31.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 112/5


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/554

tat-30 ta’ Marzu 2021

dwar il-forma, il-kontenut, il-limiti taż-żmien u l-livell ta’ dettall li għandhom jingħataw fin-notifiki skont il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 32 tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (1) (il-Kodiċi), u b’mod partikolari, l-Artikolu 34 tagħha,

Billi:

(1)

Skont il-Kodiċi, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (NRAs) għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq intern billi jaħdmu flimkien, mal-Kummissjoni u mal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) skont ir-Regolament (UE) 2018/1971 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), b’mod trasparenti biex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti tal-Kodiċi fl-Istati Membri kollha.

(2)

Biex ikun żgurat li d-deċiżjonijiet meħuda fil-livell nazzjonali ma jaffettwawx ħażin is-suq intern għall-komunikazzjonijiet elettroniċi jew l-objettivi tal-qafas regolatorju, l-NRAs huma meħtieġa jinnotifikaw lill-Kummissjoni, lill-BEREC u lill-NRAs fi Stati Membri oħra bl-abbozzi tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi. Għalhekk, din in-notifika tikkostitwixxi rekwiżit proċedurali essenzjali. Konsegwentement, nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-rekwiżit, inkluż fil-każ ta’ abbozzi ta’ deċiżjonijiet li jispeċifikaw jew jimmodifikaw obbligi regolatorji notifikati qabel, jista’ jwassal għall-annullament tal-miżura f’konformità mal-liġi nazzjonali (3).

(3)

L-Artikoli 32 u 33 tal-Kodiċi jistabbilixxu ċerti proċeduri u limiti taż-żmien vinkolanti għall-kunsiderazzjoni tan-notifiki.

(4)

Biex tiġi żgurata l-effettività tal-kooperazzjoni u l-mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni, u biex jingħata kontribut għaċ-ċertezza legali, ir-rakkomandazzjonijiet li jikkonċernaw l-aspetti proċedurali ewlenin tan-notifiki magħmula skont id-dispożizzjonijiet rilevanti ġew introdotti mir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/561/KE (4). Ir-Rakkomandazzjoni 2003/561/KE wara ġiet issostitwita bir-Rakkomandazzjoni 2008/850/KE (5) bil-għan li tiġi ssimplifikata u mtejba aktar il-gwida dwar il-proċess ta’ notifika. Din ir-Rakkomandazzjoni taġġorna l-gwida applikabbli biex tirrifletti l-prattika riċenti u takkomoda d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi.

(5)

Il-kuntatti ta’ qabel in-notifika biex jiġu diskussi kwistjonijiet formali u sostantivi dwar l-abbozzi tal-miżuri qabel in-notifika formali wrew li huma utli ħafna kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għall-NRAs, li ta’ spiss talbuhom. Waqt dawn l-iskambji, l-NRAs għandhom l-opportunità li jippreżentaw l-abbozz tal-miżuri tagħhom u jkollhom diskussjoni miftuħa mas-servizzi tal-Kummissjoni dwar il-miżuri nazzjonali proposti. Għalhekk, l-NRAs jenħtieġ jitħeġġu jitolbu kuntatti ta’ qabel in-notifika kmieni kemm jista’ jkun, qabel jew/u wara l-konsultazzjonijiet nazzjonali tagħhom, speċjalment għall-abbozzi tal-miżuri li jikkonċernaw ir-rieżamijiet tas-suq.

(6)

Il-kuntatti bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-NRAs notifikanti huma previsti fi stadji differenti tal-proċess ta’ notifika, inkluż meta s-servizzi tal-Kummissjoni jitolbu informazzjoni addizzjonali mingħand l-NRA jew immedjatament wara li l-Kummissjoni tadotta ittri bil-kummenti jew mingħajr kummenti jew deċiżjonijiet li jiftħu fażi fil-fond tal-investigazzjoni.

(7)

Il-Kodiċi jippermetti lill-NRAs jirtiraw abbozz ta’ miżura notifikat fi kwalunkwe ħin. Meta l-abbozz tal-miżura notifikat jiġi rtirat fil-perjodu inizjali ta’ xahar, il-miżura notifikata titneħħa dejjem mir-reġistru fl-interfaċċa elettronika sigura (6). Meta iżda, l-abbozz tal-miżura notifikat jiġi rtirat biss wara li l-Kummissjoni tkun ħarġet deċiżjoni li tirrikjedi lill-NRA tirtira dak l-abbozz ta’ miżura skont l-Artikolu 32(6), il-punt (a) tal-Kodiċi, il-miżura inizjalment notifikata tibqa’ fl-interfaċċa elettronika sigura għal finijiet ta’ trasparenza. Fi kwalunkwe każ, in-notifika tal-irtirar tiġi ppubblikata fit-taqsima pubblika tal-interfaċċa elettronika sigura.

(8)

Biex tagħti aktar gwida lill-NRAs dwar il-kontenut tal-abbozzi tal-miżuri, din ir-Rakkomandazzjoni tidentifika ċerta informazzjoni minima li jenħtieġ tingħata dwar il-kontenut tal-abbozzi tal-miżuri biex dawn ikunu jistgħu jiġu vvalutati kif xieraq. Dan jenħtieġ inaqqas ukoll l-ammont ta’ informazzjoni li sussegwentement tintalab mill-Kummissjoni matul il-valutazzjoni tan-notifika.

(9)

Għandha titqies il-ħtieġa li tiġi żgurata valutazzjoni effettiva, min-naħa, u li jiġu ssimplifikati kemm jista’ jkun il-proċeduri amministrattivi, min-naħa l-oħra. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li l-mekkaniżmu ta’ notifika ma jkun jinvolvi l-ebda piż amministrattiv żejjed fuq il-partijiet ikkonċernati. Biex jgħinu fis-simplifikazzjoni tal-eżami tal-abbozz tal-miżura notifikat mill-Kummissjoni, mill-BEREC u minn NRAs oħra, u biex iħaffu l-proċess, l-NRAs jenħtieġ jużaw sett ta’ formoli għan-notifiki.

(10)

Biex tiżdied it-trasparenza dwar abbozz ta’ miżura notifikat u biex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni dwar tali miżuri bejn l-NRAs, il-BEREC u l-Kummissjoni, kemm il-Formola Standard ta’ Notifika kif ukoll il-Formola Qasira ta’ Notifika li jsiru pubbliċi jenħtieġ ikun fihom deskrizzjoni fil-qosor ċara tal-elementi ewlenin tal-abbozz tal-miżura li jrid jiġi nnotifikat. Il-mudelli ta’ dawk il-formoli jindikaw li l-informazzjoni meħtieġa fit-taqsimiet tal-mudell jenħtieġ tingħata meta applikabbli, u dan ifisser li mhux l-informazzjoni kollha tista’ tkun rilevanti f’kull każ individwali.

