10.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 497/1


Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-istruttura ta’ governanza tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030)

(2021/C 497/01)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

JISSOTTOLINJA LI:

1.

Il-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030 (1)), minn hawn ’il quddiem il-“Qafas strateġiku”, huwa l-għodda ewlenija fil-livell tal-UE għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea u pajjiżi terzi u partijiet ikkonċernati, jekk u kif xieraq, li l-għan ewlieni tiegħu huwa li jappoġġa l-iżvilupp ulterjuri tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Istati Membri u jrawwem id-dimensjoni Ewropea tagħhom.

2.

Sal-2030, l-objettiv politiku ġenerali tal-Qafas strateġiku huwa li tinkiseb u tiġi żviluppata aktar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni.

IFAKKAR LI:

3.

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas strateġiku stiednet lill-Kummissjoni, f’konformità mat-Trattati u b’rispett sħiħ għas-sussidjarjetà, biex “taħdem mal-Istati Membri sa tmiem l-2021, sabiex jintlaħaq qbil dwar struttura ta’ governanza xierqa biex tiġi kkoordinata l-ħidma u jitmexxa l-iżvilupp tal-qafas strateġiku, fi ħdan l-objettiv ġenerali li tinkiseb u tiġi żviluppata aktar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, filwaqt li tirrifletti wkoll dwar il-kwistjonijiet li jeħtieġ li jitressqu f’livell ta’ diskussjoni politika saħansitra ogħla, mingħajr ma toħloq piżijiet addizzjonali għall-Istati Membri, filwaqt li tiżgura s-sjieda tagħhom tal-proċess”.

4.

Matul l-ewwel ċiklu tiegħu sal-2025, il-Qafas strateġiku “għandu jżomm l-arranġamenti kollha ta’ tagħlim reċiproku stabbiliti tal-ET 2020, bħall-gruppi ta’ ħidma, il-formazzjonijiet tad-Diretturi Ġenerali u l-istrumenti ta’ tagħlim bejn il-pari, u jżomm l-involviment ta’ korpi ta’ governanza rilevanti oħra” (2), mingħajr ma jinħolqu strutturi mhux meħtieġa jew piżijiet addizzjonali għall-Istati Membri.

5.

L-ambizzjoni li jiġi żgurat allinjament aktar b’saħħtu mal-prijoritajiet ġenerali tal-UE (3) - billi jiġi pprovdut appoġġ għat-tmexxija politika fil-livell tal-UE, u tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni effiċjenti tal-informazzjoni bejn il-livell politiku (il-Kunsill u l-korpi preparatorji rilevanti tiegħu, jiġifieri l-Kumitat tal-Edukazzjoni), laqgħat informali ta’ uffiċjali ta’ livell għoli (Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ, u laqgħat tad-Diretturi Ġenerali - minn hawn ’il quddiem “laqgħat tad-DĠ”) u l-implimentazzjoni fil-livell tekniku (gruppi ta’ ħidma tal-Qafas strateġiku u gruppi ta’ esperti oħra, inkluż il-Grupp Permanenti dwar l-Indikaturi u l-Punti ta’ Riferiment tal-Qafas Strateġiku - SGIB) - tinsab fil-qalba tal-istruttura ta’ governanza tal-Qafas strateġiku.

GĦANDU L-GĦAN LI:

6.

Jipprovdi orjentazzjoni u prinċipji gwida għall-istruttura ta’ governanza tal-Qafas strateġiku, b’enfasi partikolari fuq l-atturi involuti u r-rwoli tagħhom, il-qafas organizzattiv li fih iseħħu l-attivitajiet tal-Qafas strateġiku, u kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni relatati mal-governanza. Ir-Riżoluzzjoni attwali tal-Kunsill għandha titqies bħala strument li jikkomplementa r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas strateġiku.

IQIS, F’KONFORMITÀ MAT-TRATTATI U B’RISPETT SĦIĦ GĦAS-SUSSIDJARJETÀ, LI:

7.

