17.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 454/1


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/2251

tat-13 ta’ Diċembru 2021

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/593 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikoli 218 u 232 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/593 (2), l-Italja kienet awtorizzata tintroduċi miżura ta’ deroga mill-Artikoli 218 u 232 tad-Direttiva 2006/112/KE (il-“miżura speċjali”) sabiex timplimenta fatturazzjoni elettronika obbligatorja għall-persuni taxxabbli kollha stabbiliti fit-territorju tal-Italja, għajr għall-persuni taxxabbli li jibbenefikaw mill-eżenzjoni għall-intrapriżi ż-żgħar imsemmija fl-Artikolu 282 ta’ dik id-Direttiva.

(2)

B’ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fil-31 ta’ Marzu 2021, l-Italja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tidderoga mill-Artikoli 218 u 232 tad-Direttiva 2006/112/KE biex tibqa’ tapplika l-fatturazzjoni elettronika obbligatorja. Barra minn hekk, l-Italja talbet l-awtorizzazzjoni biex testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura speċjali biex ikun ikopri wkoll lill-persuni taxxabbli li jibbenefikaw mill-eżenzjoni għall-intrapriżi ż-żgħar imsemmija fl-Artikolu 282 ta’ dik id-Direttiva.

(3)

B’ittri datati l-10 ta’ Settembru 2021, il-Kummissjoni informat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tal-Italja. B’ittra datata t-13 ta’ Settembru 2021, il-Kummissjoni għarrfet lill-Italja li kellha l-informazzjoni meħtieġa kollha biex tikkunsidra t-talba.

(4)

L-Italja tissottometti li s-sistema tal-fatturazzjoni elettronika obbligatorja implimentata, li tgħaddi l-fatturi kollha maħruġin permezz tas-sistema “Sistema di Interscambio” ġestita mill-Aġenzija Taljana għad-Dħul, laħqet l-objettivi tagħha bis-sħiħ, jiġifieri l-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, is-simplifikazzjoni tal-konformità mar-regoli tat-taxxa, u t-titjib tal-effiċjenza fil-ġbir tat-taxxa, u b’hekk naqsu l-kostijiet amministrattivi għan-negozji.

(5)

L-Italja tqis li l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura speċjali biex ikun ikopri wkoll lill-persuni taxxabbli li jibbenefikaw mill-eżenzjoni għall-intrapriżi ż-żgħar imsemmija fl-Artikolu 282 tad-Direttiva 2006/112/KE, tkun qed ittejjeb il-possibbiltajiet għall-Aġenzija Taljana għad-Dħul fil-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), billi tagħti stampa sħiħa tal-fatturi maħruġin mill-persuni taxxabbli kollha. Barra minn hekk, l-Aġenzija Taljana għad-Dħul tkun tista’ tara li dawk il-persuni taxxabbli huma konformi mar-rekwiżiti u mal-kundizzjonijiet biex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn dik l-eżenzjoni.

(6)

L-Italja targumenta li l-estensjoni mitluba tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura speċjali mhix se tkun tfisser kostijiet sostanzjali għall-persuni taxxabbli li jibbenefikaw mill-eżenzjoni għall-intrapriżi ż-żgħar imsemmija fl-Artikolu 282 tad-Direttiva 2006/112/KE. Biex ittaffi tali kostijiet, l-Italja għamlet disponibbli, mingħajr ħlas, soluzzjonijiet differenti għat-tħejjija u t-trasferiment tal-fatturi elettroniċi, bħal pakkett ta’ software li jiġi installat fuq il-kompjuter u applikazzjoni għall-apparati mobbli. Barra minn hekk, mal-implimentazzjoni tal-fatturazzjoni elettronika hemm ukoll it-tneħħija ta’ rekwiżiti oħra, bħar-rapportar tad-data tal-fatturi dwar it-tranżazzjonijiet domestiċi, il-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni statistika dwar ix-xiri intra-UE u l-għoti tad-dettalji tal-kuntratti konklużi minn kumpaniji ta’ lokazzjoni u kiri. Ippermettiet ukoll li l-persuni taxxabbli jingħataw servizzi addizzjonali, bħal rekords tax-xiri u tal-bejgħ mimlijin minn qabel, skedar tas-saldu perjodiku tal-VAT, dikjarazzjonijiet annwali mimlijin minn qabel tal-VAT u formoli tal-ħlas mimlijin minn qabel inklużi t-taxxi li jridu jitħallsu, jitpaċew jew jintalbu għal rifużjoni, b’mod li tingħata prijorità lil dawk il-persuni taxxabli li jużaw il-fatturazzjoni elettronika. Jenħtieġ li dawk il-miżuri jiżguraw il-proporzjonalità tal-miżura speċjali.