(11)

Jenħtieġ li tintuża Formola Qasira ta’ Notifika għal ċerti kategoriji ta’ abbozzi ta’ miżuri ta’ natura rikorrenti u/jew teknika biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq il-partijiet kollha kkonċernati. L-NRAs ta’ spiss jemendaw id-dettalji tekniċi tar-rimedji imposti qabel biex iqisu l-bidliet fl-indikaturi jew il-fatturi ekonomiċi rilevanti (bħal bidliet fil-kost tat-tagħmir, il-kost lavorattiv, ir-rata tal-inflazzjoni, jew ir-rati tal-kiri tal-proprjetà), jew biex jaġġornaw it-tbassir jew is-suppożizzjonijiet. Huma biss il-bidliet jew l-aġġornamenti tad-dettalji li ma jbiddlux in-natura jew il-kamp ta’ applikazzjoni ġenerali tar-rimedji diġà eżistenti li jenħtieġ jiġu nnotifikati permezz tal-Formola Qasira ta’ Notifika. Il-valutazzjoni ta’ dawk it-tipi ta’ abbozzi ta’ miżuri aktarx tkun inqas kumplessa; għalhekk, kif diġà ġara fil-passat, din tista’ titlesta mill-Kummissjoni f’inqas minn perjodu ta’ xahar. Bl-istess mod, il-prattika tal-Kummissjoni fil-passat turi li l-valutazzjoni ta’ dawk it-tipi ta’ abbozzi ta’ miżuri spiss ma wasslitx għal kummenti mill-Kummissjoni lill-NRA skont l-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi. Għalhekk, fir-Rakkomandazzjoni hu ċċarat f’liema sitwazzjonijiet tista’ tintuża l-Formola Qasira ta’ Notifika.

(12)

Min-naħa l-oħra, bidliet materjali fin-natura jew fl-ambitu tar-rimedji li jkollhom impatt apprezzabbli fuq is-suq, bħal emendi fil-metodoloġiji użati għall-kalkolu tal-kostijiet jew tal-prezzijiet (7), id-determinazzjoni tal-perkorsi ’l isfel jew il-bidliet fil-livelli tal-prezzijiet (ħlief għall-aġġornamenti tal-prezzijiet li sempliċiment jirriflettu l-bidliet fl-indikaturi jew il-fatturi ekonomiċi rilevanti deskritti hawn fuq), jenħtieġ jiġu notifikati permezz tal-Formola Standard ta’ Notifika.

(13)

Is-sett ta’ formoli ta’ notifika jenħtieġ jinkludi wkoll, meta applikabbli, indikazzjonijiet dwar il-kontenut tan-notifiki relatati mad-dispożizzjonijiet il-ġodda introdotti mill-Kodiċi. Dan jinkludi b’mod partikolari notifiki li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 61 u 76 tal-Kodiċi (obbligi ta’ aċċess simmetriku u offerti ta’ koinvestiment) u fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 78 sa 81 tal-Kodiċi (separazzjoni volontarja, impenji, impriżi bl-ingrossa biss u migrazzjoni minn infrastruttura antika).

(14)

Il-mekkaniżmu li jippermetti lill-Kummissjoni titlob lill-NRAs jirtiraw il-miżuri ppjanati li jikkonċernaw id-definizzjoni tas-suq u d-deżinjazzjoni tal-impriżi bħala li għandhom saħħa sinifikanti fis-suq, meta dawn il-miżuri jkunu joħolqu ostaklu għas-suq intern jew ikunu inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, ikkontribwixxa b’mod sinifikanti għal approċċi regolatorji konsistenti fost l-Istati Membri. Il-mekkaniżmu wera li huwa effettiv biex jiċċara ċ-ċirkostanzi li fihom jenħtieġ li tiġi applikata regolamentazzjoni ex ante.

(15)

L-esperjenza tal-proċedura tas-suq intern skont l-Artikoli 7 u 7a tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) uriet li l-inkonsistenzi fl-applikazzjoni tar-rimedji mill-NRAs f’kundizzjonijiet simili tas-suq jistgħu jimminaw is-suq intern fil-komunikazzjonijiet elettroniċi.

(16)

Il-Kodiċi ta setgħat ġodda lill-Kummissjoni, meta l-BEREC qasam it-tħassib tiegħu, biex titlob lil NRA tirtira abbozzi ta’ miżuri relatati ma’ (i) l-estensjoni tal-obbligi lil hinn mill-ewwel konċentrazzjoni jew punt ta’ distribuzzjoni biex tindirizza ostakli ekonomiċi jew fiżiċi kbar u mhux tranżitorji għar-replikazzjoni (l-Artikolu 61(3) tal-Kodiċi), jew (ii) it-trattament regolatorju ta’ networks ġodda ta’ kapaċità għolja ħafna (VHCN) (l-Artikolu 76 tal-Kodiċi).

(17)

Biex jintlaħqu l-objettivi ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3 tal-Kodiċi, b’mod partikolari l-objettivi li jitneħħew l-ostakli li fadal għas-suq intern u li tiġi promossa l-prevedibbiltà regolatorja, hija essenzjali l-konformità sħiħa mal-mekkaniżmu ta’ notifika stabbilit fl-Artikolu 32 tal-Kodiċi.

(18)

Bil-għan li jiżdiedu t-trasparenza u l-effettività tal-mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni tal-Artikolu 32, il-Kummissjoni, NRAs oħra u l-BEREC jenħtieġ ikunu jistgħu jivverifikaw minnufih jekk u kif l-NRA notifikanti tkun qieset il-kummenti pprovduti dwar abbozz ta’ miżura notifikat. Għal dan il-għan, meta l-NRA tikkomunika l-miżura adottata lill-Kummissjoni, lill-BEREC jew lil NRAs oħra, wara li tkun irċeviet il-kummenti tagħhom, din jenħtieġ li tispeċifika l-mod li bih tkun qieset dawk il-kummenti bl-akbar serjetà.

(19)

It-talbiet tal-NRAs biex jestendu l-iskadenza għan-notifika ta’ analiżi ġdida tas-suq skont l-Artikolu 67(5) tal-Kodiċi għandu jkun fihom informazzjoni suffiċjenti u motivata li tippermetti lill-Kummissjoni tivvaluta jekk tagħtix l-estensjoni mitluba.

(20)

Skont l-Artikolu 34 tal-Kodiċi, il-BEREC ta l-opinjoni tiegħu dwar din ir-Rakkomandazzjoni (9) fit-12 ta’ Frar 2021,

B’DAN TIRRAKKOMANDA:

Mezzi ta’ komunikazzjoni

1.

L-NRAs huma mħeġġa jaħtfu l-opportunità li jiddiskutu b’mod informali mas-servizzi tal-Kummissjoni kwalunkwe sejba preliminari jew mistoqsijiet relatati ma’ abbozzi ta’ miżuri futuri f’laqgħa ta’ qabel in-notifika (inkluż b’telefonata jew b’vidjokonferenza, meta jkun aktar konvenjenti). Dawn il-kuntatti ta’ qabel in-notifika jenħtieġ jitħeġġu, qabel u/jew wara l-konsultazzjoni nazzjonali prevista fl-Artikolu 23(1) tal-Kodiċi. Dawn il-kuntatti ta’ qabel in-notifika għandhom importanza partikolari għall-abbozzi tal-miżuri li jikkonsistu f’rieżamijiet tas-suq iżda rilevanti wkoll għar-rimedji. F’dak il-każ, b’mod partikolari meta l-abbozz tal-miżura jkun soġġett għal bidliet sinifikanti wara l-konsultazzjoni pubblika, iil-kuntatti addizzjonali ta’ qabel in-notifika huma mħeġġa qabel in-notifika formali ta’ dawk il-miżuri skont l-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi.

