|
28.12.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 464/14 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2314
tal-14 ta’ Diċembru 2021
dwar it-talba għar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej bl-isem “INIZJATTIVA EVE GĦALL-ISTABBILIMENT TAD-DRITT TA’ PERSUNA LI TIDDEĊIEDI” skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(It-test bl-Ispanjol biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(4) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fid-9 ta’ Settembru 2021 l-Kummissjoni ġiet ippreżentata talba għar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej bl-isem “L-INIZJATTIVA EVE GĦALL-ISTABBILIMENT TAD-DRITT TA’ PERSUNA LI TIDDEĊIEDI”. |
|
(2) |
Bid-deċiżjoni tal-5 ta’ Ottubru 2021 fis-sura ta’ ittra (C (2021) 7294 final), f’konformità mal-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) 2019/788, il-Kummissjoni infurmat lill-grupp ta’ organizzaturi li r-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni stabbiliti fil-punti (a), (d) u (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) ta’ dak ir-Regolament ġew issodisfati u li l-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) ma kienx applikabbli. Madankollu, il-Kummissjoni spjegat ukoll li l-inizjattiva ma ssodisfatx ir-rekwiżit fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2019/788. Għalhekk il-Kummissjoni stiednet lill-grupp ta’ organizzaturi biex, f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) 2019/788, jemendaw l-inizjattiva tagħhom. Il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni tal-grupp ta’ organizzaturi għall-fatt li r-Regolament (UE) 2019/788 ma jippermettix li l-inizjattivi taċ-ċittadini jagħmlu proposti għar-reviżjoni tat-Trattati. Barra minn hekk, huwa stieden lill-grupp ta’ organizzaturi biex jindika liema att legali tal-Unjoni jixtieq li jiġi propost mill-Kummissjoni u biex jiċċara l-kontenut ta’ dawn l-att(i) legali. |
|
(3) |
Fid-19 ta’ Ottubru 2021 il-grupp ta’ organizzaturi bagħat ittra lis-servizzi tal-Kummissjoni u fiha staqsew dwar (i) ir-rekwiżit li tiġi ppreżentata “proposta”, fejn argumentaw li l-abbozzar tal-proposti jinsab f’idejn il-Kummissjoni; u (ii) l-eżami tal-inizjattiva u l-possibbiltà ta’ laqgħa mar-rappreżentanti tal-Kummissjoni biex il-proġett EVE ssuġġerit (li jkollu l-għan li jikkontribwixxi għall-ħolqien tad-“dritt ġdid li persuna tiddeċiedi”) jiġi vvalutat miż-żewġ naħat u li jitfassal il-kontenut tal-inizjattiva (b’referenza żbaljata għall-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2019/788, li japplika biss għall-inizjattivi validi). Fit-tweġiba tagħhom tal-5 ta’ Novembru 2021, is-servizzi tal-Kummissjoni tennew li l-għanijiet tal-inizjattiva għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2019/788. |
|
(4) |
Fis-17 ta’ Novembru 2021, il-grupp ta’ organizzaturi reġa’ ppreżenta l-inizjattiva. Filwaqt li l-inizjattiva ġiet abbozzata mill-ġdid, is-sustanza tagħha baqa’ l-istess, minkejja l-istedina tal-Kummissjoni biex titqies il-valutazzjoni tagħha fid-deċiżjoni tagħha tal-5 ta’ Ottubru 2021. |
|
(5) |
L-għanijiet tal-inizjattiva huma espressi kif ġej: Fid-dawl tad-dokumentazzjoni annessa fid-dokument bl-isem “PROPOSTA tal-Inizjattiva EVE”, nitolbu lill-Kummissjoni Ewropea tħejji kwalunkwe att jew leġiżlazzjoni li tista’ tkun meħtieġa biex il-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi d-dritt (tal-bniedem) li persuna tiddeċiedi u tittrasferixxih lill-istituzzjonijiet pubbliċi. Dan joħloq sistema ta’ demokrazija diretta fejn iċ-ċittadini jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet, b’mod koeżiv, dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni jew pubbliku u b’hekk jeżerċitaw is-sovranità tal-poplu kemm b’rappreżentanti kif ukoll mingħajrhom. Minħabba d-daqs ta’ din it-talba, l-Inizjattiva ressqet abbozz ta’ proposta li tista’ tintuża biex jiġi stabbilit id-dritt li persuna tiddeċiedi. Għaldaqstant qed titlob ukoll li jiġu kkunsidrati t-tliet possibbiltajiet li ġejjin: (1) L-UE u l-istituzzjonijiet tagħha jistgħu jistabbilixxu d-dritt mitlub mill-Inizjattiva f’isimhom stess; (2) L-UE tista’ toħloq mod speċjali biex il-fattibbiltà tal-proposta tiġi eżaminata minn qabel u wara tiżgura li l-proposta tiġi żviluppata mal-partijiet kompetenti kollha possibbli fl-UE; (3) L-UE tista’ tagħti l-awtorizzazzjoni tagħha biex il-proposta tiġi żviluppata u ttestjata pubblikament; dan isir mill-parti partikolari jew f’isimha jew il-proposta biss.” L-inizjattiva tiddikjara wkoll li tixtieq tikseb l-objettiv kumplessiv “li jinħolqu kwalunkwe att jew azzjoni meħtieġa biex jinħoloq is-suġġett tal-IĊE”, li probabbilment jirreferi għat-tfassil tal-kontenut u/jew l-implimentazzjoni (tal-proġett li jinstawra att ġdid) tad-“dritt li persuna tiddeċiedi”. |
