22.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 458/536


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2301

tal-21 ta’ Diċembru 2021

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1073 li tistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi u regoli għall-implimentazzjoni tal-qafas ta’ fiduċja għaċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1), il-punt (c) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2021/953 jistabbilixxi ċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, li l-iskop tiegħu huwa li jservi ta’ prova li persuna tkun irċeviet vaċċin kontra l-COVID-19, irċeviet riżultat ta’ test negattiv, jew tkun fieqet minn infezzjoni sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu tad-detenturi tul il-pandemija tal-COVID-19.

(2)

Sabiex iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE jkun jista’ jintuża madwar l-Unjoni, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1073 (2), li tistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi u regoli biex iċ-Ċertifikati tal-COVID Diġitali jimtlew, jinħarġu u jiġu verifikati b’mod sigur, biex tkun żgurata l-protezzjoni tad-data personali, biex tiġi stabbilita l-istruttura komuni tal-identifikatur uniku taċ-ċertifikat, u biex jinħareġ barcode validu, sigur u interoperabbli.

(3)

Fis-17 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2014 (3) li tistabbilixxi regoli uniformi għall-mili taċ-ċertifikati tat-tilqim imsemmijin fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2021/953 maħruġin wara l-għoti ta’ dożi booster tat-tilqim kontra l-COVID-19.

(4)

Kif stabbilit fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2288 (4), irid japplika perjodu standard ta’ aċċettazzjoni ta’ 270 jum għaċ-ċertifikati tat-tilqim li juru t-tlestija tas-serje primarja tat-tilqim, kemm jekk b’kors primarju b’doża waħda, b’serje primarja b’żewġ dożi, jew f’konformità mal-istrateġija tat-tilqim tal-Istat Membru tat-tilqim, kors primarju b’doża waħda ta’ vaċċin b’żewġ dożi wara infezzjoni preċedenti bis-SARS-CoV-2. Barra minn hekk, ma jrid jiġi stabbilit ebda perjodu ta’ aċċettazzjoni għal ċertifikati li juru l-għoti ta’ dożi booster jew dożi addizzjonali mogħtija biex jipproteġu aħjar lill-individwi li ma jiżviluppawx risponsi immunitarji adegwati wara t-tlestija tas-serje primarja tat-tilqim. Ir-referenzi f’dan ir-Regolament għad-dożi booster jenħtieġ li jinftiehmu li jkopru wkoll dawn id-dożi addizzjonali.

(5)

Sabiex tkun tista’ ssir distinzjoni, fil-każijiet kollha, bejn iċ-ċertifikati maħruġin wara t-tlestija tas-serje primarja ta’ tilqim u ċ-ċertifikati maħruġa wara l-għoti ta’ doża booster, jenħtieġ li jiġu adattati r-regoli uniformi għall-mili taċ-ċertifikati tat-tilqim imsemmijin fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2021/953.

(6)

Jenħtieġ li l-Istati Membri joħorġu mill-ġdid ċertifikati li jsegwu regoli differenti dwar l-ikkodifikar tad-dożi booster biex jiġi evitat li jiġi applikat għalihom il-perjodu standard ta’ aċċettazzjoni ta’ 270 jum.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1073 tiġi emendata skont dan.

(8)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u ta kummenti formali fl-14 ta’ Diċembru 2021.

(9)

Fid-dawl tal-ħtieġa tal-implimentazzjoni rapida tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi emendati fiċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(10)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2021/953,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness II tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1073 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Diċembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 211, 15.6.2021, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1073 tat-28 ta’ Ġunju 2021 li tistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi u regoli għall-implimentazzjoni tal-qafas ta’ fiduċja għaċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 230, 30.6.2021, p. 32).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2014 tas-17 ta’ Novembru 2021 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1073 li tistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi u regoli għall-implimentazzjoni tal-qafas ta’ fiduċja għaċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 410, 18.11.2021, p. 180).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2288 tal-21 ta’ Diċembru 2021 li jemenda l-Anness tar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-perjodu ta’ aċċettazzjoni taċ-ċertifikati tat-tilqim maħruġa fil-format taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE li jindika t-tlestija tas-serje primarja tat-tilqim (Ara paġna459 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS

It-taqsima 5.2 tal-Anness II tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1073 hija sostitwita b’dan li ġej:

“5.2.   Dożi booster

Meta l-persuna tkun qed tirċievi dożi wara s-serje primarja ta’ tilqim, dawn id-dożi booster għandhom jiġu riflessi fiċ-ċertifikati korrispondenti kif ġej:

2/1 tindika l-għoti ta’ dożi booster wara kors primarju ta’ tilqim b’doża waħda, jew l-għoti ta’ doża booster wara t-tlestija ta’ kors primarju li jikkonsisti minn doża waħda ta’ vaċċin b’żewġ dożi mogħtija lil persuna mfejqa f’konformità mal-protokoll tat-tilqim applikat minn Stat Membru. Wara, id-dożi (X) mogħtija wara l-ewwel doża booster għandhom jiġu indikati bi (2+X)/(1) > 1 (3/1, pereżempju)];

3/3 tindika l-għoti ta’ doża booster wara serje primarja ta’ tilqim b’żewġ dożi. Wara, id-dożi (X) mogħtija wara l-ewwel doża booster għandhom jiġu indikati bi (3+X)/(3+X) = 1 (4/4, pereżempju).

L-Istati Membri għandhom jimplimentaw ir-regoli ta’ kodifikazzjoni stabbiliti f’din it-Taqsima sal-1 ta’ Frar 2022.

L-Istati Membri għandhom, awtomatikament jew fuq talba mill-persuni kkonċernati, joħorġu mill-ġdid ċertifikati li fihom l-għoti ta’ doża booster wara kors primarju ta’ tilqim b’doża waħda jkun ġie kkodifikat b’tali mod li ma tkunx tista’ ssir distinzjoni mit-tlestija tas-serje primarja ta’ tilqim.

Għall-finijiet ta’ dan l-Anness, jenħtieġ li r-referenzi għal “dożi booster” jinftiehmu bħala li jkopru wkoll dożi addizzjonali mogħtija biex jipproteġu aħjar lill-individwi li ma jiżviluppawx risponsi immunitarji adegwati wara t-tlestija tas-serje primarja tat-tilqim standard. Fi ħdan il-qafas legali stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jindirizzaw is-sitwazzjoni ta’ gruppi vulnerabbli li jistgħu jirċievu dożi addizzjonali bħala kwistjoni ta’ prijorità. Pereżempju, jekk Stat Membru jiddeċiedi li jagħti dożi addizzjonali biss lil sottogruppi speċifiċi tal-popolazzjoni, ikun jista’ jagħżel, f’konformità mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2021/953, li joħroġ ċertifikati tat-tilqim li jindikaw l-għoti ta’ tali dożi addizzjonali jekk jintalab biss u mhux awtomatikament. Meta jittieħdu miżuri bħal dawn, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-persuni kkonċernati b’dan, u jinfurmawhom ukoll li jistgħu jkomplu jagħmlu użu miċ-ċertifikat li jkunu rċevew wara t-tlestija tas-serje primarja tat-tilqim standard.”.