2.

L-NRAs jenħtieġ jissottomettu n-notifiki permezz tal-interfaċċa elettronika sigura identifikata mill-Kummissjoni.

3.

Fejn, għal raġunijiet tekniċi jew oħrajn, id-dokumenti relatati man-notifika ma jkunux jistgħu jittellgħu fl-interfaċċa elettronika sigura, l-NRA tista’ tibgħat id-dokumenti lill-Kummissjoni bil-posta elettronika. Iżda l-NRAs l-oħra u l-BEREC jistgħu jaċċessaw mingħajr dewmien dawn id-dokumenti fl-interfaċċa elettronika sigura fejn tkun issejvjathom il-Kummissjoni. L-NRA jenħtieġ li ttella’ kwalunkwe dokument, mibgħut b’mod eċċezzjonali bil-posta elettronika, fl-interfaċċa elettronika sigura hekk kif dan ikun teknikament possibbli.

4.

Wara li tittella’ notifika fl-interfaċċa elettronika sigura (reġistrazzjoni) tan-notifiki, il-Kummissjoni tista’ tibgħat talba lill-NRA għal informazzjoni jew għal kjarifika f’konformità mal-Artikolu 20(2) tal-Kodiċi. Hu rakkomandat li l-NRAs jipprovdu l-informazzjoni mitluba fi żmien tlett ijiem tax-xogħol (10), jekk din tkun disponibbli mill-ewwel. L-NRAs jenħtieġ jinfurmaw lis-servizzi tal-Kummissjoni bi kwalunkwe problema li jiltaqgħu magħha biex jissodisfaw din l-iskadenza.

5.

Meta NRA oħra jew il-BEREC jagħmlu kummenti dwar notifika, din tista’ toħroġ dawn il-kummenti bi kwalunkwe lingwa uffiċjali li tagħżel, li tista’ tiffaċilita l-konsultazzjoni tagħhom mill-NRAs l-oħra kollha. Jenħtieġ tikkomunika dawk il-kummenti lill-Kummissjoni, lill-BEREC u lill-NRAs l-oħra, b’mezzi elettroniċi, l-aħjar billi ttellagħhom fit-taqsima pubblika tal-interfaċċa elettronika sigura tal-Kummissjoni.

6.

L-NRAs jenħtieġ jidentifikaw u jirrevedu kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali, u jitolbu korrezzjoni ta’ kwalunkwe żball li jkun hemm fl-ittra tal-Kummissjoni bil-kummenti jew mingħajr kummenti fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol, qabel ma din tal-aħħar tiġi ppubblikata fit-taqsima pubblika tal-interfaċċa elettronika sigura tal-Kummissjoni.

7.

NRA tista’ tiddeċiedi fi kwalunkwe ħin li tirtira l-abbozz tal-miżura notifikat. F’dan il-każ, l-NRA jenħtieġ ittella’ Notifika tal-Irtirar fl-interfaċċa elettronika sigura.

8.

Meta l-NRA tadotta abbozz ta’ miżura, li jkun ġie nnotifikat minn qabel skont l-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi, wara li tkun irċeviet kummenti mill-Kummissjoni, mill-BEREC jew minn xi NRA oħra, din jenħtieġ li tikkomunika lill-Kummissjoni, lill-BEREC u lill-NRAs l-oħra kemm il-miżura adottata kif ukoll il-mod li bih tkun qieset dawk il-kummenti bl-akbar serjetà. Biex tiżdied it-trasparenza, u jiġu ffaċilitati l-proċeduri għall-komunikazzjoni tal-miżuri adottati, l-NRAs jenħtieġ jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-miżuri adottati tagħhom billi jimlew u jissottomettu l-formola stabbilita fl-Anness IV, flimkien mal-miżura adottata.

Il-livell ta’ dettall li għandu jkun hemm fin-notifiki

9.

In-notifiki jenħtieġ ikunu bi kwalunkwe waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni. Il-Formola Standard ta’ Notifika (l-Annessi I u II) jew il-Formola Qasira ta’ Notifika (l-Anness III), li flimkien jissejħu “is-sett ta’ formoli ta’ notifika”, u l-komunikazzjoni tal-miżuri adottati (l-Anness IV) jistgħu jsiru bi kwalunkwe lingwa uffiċjali li tista’ tiffaċilita l-iskambji bejn l-NRAs u l-BEREC.

10.

L-abbozzi tal-miżuri notifikati minn NRA jenħtieġ ikunu sostanzjati kif xieraq u akkumpanjati minn kwalunkwe dokumentazzjoni oħra meħtieġa għall-valutazzjoni tal-miżura. L-informazzjoni kollha mressqa mill-NRAs jenħtieġ tkun kompluta u mqassra fuq il-formola ta’ notifika.

11.

Biex tittejjeb l-effiċjenza tal-mekkaniżmu ta’ notifika, tiżdied iċ-ċertezza legali għall-NRAs u għall-parteċipanti fis-suq u tiġi żgurata l-implimentazzjoni fil-ħin tal-miżuri regolatorji, hu mixtieq li notifika minn NRA li tkopri analiżi tas-suq, tkun tinkludi wkoll ir-rimedji proposti mill-NRA biex tindirizza n-nuqqasijiet tas-suq identifikati, meta possibbli. Meta l-abbozz tal-miżura jkun relatat ma’ suq li jinstab li huwa kompetittiv u diġà jeżistu rimedji fir-rigward ta’ dak is-suq, in-notifika jenħtieġ li tinkludi wkoll il-proposta li jiġu rtirati dawk l-obbligi.

12.

Is-sett ta’ formoli ta’ notifika mhumiex maħsuba biex jissostitwixxu l-abbozz tal-miżura notifikat, iżda l-użu korrett tagħhom jenħtieġ ikun jippermetti lill-Kummissjoni, lill-BEREC u lill-NRAs tal-Istati Membri l-oħra jivverifikaw li l-abbozz tal-miżura notifikat tabilħaqq ikun fih l-informazzjoni kollha meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom skont l-Artikoli 32 u 33 tal-Kodiċi fil-perjodu taż-żmien stabbilit fih.

13.

L-informazzjoni mitluba jenħtieġ tingħata mill-NRA fit-taqsimiet rilevanti tal-formola ta’ notifika, b’kontroreferenzi għall-parti tal-abbozz tal-miżura notifikat fejn għandha tinsab din l-informazzjoni.

14.