|
(6) |
Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-grupp ta’ organizzaturi jfittex li jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għall-introduzzjoni ta’ dritt fundamentali ġdid li jenħtieġ li jistabbilixxi “sistema ta’ demokrazija diretta” fil-livell tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li permezz tagħha ċ-ċittadini jkunu jistgħu jiddeċiedu, “b’mod koeżiv”, “dwar kwistjonijiet komuni jew pubbliċi”, u b’hekk jeżerċitaw is-“sovranità tal-poplu” b’mod konġunt. Skont il-grupp ta’ organizzaturi, dan jenħtieġ li jinkiseb jew (1) “mill-UE f’isimha stess”, (2) “billi ‘tawtorizza’ l-iżvilupp tal-objettiv tar-rappreżentant privat tal-inizjattiva u tal-proġett tal-EVE jew ” jew (3) “flimkien mal-proġett EVE”. Il-grupp ta’ organizzaturi jiċċara li proposta bħal din tista’ timplika bidliet fit-Trattati iżda li, fil-fehma tagħhom, ir-Regolament (UE) 2019/788 jippermetti li l-inizjattivi taċ-ċittadini jitolbu lill-Kummissjoni tagħmel tali proposta. Skont l-għażliet (2) jew (3), il-grupp ta’ organizzaturi jissuġġerixxi li l-Kummissjoni “tawtorizza” proġett privat (“il-Proġett EVE”), li jkollu l-għan li jikkontribwixxi għall-istabbiliment tad-dritt fundamentali l-ġdid. L-objettivi l-oħra stabbiliti fid-dokument ta’ akkumpanjament kollha jservu l-objettiv ġenerali tal-introduzzjoni ta’ dan id-dritt ġdid. |
|
(7) |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(4) TUE u l-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2019/788, Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej tfisser inizjattiva li tistieden lill-Kummissjoni biex, fil-kuntest tas-setgħat tagħha, tippreżenta kwalunkwe proposta adatta dwar kwistjonijiet fejn iċ-ċittadini jqisu li, għall-finijiet tal-implimentazzjoni tat-Trattati, ikun hemm il-ħtieġa ta’ att legali tal-Unjoni li jkun ingħata l-appoġġ ta’ mill-anqas miljun firmatarju eliġibbli minn kwart tal-Istati Membri kollha. Skont l-Artikolu 6(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2019/788, il-Kummissjoni ma għandhiex tirreġistra inizjattiva taċ-ċittadini jekk “manifestament taqa’ barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati”. |
|
(8) |
Fis-sentenza tagħha fil-Kawża T-611/19, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-kunċett ta’ att legali jirreferi, fis-sens tal-Artikolu 11 TUE u l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u f’konformità mal-Artikolu 288 TFUE, għal regolamenti, direttivi, deċiżjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet adottati mill-Istituzzjonijiet. Ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tħassar mill-1 ta’ Jannar 2020 u ġie ssostitwit bir-Regolament (UE) 2019/788. Madankollu, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini u l-kundizzjonijiet legali għar-reġistrazzjoni ma nbidlux. Ir-Regolament (UE) 2019/788 ma jippermettix li l-inizjattivi taċ-ċittadini jitolbu lill-Kummissjoni tipproponi bidliet fit-Trattati, peress li jippermetti biss inizjattivi li jitolbu lill-Kummissjoni tipproponi atti ta’ liġi sekondarja fil-qafas tas-setgħat tagħha biex timplimenta t-Trattati. |
|
(9) |
Skont kif jammetti l-grupp ta’ organizzaturi nnifsu, l-objettiv tal-inizjattiva għandu jintlaħaq permezz ta’ modifiki tat-Trattati u ma jistax jintlaħaq permezz ta’ atti legali bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 288 TFUE. Barra minn hekk, sa fejn l-inizjattiva toffri li jitnieda proġett privat (“Proġett EVE”) bil-għan li jikkontribwixxi għall-ħolqien tad-“dritt li persuna tiddeċiedi” il-ġdid, il-Kummissjoni tinnota li lanqas dan ma jinvolvi proposta għal att bħal dan. |
|
(10) |
Għal dawn ir-raġunijiet, l-inizjattiva bl-isem “INIZJATTIVA EVE GĦALL-ISTABBILIMENT TAD-DRITT TA’ PERSUNA LI TIDDEĊIEDI” taqa’ biċ-ċar barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati fit-tifsira tal-Artikolu 6(4), it-tielet subparagrafu, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2019/788. |
|
(11) |
Għaldaqstant tt-talba għar-reġistrazzjoni jenħtieġ li tiġi rrifjutata, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-inizjattiva Ewropea intitolata “INIZJATTIVA EVE GĦALL-ISTABBILIMENT TAD-DRITT TA’ PERSUNA LI TIDDEĊIEDI” ma għandhiex tiġi rreġistrata.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini bl-isem “INIZJATTIVA EVE GĦALL-ISTABBILIMENT TAD-DRITT TA’ PERSUNA LI TIDDEĊIEDI”, irrappreżentat mis-Sur Eberardo SÁNCHEZ LÓPEZ u s-Sur Juan Carlos ESCUDERO GONZÁLEZ li jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.
Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta’ Diċembru 2021.
Għall-Kummissjoni
Věra JOUROVÁ
Viċi President
(1) ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (ĠU L 65, 11.3.2011, p. 1).