati ladarba r-riskji tas-saħħa jonqsu. It-tielet, il-kuntest attwali huwa kkaratterizzat minn rispons ta’ politika sinifikanti biex jappoġġa l-attività ekonomika. Fil-preżenza ta’ trasferimenti mdaqqsa mill-baġit tal-Unjoni (bħal dawk mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza), l-indikaturi stabbiliti ma jirriflettux l-impuls kollu li l-politiki fiskali jipprovdu lill-ekonomija. F'dan l-isfond, il-bilanċ strutturali ma jidhirx adegwat fiċ-ċirkostanzi attwali. Il-parametru referenzjarju tan-nefqa wkoll jeħtieġ li jiġi adattat (5) u kkomplementat b’informazzjoni addizzjonali sabiex titkejjel bis-sħiħ l-orjentazzjoni tal-politika fiskali.

(16)

B’mod simili għall-approċċ segwit fil-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji tal-2021, il-miżuri temporanji ta’ emerġenza ġew esklużi mill-aggregat tan-nefqa. Dawn il-miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi jappoġġaw is-sistemi tas-saħħa u jikkumpensaw lill-ħaddiema u lill-kumpaniji għat-telf fid-dħul minħabba l-miżuri ta' lockdowns u l-interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista; it-treġġigħ lura tagħhom mill-awtoritajiet pubbliċi jiddependi mir-ritorn għan-normalità tas-sitwazzjoni ekonomika u tas-saħħa pubblika. Biex tiġi vvalutata l-pożizzjoni fiskali ġenerali meħuda fl-istadju attwali, it-trasferimenti mdaqqsa mill-baġit tal-Unjoni (bħal dawk mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza) għandhom jiġu inklużi fl-aggregat tan-nefqa rilevanti. Il-pożizzjoni fiskali ġenerali għalhekk titkejjel mill-bidla fin-nefqa primarja (netta minn miżuri diskrezzjonarji ta’ dħul u bl-esklużjoni ta’ miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi) inkluża n-nefqa ffinanzjata minn għotjiet taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni. Lil hinn mill-pożizzjoni fiskali ġenerali, l-analiżi għandha l-għan ukoll li tivvaluta jekk il-politika fiskali nazzjonali hijiex prudenti u jekk il-kompożizzjoni tagħha twassalx għal irkupru sostenibbli konsistenti mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Għal dik ir-raġuni, tingħata attenzjoni partikolari lill-evoluzzjoni tal-infiq primarju kurrenti u l-investiment iffinanzjat nazzjonalment.

(17)

Fil-Programm ta’ Stabbiltà tagħha għall-2021, id-defiċit tal-gvern estiż ta’ Franza huwa ppjanat li jonqos għal 5,3 % tal-PDG fl-2022, prinċipalment minħabba t-terminazzjoni tal-miżuri temporanji ta’ appoġġ adottati fl-2020 u fl-2021. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż huwa ppjanat li jonqos għal 116,3 % tal-PDG fl-2022. Filwaqt li l-projezzjoni tad-dejn hija konformi mat-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, il-proġettazzjoni tad-defiċit hija ogħla mit-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, prinċipalment minħabba d-defiċit aktar baxx mistenni mill-Kummissjoni fl-2021 u x-xenarju makroekonomiku kemxejn inqas favorevoli fil-Programm ta’ Stabbiltà 2021. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, u fuq il-bażi tal-metodoloġija speċifika li tirrifletti l-isfidi msemmija hawn fuq, il-pożizzjoni fiskali ġenerali meħuda – inkluż l-impatt fuq id-domanda aggregata fl-2022 minn investiment iffinanzjat kemm mill-baġits nazzjonali kif ukoll tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza – hija stmata li tkun newtrali (6). Il-kontribuzzjoni pożittiva tan-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni hija pprojettata li tonqos b’0,3 punti perċentwali tal-PDG. L-investiment iffinanzjat nazzjonalment huwa pprojettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,2 ta’ punt perċentwali tal-PDG (7). In-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fuq livell nazzjonali (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji) hija pprojettata li tipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,2 ta’ punt perċentwali tal-PDG.

(18)

Il-kwalità tal-miżuri baġitarji tal-Istati Membri tidher partikolarment importanti. Ir-riformi strutturali fiskali mmirati lejn it-titjib tal-kompożizzjoni tal-baġits nazzjonali jistgħu jappoġġaw it-tkabbir potenzjali, joħolqu spazju fiskali tant meħtieġ u jgħinu biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fiskali fit-terminu twil, inkluż fid-dawl tat-tibdil fil-klima u l-isfidi tas-saħħa. Mil-lat tad-dħul, il-kriżi tal-COVID-19 saħħet l-importanza tar-riformi għal sistemi ta’ dħul pubbliku aktar effiċjenti u ġusti. Min-naħa tan-nefqa, sar saħansitra aktar kruċjali li jiżdiedu l-livell u l-kwalità ta’ investimenti sostenibbli u li jsaħħu t-tkabbir, b’mod konsistenti mal-objettivi tat-tisħiħ tal-potenzjal tat-tkabbir, ir-reżiljenza ekonomika u soċjali u t-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali. Il-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza ser jippermettu li tittejjeb il-kompożizzjoni tal-baġits nazzjonali.