L-NRAs huma mħeġġa jiddiskutu minn qabel mal-Kummissjoni, speċjalment waqt kuntatti informali ta’ qabel in-notifika, kwalunkwe mistoqsija dwar jekk miżura nazzjonali partikolari taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi, u dwar il-forma jew is-sustanza tan-notifiki ppjanati. Għaldaqstant, l-NRAs huma mħeġġa jikkonsultaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe aspett jew mistoqsija dwar is-sett ta’ formoli ta’ notifika u, b’mod partikolari, dwar it-tip ta’ informazzjoni li jintalbu jipprovdu.

Notifika permezz ta’ Formola Standard ta’ Notifika

15.

L-abbozzi ta’ miżuri jenħtieġ ikunu disponibbli għall-Kummissjoni, għall-BEREC u għall-NRAs l-oħra flimkien ma’ Formola Standard ta’ Notifika mimlija kif xieraq kif stabbilit fl-Anness I u II, ħlief fil-każijiet imsemmija fil-punt 18 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

16.

L-abbozzi tal-miżuri notifikati jenħtieġ jinkludu kull waħda minn dawn li ġejjin, meta applikabbli:

(a)    informazzjoni meħtieġa għan-notifiki kollha permezz ta’ Formola Standard ta’ Notifika

(1)

id-dati u r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika minn qabel imwettqa mill-NRA;

(2)

l-opinjoni maħruġa mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, meta din tkun ipprovduta;

(b)    informazzjoni addizzjonali meħtieġa għan-notifiki ta’ abbozz ta’ miżura relatata mal-analiżi tas-suq u l-impożizzjoni ta’ rimedji (l-Artikoli 64, 67 u 68 tal-Kodiċi)

(1)

is-suq tal-prodott jew tas-servizz (11) rilevanti, b’mod partikolari, deskrizzjoni tal-prodotti u s-servizzi li jridu jiġu inklużi u esklużi mis-suq rilevanti abbażi ta’ sostitwibbiltà min-naħa tad-domanda u min-naħa tal-provvista. meta, għall-finijiet tal-analiżi tas-suq, l-abbozz tal-miżura jiddefinixxi suq rilevanti li jkun differenti minn dawk fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2245 (12), l-NRAs jenħtieġ juru li l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 67(1) tal-Kodiċi huma ssodisfati;

(2)

is-suq ġeografiku rilevanti, inkluż analiżi raġunata tal-kundizzjonijiet kompetittivi abbażi tas-sostitwibbiltà min-naħa tad-domanda u min-naħa tal-provvista, kif ukoll informazzjoni u data użati fl-analiżi ġeografika, rigward l-għażla tal-unità ġeografika bażika, l-indikaturi strutturali u tal-imġiba użati (jiġifieri, meta applikabbli, l-għadd ta’ networks li jikkompetu, l-ishma tas-suq u x-xejriet tal-ishma, l-analiżi tal-imġiba tal-ipprezzar jew prezzijiet differenti fil-livell reġjonali, u tendenzi fl-imġiba) (13);

(3)

l-impriżi prinċipali attivi fis-suq rilevanti;

(4)

ir-riżultati tal-analiżi tas-suq rilevanti, b’mod partikolari s-sejbiet dwar il-preżenza jew l-assenza ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq bl-ingrossa rilevanti u, l-analiżi tas-suq bl-imnut korrispondenti, inkluż ir-raġunijiet għal dik il-preżenza jew l-assenza, jiġifieri l-abbozz tal-miżura notifikat jenħtieġ ikun fih l-ishma tas-suq (preferibbilment kemm f’termini ta’ valur kif ukoll ta’ volum) tal-impriżi differenti u t-tendenzi f’dawn l-ishma tas-suq u referenza għal kriterji rilevanti oħra, kif xieraq, bħall-ostakli għad-dħul, l-ekonomiji ta’ skala u ta’ firxa, l-integrazzjoni vertikali, il-kontroll tal-infrastruttura li ma tiġix idduplikata faċilment, il-vantaġġi teknoloġiċi jew is-superjorità, in-nuqqas ta’ saħħa kompensatorja tax-xerrej jew saħħa kompensatorja tax-xerrej baxxa, l-aċċess faċli jew privileġġat għas-swieq kapitali/riżorsi finanzjarji, id-daqs ġenerali tal-impriża, id-diversifikazzjoni tal-prodotti/servizzi, in-network ta’ distribuzzjoni u bejgħ żviluppat ħafna, in-nuqqas ta’ kompetizzjoni potenzjali u l-ostakli għall-espansjoni;

(5)

meta jkun il-każ, l-impriżi li se jiġu ddeżinjati li għandhom, individwalment jew b’mod konġunt, saħħa sinifikanti fis-suq u r-raġunament, l-evidenza u kwalunkwe informazzjoni fattwali rilevanti oħra b’appoġġ għal din id-deżinjazzjoni;

(6)

fil-każ ta’ notifika ta’ abbozzi tal-miżuri li huma fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 68 tal-Kodiċi, l-obbligi regolatorji speċifiċi proposti biex jindirizzaw in-nuqqas ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq rilevanti kkonċernat jew, meta jinstab li suq rilevanti jkun effettivament kompetittiv u dawn l-obbligi jkunu diġà ġew imposti fuq dak is-suq, l-abbozzi tal-miżuri proposti biex jiġu rtirati dawk l-obbligi;

(7)

għall-abbozzi tal-miżuri li huma fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 76(2) tal-Kodiċi, in-notifika jenħtieġ tinkludi b’mod partikolari: deskrizzjoni dettaljata tal-impenn offrut mill-operatur sinifikanti tas-saħħa fis-suq u kif jikkonforma mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 76(1) tal-Kodiċi, deskrizzjoni tat-trattament regolatorju tal-elementi ġodda tan-netwerk tan-netwerks b’kapaċità kbira ħafna soġġetti għall-impenn, l-entitajiet li jikkoinvestu, il-grad tal-koinvestiment tagħhom u r-rwol kompetittiv probabbli tagħhom fis-suq, u, meta rilevanti, deskrizzjoni tar-rimedji imposti abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 76(2) tal-Kodiċi u l-ġustifikazzjoni għall-impożizzjoni, iż-żamma jew l-adattament ta’ dawk ir-rimedji;

(8)

għal abbozzi tal-miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 79 tal-Kodiċi, in-notifika jenħtieġ tinkludi d-deċiżjoni tal-impenn (meta din tkun distinta mill-abbozz tal-miżura), deskrizzjoni dettaljata tal-kundizzjonijiet aċċettati mill-NRA u n-natura u r-riżultati tat-test tas-suq imwettaq;

(9)

għal abbozzi tal-miżuri li huma fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 80 tal-Kodiċi, in-notifika jenħtieġ tinkludi l-informazzjoni rilevanti li turi fid-dettall li l-kundizzjonijiet għat-tneħħija ta’ wħud mill-obbligi tas-saħħa sinifikanti fis-suq, skont l-Artikolu 80(1) tal-Kodiċi, huma ssodisfati;