Il-prinċipji gwida għall-istruttura ta’ governanza tal-Qafas strateġiku huma:

Sjieda u inklużjoni: ittejjeb is-sjieda u l-involviment tal-Istati Membri u tal-Kunsill fid-dawl tar-rwol tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u ta’ gwida tal-politika tagħha;

Responsabbiltà: tipprovdi appoġġ għal tmexxija politika ta’ livell għoli fil-livell tal-UE u tagħti pariri dwar kwistjonijiet li għandhom jiġu diskussi f’livell politiku ogħla, jiġifieri permezz u bl-appoġġ tal-Grupp ta’ Livell Għoli informali dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ (minn hawn ’il quddiem “Grupp ta’ Livell Għoli”), mingħajr ma jiddgħajfu r-rwol u r-responsabbiltajiet tal-Kumitat tal-Edukazzjoni bħala l-korp preparatorju rilevanti tal-Kunsill. Il-Kunsill jinsab fuq quddiem fl-istruttura ta’ governanza tal-Qafas strateġiku;

Trasparenza, kontinwità u effettività: tiżgura organizzazzjoni komprensiva u integrata u rendikont tal-ħafna flussi ta’ attivitajiet (fil-laqgħat tad-DĠ, gruppi ta’ ħidma tal-Qafas strateġiku, gruppi ta’ esperti u strumenti oħra ta’ tagħlim bejn il-pari, eċċ.), filwaqt li tgħaqqad it-tranżizzjoni mil-livell tekniku għal dak politiku u viċi versa;

Kollaborazzjoni u kooperazzjoni: tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni u s-sinerġiji ma’ oqsma oħra ta’ politika, bil-ħsieb li jiġu appoġġati r-riformi nazzjonali u tinkiseb iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni f’konformità ma’ inizjattivi u strumenti oħra fil-livell tal-UE, inkluż, iżda mhux biss, iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja, is-Semestru Ewropew, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iż-Żona Ewropea tar-Riċerka, il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, l-Istrument ta’ Rkupru tal-Unjoni Ewropea u programmi u mekkaniżmi oħra ta’ finanzjament tal-Unjoni, kif ukoll inizjattivi oħra bħal dawk fl-oqsma tal-impjiegi, il-politika soċjali, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-ugwaljanza, iż-żgħażagħ, l-isport, il-kultura, il-finanzi u r-relazzjonijiet esterni.

8.

Il-Grupp ta’ Livell Għoli, li għandu jkollu rwol ċentrali biex jorbot il-livell tekniku mal-livell politiku fl-istruttura ta’ governanza tal-Qafas strateġiku, huwa grupp informali ta’ uffiċjali ta’ livell għoli mill-Istati Membri u l-Kummissjoni li jiltaqgħu sabiex jidentifikaw, jiddiskutu u jidderieġu kwistjonijiet strateġiċi u trażversali għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ b’mod li jħares ’il quddiem. Il-Kunsill, permezz tal-korp preparatorju rilevanti tiegħu, jiġifieri l-Kumitat tal-Edukazzjoni, għandu jiġi infurmat regolarment dwar l-eżiti tad-diskussjonijiet tal-Grupp ta’ Livell Għoli.

9.

Il-formazzjonijiet ta’ Diretturi Ġenerali għall-iskejjel (DĠ Skejjel), l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (DĠ Taħriġ Vokazzjonali) u l-edukazzjoni għolja (DĠ Edukazzjoni Għolja) huma gruppi informali ta’ uffiċjali ta’ livell għoli mill-Istati Membri u l-Kummissjoni li jiltaqgħu biex jiddiskutu kwistjonijiet relatati mas-setturi tal-edukazzjoni u t-taħriġ rispettivi tagħhom kif ukoll suġġetti trażversali fejn xieraq. Il-Presidenza tista’ tistieden pajjiżi terzi u partijiet ikkonċernati, jekk u kif xieraq, biex jattendu dawn il-laqgħat.

10.

Il-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni (4), bħall-gruppi ta’ ħidma tal-Qafas strateġiku , l-SGIB, il-Kumitat Konsultattiv dwar it-Taħriġ Vokazzjonali jew il-grupp ta’ esperti dwar investiment ta’ kwalità fl-edukazzjoni u t-taħriġ, jagħtu servizz lill-Qafas strateġiku bil-għan li jibbenefikaw l-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-ħidma tagħhom biex iżidu l-iżvilupp tal-politika fil-livell tekniku permezz ta’ tagħlim reċiproku, skambji tekniċi u l-identifikazzjoni ta’ prattiki tajba, fost l-oħrajn. Dawn huma magħmula minn esperti mill-Istati Membri u pajjiżi terzi, organizzazzjonijiet internazzjonali, partijiet ikkonċernati u esperti indipendenti, kif xieraq.

11.