(19)

Skont il-pjanijiet baġitarji ta’ terminu medju tal-Programm ta’ Stabbiltà għall-2021, id-defiċit tal-gvern estiż huwa ppjanat li jonqos minn 4,4 % fl-2023, għal 3,9 % fl-2024, 3,5 % fl-2025, 3,2 % fl-2026. Id-defiċit tal-gvern estiż huwa ppjanat li ma jibqax jaqbeż it-3 % tal-PDG fl-2027 meta jilħaq it-2,8 % tal-PDG. Fuq il-bażi tal-Programm ta’ Stabbiltà għall-2021, il-pożizzjoni fiskali ġenerali meħuda – inkluż l-impatt fuq id-domanda aggregata minn investiment iffinanzjat kemm mill-baġits nazzjonali kif ukoll tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza – hija stmata għal 0,4 % tal-PDG fl-2023 u l-2024 bħala medja. Il-programm ma jinkludix l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu stmati l-kontribuzzjonijiet tan-nefqa ffinanzjata mill-Unjoni, l-investiment iffinanzjat b’mod nazzjonali u n-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata b’mod nazzjonali għall-pożizzjoni fiskali ġenerali. L-istima attwali tat-tkabbir potenzjali nominali medju fuq 10 snin hija ta’ 2¼ % (8). Madankollu, din l-istima ma tinkludix l-impatt tar-riformi li huma parti mill-pjan ta’ rkupru u reżiljenza u li jistgħu għalhekk jagħtu spinta lit-tkabbir potenzjali ta' Franza.

(20)

Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż huwa ppjanat li jiżdied minn 117,2 % tal-PDG fl-2023 għal 118,0 % fl-2024 u għal 118,3 % tal-PDG fl-2025, qabel ma jonqos għal 118,2 % u 117,7 % tal-PDG fl-2026 u l-2027, rispettivament. Fid-dawl tal-proporzjon għoli tad-dejn, li huwa previst li jonqos biss gradwalment maż-żmien, Franza titqies li qed tiffaċċa riskji għolja ta’ sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju, skont l-aħħar analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn.

(21)

Fid-dawl tal-livell ta’ inċertezza li bħalissa għadu eċċezzjonalment għoli, il-gwida tal-politika fiskali għandha tibqa’ fil-biċċa l-kbira kwalitattiva. Gwida kwantifikata aktar preċiża għas-snin ta’ wara għandha tiġi pprovduta fl-2022, jekk il-grad ta’ inċertezza jkun naqas b’mod suffiċjenti sa dak iż-żmien.

(22)

Il-Kunsill ivvaluta l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2021 u s-segwitu minn Franza għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020,

B’DAN JIRRAKKOMANDA LI FRANZA:

1.   

Fl-2022, tuża l-Faċilità ta’ Rkupru u Reżiljenza biex tiffinanzja investiment addizzjonali b’appoġġ għall-irkupru filwaqt li ssegwi politika fiskali prudenti. Tippreserva investiment iffinanzjat b’mod nazzjonali.

2.   

Meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jkunu jippermettu, issegwi politika fiskali mmirata li tikseb pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju u li tiżgura s-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju. Fl-istess ħin, issaħħaħ l-investiment biex tingħata spinta lill-potenzjal tat-tkabbir.

3.   

Tagħti attenzjoni partikolari għall-kompożizzjoni tal-finanzi pubbliċi, kemm min-naħa tad-dħul kif ukoll min-naħa tan-nefqa tal-baġit, u għall-kwalità tal-miżuri baġitarji sabiex tiggarantixxi rkupru sostenibbli u inklużiv. Tagħti prijorità lill-investiment sostenibbli u li jsaħħaħ it-tkabbir, b’mod partikolari lill-investiment li jappoġġa t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Tagħti prijorità lir-riformi strutturali fiskali li ser jgħinu biex jipprovdu finanzjament għall-prijoritajiet tal-politika pubblika u jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, inkluż, fejn rilevanti, billi jsaħħu l-kopertura, l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa u tal-protezzjoni soċjali għal kulħadd.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-18 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. LEÃO


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6)

(3)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 ta’ Franza u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 ta’ Franza (ĠU C 282, 26.8.2020, p. 62).

(4)  Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).

(5)  B'mod partikolari, il-livellar ta' erba' snin tal-investiment użat fil-parametru referenzjarju tan-nefqa ma jippermettix valutazzjoni xierqa tal-appoġġ fiskali għall-irkupru pprovdut minn investimenti ffinanzjati nazzjonalment.

(6)  Sinjal negattiv tal-indikatur jikkorrispondi għal eċċess tat-tkabbir fin-nefqa primarja meta mqabbel mat-tkabbir ekonomiku fit-terminu medju, li jindika politika fiskali espansjonarja.

(7)  Nefqa kapitali oħra ffinanzjata nazzjonalment hija pproġettata li tipprovdi kontribuzzjoni newtrali.

(8)  Stmat mill-Kummissjoni, skont il-metodoloġija miftehma bejn kulħadd.