(10)

in-notifiki magħmula skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 68(3) tal-Kodiċi jenħtieġ jinkludu wkoll raġunament adegwat li jappoġġa t-talba lill-Kummissjoni dwar għalfejn l-obbligi għall-aċċess jew l-interkonnessjoni minbarra dawk elenkati fl-Artikoli 69 sa 74 u l-Artikoli 76 u 80 tal-Kodiċi jenħtieġ jiġu imposti fuq l-operaturi li għandhom saħħa sinifikanti fis-suq;

(11)

in-notifiki li huma fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 68(5) tal-Kodiċi jenħtieġ jinkludu wkoll raġunament adegwat dwar għalfejn l-abbozzi tal-miżuri maħsuba huma meħtieġa biex jikkonformaw mal-impenji internazzjonali;

(c)    informazzjoni addizzjonali meħtieġa għan-notifiki ta’ tip ieħor ta’ abbozzi tal-miżuri (l-Artikolu 61 tal-Kodiċi)

(1)

fil-każ ta’ notifika ta’ abbozzi ta’ miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 61(1) sa 61(4) tal-Kodiċi, l-abbozz tal-miżura jenħtieġ jinkludi l-impriżi affettwati, il-ġustifikazzjoni tal-abbozz tal-miżura skont il-bażi ġuridika użata, id-deskrizzjoni tal-obbligi li jridu jiġu imposti, u referenza għal kwalunkwe abbozz ta’ miżura relatat notifikat qabel, inkluż ir-riżultati tal-analiżi tas-suq rilevanti li jista jkun affettwat, kif deskritt fil-punt (4);

(2)

b’mod partikolari, l-abbozzi tal-miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 61(3) tal-Kodiċi jenħtieġ jinkludu deskrizzjoni ta’ kif l-NRA ddeterminat l-ewwel punt ta’ konċentrazzjoni u distribuzzjoni (FCDP), u/jew il-punt lil hinn mill-FCDP li kapaċi jospita għadd suffiċjenti ta’ konnessjonijiet tal-utent finali biex impriża effiċjenti tkun tista’ tegħleb l-ostakli sinifikanti tar-replikabbiltà identifikati, u informazzjoni u raġunament li jappoġġaw il-konklużjoni li l-elementi tan-network ikkonċernati ma jistgħux jiġu replikati, u li għalhekk l-obbligi huma ġġustifikati; b’mod partikolari, fir-rigward tal-obbligi proposti skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 61(3), l-NRAs jenħtieġ jinkludu deskrizzjoni ta’ liema ostakli ekonomiċi jew fiżiċi għar-replikazzjoni jqisu li huma għoljin u mhux tranżitorji u l-problemi tal-kompetizzjoni u n-nuqqasijiet tas-suq fil-livell tal-bejgħ bl-imnut li l-obbligi proposti jfittxu li jindirizzaw, u l-ġustifikazzjonijiet għal kwalunkwe eċċezzjoni li tkun tapplika, bħad-determinazzjoni ta’ liema applikazzjonijiet tan-network jistgħu jitqiesu ġodda u liema proġetti jistgħu jitqiesu żgħar.

Notifiki permezz ta’ Formola Qasira ta’ Notifika

17.

L-abbozzi tal-miżuri li ġejjin jenħtieġ ikunu disponibbli billi timtela kif xieraq il-Formola Qasira ta’ Notifika stabbilita fl-Anness III:

(a)

abbozzi tal-miżuri ta’ natura purament teknika li jaġġornaw id-dettalji tar-rimedji regolatorji imposti qabel u li ma jkollhomx impatt apprezzabbli fuq is-suq; abbozzi ta’ miżuri bħal dawk jistgħu jkunu modifiki għal offerti ta’ referenza li jkun fihom aġġustamenti minuri tal-obbligi diġà definiti, u notifiki tat-tieni istanza (14) meta ma jkun hemm l-ebda bidla jew meta din tkun ta’ natura teknika;

(b)

aġġornamenti ta’ deċiżjonijiet li jikkonċernaw it-Test tar-Replikabbiltà Ekonomika, li ma jbiddlux il-metodoloġija sottostanti (bħall-ittestjar ta’ prezzijiet/offerti ġodda);

(c)

notifiki sussegwenti tal-obbligi tal-operaturi l-oħra bl-użu tal-istess approċċ/metodoloġija li diġà ntużat (bħall-aġġornament tal-obbligi fis-swieq tat-terminazzjoni), jekk dawk l-emendi jkunu limitati għal rimedji, u ma jikkonċernawx id-definizzjoni tas-suq u d-deżinjazzjoni sinifikanti tas-saħħa fis-suq;

(d)

abbozzi ta’ miżuri li huma fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 76(2) tal-Kodiċi, biss sal-punt li jkunu limitati għal abbozzi ta’ deċiżjonijiet individwali sussegwenti skont skema ta’ koinvestiment notifikata u valutata qabel, u sakemm ma kien hemm l-ebda bidla materjali fiċ-ċirkostanzi minn meta saret il-valutazzjoni tal-iskema ta’ koinvestiment (15).

18.

Għall-abbozzi tal-miżuri elenkati fil-punt 17, jenħtieġ ikun biżżejjed li l-NRA timla u tissottometti Formola Qasira ta’ Notifika u ttella’ l-abbozz ta’ miżura fl-interfaċċa elettronika sigura tal-Kummissjoni biex din tkun tista’ tkun aċċessibbli għall-pubbliku. Fil-każ li l-Kummissjoni tqis, matul il-valutazzjoni tal-miżura notifikata, li hija meħtieġa dokumentazzjoni addizzjonali, hija tista’ titlobha fi kwalunkwe stadju tal-proċedura.

19.

Iżda jekk il-Kummissjoni, wara verifika tal-kundizzjonijiet biex Formola Qasira ta’ Notifika taqa’ fil-kategoriji elenkati fil-punt 17 fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol, tqis li dawk il-kundizzjonijiet ma ġewx issodisfati, l-NRA notifikanti jenħtieġ tissottometti mingħajr dewmien l-abbozz tal-miżura billi tuża l-Formola Standard ta’ Notifika. F’każijiet bħal dawn, il-perjodu ta’ rieżami ta’ xahar ma jiġix interrott.

20.

Fl-ippjanar tan-notifiki magħmula skont it-tieni sar-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 68(3) tal-Kodiċi, l-NRAs jenħtieġ jipprevedu li jkun meħtieġ perjodu ta’ mill-inqas ħames xhur għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni, minħabba l-ħtieġa li ssir konsultazzjoni mal-BEREC dwar dawn il-miżuri li jeħtieġ jiġu adottati bħala atti ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 118(3).

Ir-reġistrazzjoni tan-notifiki

21.

In-notifiki li jsiru permezz tas-sett ta’ formoli ta’ notifika elenkati fil-punti 16 u 17, huma rreġistrati fl-ordni li fiha jiġu nnotifikati. L-NRAs jenħtieġ jinnotaw li l-perjodu ta’ rieżami ta’ xahar jibda minnufih malli tasal in-notifika tal-abbozz tal-miżura.