(7)

Jenħtieġ li l-miżura speċjali tkun limitata fiż-żmien biex jiġi monitorjat l-impatt tagħha fuq il-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT u fuq il-persuni taxxabbli, b’mod partikolari dawk li jibbenefikaw mill-eżenzjoni għall-intrapriżi ż-żgħar imsemmija fl-Artikolu 282 tad-Direttiva 2006/112/KE.

(8)

Jekk l-Italja tqis li l-estensjoni tal-miżura speċjali hija meħtieġa, flimkien mat-talba għal estensjoni, din jenħtieġ tippreżenta rapport lill-Kummissjoni li jkun jinkludi l-valutazzjoni tal-miżura speċjali fejn tidħol l-effettività tagħha fil-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT u fis-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxa. Dak ir-rapport jenħtieġ li jevalwa wkoll l-impatt tal-miżura fuq il-persuni taxxabbli, b’mod partikolari dawk li jibbenefikaw mill-eżenzjoni għall-intrapriżi ż-żgħar imsemmija fl-Artikolu 282 tad-Direttiva 2006/112/KE.

(9)

Jenħtieġ li l-miżura speċjali ma taffettwax id-dritt tal-konsumaturi li jirċievu fatturi stampati fil-każ ta’ tranżazzjonijiet intra-Komunitarji.

(10)

Il-miżura speċjali mhu se jkollha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni miksuba mill-VAT.

(11)

Għalhekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/593 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/593 hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 218 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Italja hija awtorizzata biss li taċċetta fatturi fil-forma ta’ dokumenti jew messaġġi elettroniċi jekk dawn jinħarġu minn persuni taxxabbli stabbiliti fit-territorju Taljan.”;

(2)

l-Artikolu 2 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

B’deroga mill-Artikolu 232 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Italja hija awtorizzata tipprovdi li l-użu ta’ fatturi elettroniċi maħruġin minn persuni taxxabbli stabbiliti fit-territorju Taljan ma għandux ikun soġġett għal aċċettazzjoni mir-riċevitur.”;

(3)

l-Artikolu 4 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2024.

Jekk l-Italja tqis li l-estensjoni tad-derogi msemmijin fl-Artikoli 1 u 2 hija meħtieġa, hija għandha tippreżenta talba lill-Kummissjoni għal estensjoni u magħha tehmeż rapport li jivvaluta l-effettività tal-miżuri nazzjonali msemmijin fl-Artikolu 3 fejn jidħlu l-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT u s-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxa. Dak ir-rapport għandu jevalwa wkoll l-impatt ta’ dawk il-miżuri fuq il-persuni taxxabbli, b’mod partikolari dawk li jibbenefikaw mill-eżenzjoni għall-intrapriżi ż-żgħar imsemmija fl-Artikolu 282 tad-Direttiva 2006/112/KE, u għandha b’mod partikolari tevalwa jekk dawk il-miżuri jżidux il-piżijiet u l-kostijiet amministrattivi tagħhom.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/593 tas-16 ta’ April 2018 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikoli 218 u 232 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 99, 19.4.2018, p. 14).