L-attivitajiet ta’ tagħlim bejn il-pari (PLAs) jippermettu lill-Istati Membri li qed jiffaċċjaw sfidi ta’ politika simili biex jaħdmu f’raggruppamenti u jikkondividu prattiki tajbin, jiffukaw fuq sfidi speċifiċi għall-pajjiż jew jappoġġaw aġenda ta’ riforma nazzjonali partikolari bl-għajnuna minn pajjiżi pari, organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati u esperti indipendenti, kif xieraq.

12.

Laqgħat konġunti ta’ korpi tal-edukazzjoni u t-taħriġ ma’ korpi rilevanti oħra f’livell simili minn oqsma oħra ta’ politika - bħall-impjiegi, il-politika soċjali, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-ugwaljanza, iż-żgħażagħ, l-isport, il-kultura, il-finanzi, u r-relazzjonijiet esterni, fost l-oħrajn - kif ukoll l-użu ta’ strumenti finanzjarji tal-UE u nazzjonali, huma rilevanti fil-kuntest ta’ sinerġiji bejn oqsma ta’ politika differenti.

JAQBEL li:

13.

Il-Presidenza, f’kooperazzjoni mas-sħab fit-Triju ta’ Presidenzi u l-Kummissjoni, għandha tieħu r-rwol ewlieni fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-ħidma tal-Grupp ta’ Livell Għoli taħt il-Qafas Strateġiku.

14.

Il-Grupp ta’ Livell Għoli huwa ppresedut mill-Presidenza. Sabiex jiġi żgurat fluss bla xkiel ta’ informazzjoni u minħabba r-rwol previst tiegħu fil-konfront tal-livell politiku, il-Grupp għandu jiltaqa’ mill-inqas darbtejn fis-sena, darba f’kull Presidenza. Jekk u meta jkun xieraq, pajjiżi terzi u/jew partijiet ikkonċernati jistgħu jiġu mistiedna mill-Presidenza biex jingħaqdu fil-laqgħat tal-Grupp ta’ Livell Għoli bħala osservaturi għal punti tal-aġenda ta’ interess komuni.

15.

Bil-ħsieb li jiġu appoġġati l-governanza u l-kontinwità tal-ħidma fi ħdan il-Qafas strateġiku, għandhom jiġu organizzati skambji regolari bejn iż-żewġ Presidenzi preċedenti, il-Presidenza attwali, iż-żewġ Presidenzi li jmiss u l-Kummissjoni, u tali skambji konġunti għandhom isiru fi ħdan grupp informali ta’ koordinazzjoni u appoġġ - il-Bord ta’ Koordinazzjoni tal-Grupp ta’ Livell Għoli.

16.

Il-Bord ta’ Koordinazzjoni tal-Grupp ta’ Livell Għoli jirrapporta lill-Grupp ta’ Livell Għoli u huwa soġġett għalih.

17.

Ir-rwol tal-Bord ta’ Koordinazzjoni tal-Grupp ta’ Livell Għoli huwa li jappoġġa lil dan il-Grupp billi:

jikkontribwixxi għall-istabbiliment tal-aġenda tal-Grupp ta’ Livell Għoli, b’rispett dovut għall-prijoritajiet tal-Presidenza, il-prijoritajiet strateġiċi tal-Qafas strateġiku kif ukoll tendenzi u sfidi attwali possibbli, inkluż avvenimenti u sitwazzjonijiet mhux previsti, u jipproponi suġġetti għal diskussjoni fil-laqgħat tal-Grupp ta’ Livell Għoli, inkluż kwalunkwe wieħed li jista’ jikkontribwixxi għat-tħejjija ta’ dibattiti ta’ orjentazzjoni fil-Kunsill;

jinforma lill-Grupp ta’ Livell Għoli, u jekk meħtieġ lill-Kumitat tal-Edukazzjoni bil-ħsieb ta’ skambju ta’ informazzjoni f’waqtu, dwar il-progress li jkun sar fil-Qafas strateġiku lejn il-kisba taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, inkluż permezz ta’ aġġornamenti regolari dwar l-eżiti tal-laqgħat tad-DĠ, u l-ħidma tal-gruppi ta’ ħidma tal-Qafas strateġiku, il-gruppi ta’ esperti, l-eżiti ta’ attivitajiet ta’ tagħlim bejn il-pari u attivitajiet oħra ta’ tagħlim reċiproku;