22.

Ir-rikonoxximent u l-allokazzjoni ta’ numru ta’ notifika jenħtieġ jiġu rreġistrati, u jenħtieġ issir notifika b’mezzi elettroniċi lill-NRAs kollha, lill-BEREC u lill-utenti rreġistrati l-oħra tal-interfaċċa elettronika sigura tal-Kummissjoni. Din in-notifika ta’ reġistrazzjoni jenħtieġ tinkludi dan li ġej:

(a)

id-data tar-reġistrazzjoni tan-notifika;

(b)

is-suġġett tan-notifika;

(c)

il-formola tan-notifika;

(d)

kwalunkwe dokumentazzjoni ta’ sostenn riċevuta.

L-ipproċessar ta’ Informazzjoni Kunfidenzjali

23.

Meta l-NRA jidhrilha li l-informazzjoni relatata ma’ notifika hija kunfidenzjali skont ir-regoli tal-Unjoni u nazzjonali dwar il-kunfidenzjalità kummerċjali, l-oriġinatur tal-informazzjoni jenħtieġ jimmarka b’mod ċar bħala “Kunfidenzjali”, qabel ma tittella’ fl-interfaċċa elettronika sigura tal-Kummissjoni jew, meta applikabbli, tintbagħat b’mezzi elettroniċi.

24.

Biex tiġi żgurata t-trasparenza għan-notifiki, kwalunkwe notifika sottomessa bħala “Kunfidenzjali” jenħtieġ li tiġi sottomessa wkoll f’verżjoni mhux kunfidenzjali li tkun ġiet riveduta jew adattata u li għandha ssir pubblika.

25.

Meta jimlew il-formoli ta’ notifika msemmija fil-punt 9, l-NRAs jenħtieġ ma jinkludux informazzjoni kunfidenzjali.

26.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kummissjoni

Thierry BRETON

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 321 17.12.2018, p. 36.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2018/1971 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi l-Korp ta' Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Aġenzija għall-Appoġġ għal BEREC (Uffiċċju BEREC), li jemenda r-Regolament (UE) 2015/2120 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 1).

(3)  Is-Sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Diċembru 2017, Polkomtel sp. z o.o v Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej, C-277/16 il-paragrafu 45, ECLI:EU:C:2017:989; is-Sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tal-14 ta’ April 2016, Polkomtel, C-397/14, il-paragrafu 56 u t-tweġiba tal-Qorti għall-mistoqsija 2, EU:C:2016:256; is-Sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Settembru 2015, KPN BV vs Autoriteit Consument en Markt (ACM) C-85/14, il-punt 47, ECLI:EU:C:2015:610. Ara wkoll is-sentenzi tal-qorti nazzjonali tal-Consiglio di Stato Taljan, Nru 3722/2019, li annullat id-deċiżjoni tal-AgCom Nru 259/14/CONS abbażi ta’ raġunijiet purament proċedurali (mingħajr ma nidħlu fil-merti tat-tilwima) minħabba nuqqas ta’ konformità mal-proċedura ta’ konsultazzjoni tas-suq intern. Barra minn hekk, il-qrati Pollakki annullaw id-deċiżjonijiet regolatorji nazzjonali, li jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri li imponew obbligi regolatorji mingħajr konsultazzjonijiet obbligatorji tal-UE minn qabel (VI ACa 1148/11, VI ACa 137/14).

(4)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/561/KE tat-23 ta’ Lulju 2003 dwar in-notifiki, il-limiti ta’ żmien u l-konsultazzjonijiet previsti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (ĠU L 190, 30.7.2003, p. 13).

(5)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2008/850/KE tal-15 ta’ Ottubru 2008 dwar in-notifiki, il-limiti ta’ żmien u l-konsultazzjonijiet previsti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (ĠU L 301, 12.11.2008, p. 23).

(6)  CIRCABC, https://circabc.europa.eu/ui/welcome.

(7)  Pereżempju, informazzjoni dwar il-kalkolu tal-Kost Medju Ponderat tal-Kapital skont in-Notifika dwar il-kalkolu tal-kost tal-kapital għall-infrastruttura antika (in-Notifika WACC) (2019/C 375/01).

(8)  Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33).

(9)  BoR (21) 20.

(10)  Il-limiti taż-żmien huma kkalkulati skont ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta’ żmien (ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1).

(11)  Ara b’mod partikolari l-punti 24 sa 51 tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-analiżi tas-suq u l-valutazzjoni ta’ saħħa sinifikanti fis-suq fl-ambitu tal-qafas regolatorju tal-UE għan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (2018/C 159/01).

(12)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2245 tat-18 ta’ Diċembru 2020 dwar is-swieq rilevanti tal-prodotti u tas-servizzi fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi suxxettibbli għal regolamentazzjoni ex ante skont id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 439, 29.12.2020, p. 23).

(13)  Ara r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/2245 u n-Nota ta’ Spjegazzjoni (SWD(2020) 337 final) mehmużin mar-Rakkomandazzjoni.

(14)  Dan jista’ jkun il-każ meta qorti nazzjonali tannulla deċiżjoni ta’ NRA għal raġunijiet proċedurali, u għalhekk NRA trid tinnotifika mill-ġdid lill-Kummissjoni l-istess miżura.

(15)  Ara l-premessa 201 tal-Kodiċi: fil-każ speċifiku ta’ skemi ta’ koinvestiment li jaqgħu taħt l-Artikolu 76 tal-Kodiċi. Il-premessa 201 tindika li: “Fl-interess tal-effiċjenza, awtorità regolatorja nazzjonali jenħtieġ tkun tista’ tressaq notifika unika lill-Kummissjoni ta’ abbozz ta’ miżura relatata ma’ skema ta’ koinvestiment li tissodisfa l-kundizzjonijiet rilevanti. Meta l-Kummissjoni ma tħaddimx is-setgħat tagħha li titlob l-irtirar tal-abbozz tal-miżura, ikun sproporzjonat għal notifiki simplifikati sussegwenti ta’ abbozzi ta’ deċiżjonijiet individwali tal-awtorità regolatorja nazzjonali abbażi tal-istess skema, inkluż barra minn hekk evidenza ta’ konklużjoni attwali ta’ ftehim ma’ mill-inqas koinvestitur wieħed, li jkunu soġġetti għal deċiżjoni li titlob tneħħija fin-nuqqas ta’ bidla fiċ-ċirkostanzi.”


ANNESS I

FORMOLA STANDARD TA’ NOTIFIKA

abbozz ta’ miżura relatata mal-analiżi tas-suq u l-impożizzjoni ta’ rimedji (l-Artikoli 64, 67 u 68 tal-Kodiċi)

(imsemmija fil-punti 16(a) u (b))

Taqsima 1 – Definizzjoni tas-suq

Agħti informazzjoni dwar dan li ġej, meta applikabbli:

1.1.

Is-suq tal-prodott/tas-servizz rilevanti.

 

1.2.

Is-suq/swieq ġeografiku/ġeografiċi rilevanti

 

1.3.

Jekk l-Awtorità Nazzjonali tal-Kompetizzjoni (“NCA”) ħarġet opinjoni, indikazzjoni ta’ jekk taqbilx jew le mal-abbozz propost tal-analiżi tas-suq rilevanti.

Taqbel

Ma taqbilx

Jekk l-NCA ma taqbilx, agħti r-raġunijiet:

1.4.

Id-dati tal-konsultazzjoni pubblika nazzjonali.

Minn________ sa__________

1.5.

Ħarsa ġenerali qasira lejn ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar id-definizzjoni proposta tas-suq. Indika jekk kienx hemm xi bidla fl-abbozz ta’ miżura sussegwentement għall-konsultazzjoni pubblika, u jekk iva, iddeskrivi l-bidliet fil-qosor.

(eż. kemm waslu kummenti, liema rispondenti qablu mad-definizzjoni proposta tas-suq, liema rispondenti ma qablux magħha u għal liema raġunijiet).

1.6.

Meta s-suq rilevanti jkun differenti minn dawk elenkati fir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/2245, sommarju tar-raġunijiet ewlenin li jiġġustifikaw id-definizzjoni proposta tas-suq fid-dawl tat-tliet kriterji stabbiliti fl-Artikolu 67(1) tal-Kodiċi (1).

 

Taqsima 2 – Deżinjazzjoni ta’ impriżi b’Saħħa Sinifikanti fis-Suq (SMP)

Agħti informazzjoni dwar dan li ġej, meta applikabbli:

2.1.

L-isem tal-impriżi ddeżinjati bħala li għandhom SMP,

individwalment jew b’mod konġunt. Meta applikabbli, l-isem tal-impriżi kkunsidrati li m’għadx għandhom SMP.

 

2.2.

Il-kriterji użati biex jiġi ddeterminat jekk impriża għandhiex jew le SMP individwali jew b’mod konġunt.

 

2.3.

L-isem tal-impriżi prinċipali (kompetituri) attivi fis-suq rilevanti.

 

2.4.

L-ishma tas-suq tal-impriżi msemmija hawn fuq u l-bażi għall-kalkolu tas-sehem tas-suq (eż. fatturat, numru ta’ abbonati).

 

2.5.

Jekk l-Awtorità Nazzjonali tal-Kompetizzjoni (“NCA”) ħarġet opinjoni, indikazzjoni ta’ jekk taqbilx jew le mal-abbozz propost tal-valutazzjoni SMP.

Taqbel

Ma taqbilx

Jekk l-NCA ma taqbilx, agħti r-raġunijiet:

2.6.

Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar id-deżinjazzjoni(jiet) proposta/i bħala impriżi li għandhom SMP (eż. l-għadd totali ta’ kummenti riċevuti, in-numri li jaqblu/ma jaqblux). Indika jekk kienx hemm xi bidla fl-abbozz ta’ miżura sussegwentement għall-konsultazzjoni pubblika, u jekk iva, iddeskrivi l-bidliet fil-qosor.

 

Taqsima 3 – Obbligi regolatorji

Agħti informazzjoni dwar dan li ġej, meta applikabbli:

3.1.

Il-bażi ġuridika għall-obbligi li għandhom jiġu imposti, miżmuma, emendati jew irtirati (l-Artikoli 69 sa 74 u l-Artikoli 76 sa 81 tal-Kodiċi).

 

3.2.

Ir-raġunijiet għalfejn l-impożizzjoni, iż-żamma jew l-emenda tal-obbligi fuq l-impriżi titqies proporzjonata jew ġustifikata fid-dawl tad-dispożizzjoni legali li fuqhom huma bbażati. Inkella indika l-paragrafi, it-taqsimiet jew il-paġni tal-abbozz tal-miżura fejn tinsab din l-informazzjoni.

 

3.3.

Meta r-rimedji proposti jkunu differenti minn dawk stabbiliti fl-Artikoli 69 sa 74, u l-Artikoli 76 u 80 tal-Kodiċi, indika liema “ċirkostanzi eċċezzjonali” fis-sens tal-Artikolu 68(3) tal-Kodiċi jiġġustifikaw l-impożizzjoni ta’ tali rimedji. Inkella indika l-paragrafi, it-taqsimiet jew il-paġni tal-abbozz tal-miżura fejn tinsab din l-informazzjoni.

 

Taqsima 3a – Abbozzi ta’ miżuri skont l-Artikolu 76(2) tal-Kodiċi

Agħti informazzjoni dwar dan li ġej, meta applikabbli:

3a.1.

Deskrizzjoni qasira tal-impenji offruti mill-operatur ta’ SMP u kif dawn jikkonformaw mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 76(1).

 

3a.2.

Deskrizzjoni tat-trattament regolatorju tal-elementi l-ġodda tan-network VHCN soġġetti għall-impenn skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 76(2).

 

3a.3.

Jekk applikabbli, deskrizzjoni tar-rimedji imposti abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 76(2).

 

Taqsima 3b – Abbozzi ta’ miżuri skont l-Artikolu 79 tal-Kodiċi

Agħti informazzjoni dwar dan li ġej, meta applikabbli:

3b.1.

Deskrizzjoni qasira tad-deċiżjoni ta’ impenn mehmuża (jew, indikazzjoni tal-paragrafi, it-taqsimiet jew il-paġni tal-abbozz tal-miżura fejn tinsab din l-informazzjoni).

 

Taqsima 3c – Abbozzi ta’ miżuri skont l-Artikolu 80 tal-Kodiċi

Agħti informazzjoni dwar dan li ġej, meta applikabbli:

3c.1.

Deskrizzjoni qasira tal-istruttura tal-impriża (jew indikazzjoni tal-paragrafi, it-taqsimiet jew il-paġni tal-abbozz tal-miżura fejn tinsab din l-informazzjoni).

 

3c.2.

Jekk applikabbli, deskrizzjoni tar-rimedji imposti jew irtirati.

 


(1)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi.


ANNESS II

FORMOLA STANDARD TA’ NOTIFIKA

Obbligi simetriċi skont l-Artikolu 61 tal-Kodiċi

(imsemmija fil-punti 16(a) u (c))

Taqsima 1 – Abbozzi ta’ miżuri dwar l-impożizzjoni ta’ obbligi simmetriċi

Agħti informazzjoni dwar dan li ġej, meta applikabbli:

1.1.

Sommarju qasir tal-kontenut tal-abbozz tal-miżura notifikat.

 

1.2.

Il-bażi ġuridika għall-obbligi li għandhom jiġu imposti, miżmuma, emendati jew irtirati (l-Artikolu 61, il-paragrafi 1, 2, 3 jew 4).

Artikolu 61(1)

Artikolu 61(2)

il-punt (a)

il-punt (c)

il-punt (b)

il-punt (d)

Artikolu 61(3)

l-ewwel subparagrafu

it-tieni subparagrafu

Artikolu 61(4)

1.3.