jappoġġa lill-Grupp ta’ Livell Għoli b’orjentazzjonijiet wesgħin għal politiki futuri possibbli u għall-interazzjoni bejn il-politiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ u oqsma oħra ta’ politika fil-livelli internazzjonali, tal-UE, nazzjonali u reġjonali, anke billi jidentifika esperti esterni, riċerkaturi, organizzazzjonijiet internazzjonali u organizzazzjonijiet oħra tal-partijiet ikkonċernati li jistgħu jipprovdu għarfien espert addizzjonali għad-diskussjonijiet tal-Grupp ta’ Livell Għoli;

jappoġġa lill-Grupp ta’ Livell Għoli fit-tisħiħ tas-sinerġiji li jistgħu jġibu valur miżjud bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ u oqsma oħra ta’ politika bħall-impjiegi, il-politika soċjali, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-ugwaljanza, iż-żgħażagħ, l-isport, il-kultura, il-finanzi jew ir-relazzjonijiet esterni;

jappoġġa lill-Grupp ta’ Livell Għoli fir-riflessjoni dwar il-ħtieġa għal rieżami possibbli tal-mandati tal-gruppi ta’ ħidma tal-Qafas strateġiku, magħmul bil-ħolqien konġunt mill-Kummissjoni u l-Istati Membri, filwaqt li tiġi rrispettata l-prerogattiva tal-Kummissjoni fid-definizzjoni u r-rieżami ta’ dawn il-mandati;

jappoġġa l-ħidma dwar l-evalwazzjoni tal-istruttura ta’ governanza fis-seħħ sal-2025 sabiex il-Grupp ta’ Livell Għoli jikkontribwixxi għad-diskussjonijiet tal-Kumitat tal-Edukazzjoni dwar kwalunkwe reviżjoni possibbli tal-istruttura ta’ governanza għall-perijodu ta’ wara l-2025;

jikkoordina t-tħejjija ta’ aġenda ta’ politika għal perijodu ta’ 18-il xahar għall-approvazzjoni mill-Grupp ta’ Livell Għoli.

18.

Il-Bord ta’ Koordinazzjoni tal-Grupp ta’ Livell Għoli jiltaqa’ regolarment, mill-inqas darbtejn f’kull Presidenza. Il-ħidma tal-Bord ta’ Koordinazzjoni tal-Grupp ta’ Livell Għoli hija kkoordinata b’mod konġunt mill-Presidenza u l-Kummissjoni fuq l-istess livell, anke fir-rigward tal-kofinanzjament. Il-laqgħat tal-Bord ta’ Koordinazzjoni tal-Grupp ta’ Livell Għoli huma ppreseduti mill-Presidenza.

19.

Jekk u meta jkun meħtieġ, il-Bord ta’ Koordinazzjoni tal-Grupp ta’ Livell Għoli jista’ jaħtar rapporteur minn fost l-Istati Membri parteċipanti għal terminu limitat, li r-rwol tiegħu jista’ jkun li jinforma lill-Grupp ta’ Livell Għoli, u jekk meħtieġ lill-Kumitat tal-Edukazzjoni bil-ħsieb ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni f’waqtha, dwar il-progress li jkun sar mill-gruppi ta’ ħidma tal-Qafas Strateġiku u gruppi ta’ esperti u korpi rilevanti oħra.

20.

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tal-Bord ta’ Koordinazzjoni tal-Grupp ta’ Livell Għoli, il-kompiti operazzjonali u l-metodi ta’ ħidma tiegħu, inkluż il-ħatra possibbli, il-kompiti u t-tul ta’ mandat ta’ rapporteur, jistgħu jiġu definiti fit-Termini ta’ Referenza mħejjija mill-Bord ta’ Koordinazzjoni tal-Grupp ta’ Livell Għoli u approvati mill-Grupp.

21.

Din ir-Riżoluzzjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandha tiġi rieżaminata kif xieraq, bħala riżultat tar-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Strateġiku li għandu jitwettaq mill-Kunsill fl-2025, b’kont meħud tar-rapporti rilevanti tal-Kummissjoni previsti fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas strateġiku, sabiex jiġi adattat għal żviluppi u ħtiġijiet ġodda possibbli.

(1)  Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030) (ĠU C 66, 26.2.2021, p. 1) (min hawn ’il quddiem “Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas strateġiku”).

(2)  Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas strateġiku.

(3)  Aġenda strateġika ġdida għall-UE 2019-2024 tistabbilixxi l-prijoritajiet ġenerali tal-UE.

(4)  Ir-Reġistru tal-Gruppi ta’ Esperti tal-Kummissjoni.