Ir-referenza tan-notifika tal-Artikolu 32 ta’ kwalunkwe abbozz ta’ miżura relatat notifikat qabel, fejn applikabbli.

 

1.4.

L-ismijiet tal-impriżi affettwati.

 

1.5.

L-obbligi li għandhom jiġu imposti, miżmuma jew irtirati.

 

1.6.

Ir-raġunijiet għalfejn l-impożizzjoni, iż-żamma jew l-emenda tal-obbligi fuq l-impriżi titqies proporzjonata jew ġustifikata fid-dawl tad-dispożizzjoni legali li fuqhom huma bbażati. Inkella indika l-paragrafi, it-taqsimiet jew il-paġni tal-abbozz tal-miżura fejn tinsab din l-informazzjoni.

 

1.7.

L-opinjoni tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, meta tkun ingħatat.

 

1.8.

Id-dati tal-konsultazzjoni pubblika dwar l-obbligi proposti u ħarsa ġenerali qasira tar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika. Indika jekk saritx xi bidla fl-abbozz tal-miżura sussegwentement għall-konsultazzjoni pubblika, u jekk iva, iddeskrivi l-bidliet fil-qosor.

 


ANNESS III

FORMOLA QASIRA TA’ NOTIFIKA

(imsemmija fil-punt 17)

Taqsima 1 – Abbozz ta’ miżuri li jbiddlu d-dettalji tekniċi tar-rimedji regolatorji imposti qabel  (1) jew notifiki sussegwenti tal-obbligi tal-operaturi bl-istess approċċ/metodoloġija li diġà ntużat

Agħti informazzjoni dwar dan li ġej, meta applikabbli:

1.1.

In-numri ta’ referenza tan-notifika tal-abbozzi tal-miżuri notifikati qabel.

 

1.2.

Deskrizzjoni qasira tad-dettalji tekniċi li qed jinbidlu (indikazzjoni tas-suq rilevanti kkonċernat), jew fil-każ ta’ notifika sussegwenti tal-obbligi ta’ operaturi oħra bl-istess approċċ/ metodoloġija li diġà ntużat, indikazzjoni tar-rimedji li jridu jiġu imposti.

 

1.3.

Jekk id-dettalji tekniċi aġġornati jkunu relatati ma’ struttura tal-ipprezzar (eż. aġġornamenti annwali tal-kostijiet u stimi tal-mudelli tal-kontabbiltà), spjegazzjoni dwar jekk dan hux aġġornament ta’ rutina.

 

1.4.

L-NCA ġiet ikkonsultata dwar l-abbozz tal-miżura propost? Jekk iva, x’kienet l-opinjoni tagħha?

 

1.5.

Kummenti:

 

Taqsima 2 – Abbozz ta’ miżuri fil-forma ta’ abbozz ta’ deċiżjoni individwali sussegwenti taħt skema ta’ koinvestiment notifikata u valutata qabel sakemm ma kien hemm l-ebda bidla fiċ-ċirkostanzi. (Artikolu 76 tal-Kodiċi)

Agħti informazzjoni dwar dan li ġej, meta applikabbli:

2.1.

Deskrizzjoni qasira tal-kontenut tal-abbozz tal-miżura, li tindika evidenza tal-konklużjoni ta’ ftehim ma’ mill-inqas koinvestitur wieħed.

 

2.2.

In-numri ta’ referenza tan-notifika tal-abbozzi tal-miżuri notifikati qabel.

 

2.3.

Lista tal-operaturi li għalihom huwa applikabbli dan l-abbozz tal-miżura.

 

2.4.

L-NCA ġiet ikkonsultata dwar l-abbozz tal-miżura propost? Jekk iva, x’kienet l-opinjoni tagħha?

 

2.5.

Kummenti.

 


(1)  L-NRAs ta’ spiss jemendaw id-dettalji tekniċi tar-rimedji imposti qabel biex iqisu l-bidliet fl-indikaturi jew fil-fatturi ekonomiċi rilevanti (bħall-bidliet fil-kost tat-tagħmir; il-kost lavorattiv; ir-rata tal-inflazzjoni; jew ir-rati tal-kiri tal-proprjetà), jew biex jaġġornaw it-tbassir jew is-suppożizzjonijiet. Huma biss il-bidliet jew l-aġġornamenti tad-dettalji li ma jbiddlux in-natura jew il-kamp ta’ applikazzjoni ġenerali tar-rimedji diġà eżistenti li jenħtieġ jiġu notifikati permezz tal-Formola Qasira ta’ Notifika. Min-naħa l-oħra, bidliet materjali fin-natura jew fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-rimedji (bħal emendi għall-metodoloġiji użati għall-kalkolu tal-kostijiet jew tal-prezzijiet; għad-determinazzjoni tal-perkorsi ’l isfel jew tal-livelli tal-prezzijiet, ħlief għall-bidliet fil-prezzijiet li sempliċiment jirriflettu l-bidliet fl-indikaturi jew fil-fatturi ekonomiċi rilevanti msemmija hawn fuq,) jenħtieġ jiġu nnotifikati bl-użu tal-Formola Standard ta’ Notifika.


ANNESS IV

KOMUNIKAZZJONI TAL-MIŻURI ADOTTATI

(imsemmija fil-punt 8)

Taqsima 1 – Identifikazzjoni tal-Miżura Adottata

Agħti informazzjoni dwar dan li ġej, meta applikabbli:

1.1.

Data tad-dħul fis-seħħ tal-miżura adottata

 

1.2.

In-numru tar-reġistrazzjoni u t-titolu tan-notifika li qabel kienet saret lill-Kummissjoni dwar il-miżura fl-istadju tal-abbozz.

 

1.3.

L-NRA tiegħek irċeviet kummenti mill-Kummissjoni, minn NRAs oħra jew mill-BEREC b’reazzjoni għan-notifika tal-abbozz ta’ miżura skont l-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi?

Iva

Le

Taqsima 2 – Dettalji dwar kif tqiesu bl-akbar reqqa l-kummenti li saru

Agħti informazzjoni dwar dan li ġej, meta applikabbli:

2.1.

Spjegazzjoni dwar kif l-NRA qieset bl-akbar reqqa l-kummenti li tqajmu. Meta, biex jiġu riflessi l-kummenti li saru, saru bidliet fit-test tal-abbozz tal-miżura, agħti r-referenzi rilevanti għall-Artikoli/taqsima/numru tal-paġna aġġornati.

[Intestatura tal-kumment 1]

Spejgazzjonijiet dwar kif dan ġie kkunsidrat u/jew referenzi għat-taqsima tal-miżura adottata meta din l-informazzjoni tkun disponibbli

[Intestatura tal-kumment 2]

Spejgazzjonijiet dwar kif dan ġie kkunsidrat u/jew referenzi għat-taqsima tal-miżura adottata meta din l-informazzjoni tkun disponibbli

[Intestatura tal-kumment 3]

Spejgazzjonijiet dwar kif dan ġie kkunsidrat u/jew referenzi għat-taqsima tal-miżura adottata meta din l-informazzjoni tkun disponibbli