16.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 450/143


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/2241

tat-13 ta’ Diċembru 2021

dwar il-kompożizzjoni u l-mandat tal-Kumitat taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-Innovazzjoni (KŻER)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 179(1) u l-Artikolu 240(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Jannar 1974 (1) stabbiliet Kumitat tar-Riċerka Xjentifika u Teknika (Crest). Dik ir-Riżoluzzjoni ġiet sostitwita bir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Settembru 1995 (2), li mbagħad ġiet emendata u kkompletata, l-ewwel bir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Mejju 2010 (3), li biddlet l-isem ta’ Crest għal ‘Kumitat taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-Innovazzjoni’, imbagħad bir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2013 (4) li biddlet l-isem għal “Kumitat taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-Innovazzjoni” (“KŻER”), u mbagħad bil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 ta’ Diċembru 2015 dwar ir-reviżjoni tal-istruttura konsultattiva taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER).

(2)

Fl-1 ta’ Diċembru 2020, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar Żona Ewropea tar-Riċerka ġdida (“ŻER ġdida”), li jiddefinixxuha bħala qasam ta’ eċċellenza bbażat fuq il-valuri u ċċentrat fuq ir-riċerka kif ukoll xprunat mill-impatt, li fih huma appoġġati r-riċerkaturi, l-għarfien u t-teknoloġija u li fih jistgħu jiċċirkolaw liberament.

(3)

Fis-26 ta’ Novembru 2021, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-governanza futura taż- ŻER ġdida, li fihom enfasizza li ż-ŻER ġdida u l-prijoritajiet tagħha jirrikjedu tfassil mill-ġdid komprensiv tal-governanza attwali taż-ŻER, u kkonferma lill-KŻER bħala l-kumitat konsultattiv konġunt ta’ livell għoli dwar il-politika strateġika, li għandu jipprovdi pariri bikrija lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar kwistjonijiet strateġiċi ta’ politika dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni (R&I).

(4)

Il-Kunsill qabel li jirrevedi l-mandat tal-KŻER sabiex jirrifletti l-governanza taż-ŻER ġdida u jillimita s-sħubija tal-KŻER għal rappreżentanti mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni li għandhom livell eżekuttiv għoli ta’ responsabbiltà għall-politiki tar-riċerka u l-innovazzjoni. Il-Kunsill irrikonoxxa wkoll il-valur miżjud tal-kopresidenza tal-KŻER minn tali rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni.

(5)

Għalhekk il-mandat tal-Kumitat jenħtieġ li jiġi rivedut,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-mandat rivedut tal-Kumitat taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-Innovazzjoni huwa b’dan adottat.

2.   It-test tal-mandat rivedut huwa stabbilit fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Jannar 1974 dwar il-koordinazzjoni tal-politiki nazzjonali u d-definizzjoni ta’ proġetti ta’ interess għall-Komunità fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija (ĠU C 7, 29.1.1974, p. 2).

(2)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Settembru 1995 dwar Crest (ĠU C 264, 11.10.1995, p. 4).

(3)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Mejju 2010 dwar l-iżviluppi fil-governanza taż-Żona Ewropea tar-riċerka (ŻER) – ara d-dokument ST 10255/10 fuq http://register.consilium.europa.eu

(4)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2013 dwar il-ħidma konsultattiva għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka – ara d-dokument ST 10331/13 fuq http://register.consilium.europa.eu.


ANNESS

Mandat tal-Kumitat taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-Innovazzjoni (KŻER)

KOMPITI TAL-KUMITAT

Artikolu 1

1.   Il-Kumitat taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-Innovazzjoni (“il-Kumitat”) huwa kumitat konsultattiv konġunt ta’ livell għoli dwar il-politika strateġika, li jipprovdi pariri bikrija lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar kwistjonijiet strateġiċi ta’ politika dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni (R&I).

2.   Il-kompiti tal-Kumitat għandhom jinkludu dan li ġej:

(a)

li jagħti pariri dwar l-orjentazzjoni strateġika tal-politika u x-xejriet futuri li jirrikjedu l-irfinar tal-politiki fil-livell tal-Unjoni u nazzjonali, kif ukoll dak reġjonali, fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż dwar il-Programm Qafas attwali u li jmiss tal-Unjoni għar-riċerka u l-innovazzjoni u inizjattivi rilevanti oħra tal-Unjoni xprunati mir-riċerka u l-innovazzjoni;

(b)

li jibda aġġornamenti tal-aġenda ta’ Politika taż-ŻER, billi jipprovdi parir strateġiku bikri infurmat, fost oħrajn, billi jqis il-progress li sar fl-azzjonijiet taż-ŻER li għaddejjin bħalissa;

(c)

li jirrifletti u jipprovdi pariri dwar talbiet ġodda ta’ politika li jissodisfaw il-kriterji tal-aġenda ta’ politika taż-ŻER, tul l-implimentazzjoni tal-aġenda ta’ politika taż-ŻER;

(d)

li jinteraġixxi ma’ strutturi ta’ governanza u koordinazzjoni f’livell simili f’oqsma ta’ politika rilevanti oħra, bħall-edukazzjoni għolja u l-industrija.

Artikolu 2

Il-Kumitat għandu jipprovdi l-parir tiegħu, u jagħti opinjonijiet u rapporti fuq talba tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni jew fuq inizjattiva proprja.

KOMPOŻIZZJONI

Artikolu 3

1.   Il-membri tal-Kumitat għandhom ikunu l-Istati Membri u l-Kummissjoni (“membri”).

2.   Kull membru għandu jinnomina sa żewġ rappreżentanti fil-Kumitat li għandu jkollhom livell eżekuttiv għoli ta’ responsabbiltà għall-politiki tar-riċerka u l-innovazzjoni.

3.   Membru li ma jkunx jista’ jattendi laqgħa tal-Kumitat jista’ jaħtar sostitut għal dik il-laqgħa jew jiddelega l-funzjonijiet tiegħu lil membru ieħor. Il-Kopresidenti u s-Segretarju tal-Kumitat għandhom jiġu infurmati dwar dan bil-miktub qabel il-laqgħa.

PRESIDENTI U SEGRETARJAT

Artikolu 4

1.   Il-Kumitat għandu jkun kopresedut minn rappreżentant ta’ Stat Membru u rappreżentant tal-Kummissjoni.

2.   Il-Kumitat għandu, b’maġġoranza tal-membri tiegħu, jeleġġi Kopresident minn fost ir-rappreżentanti tal-Istati Membri. Il-mandat ta’ tali Kopresident għandu jkun għal perijodu ta’ tliet snin, li jista’ jiġġedded darba.

3.   L-Istat Membru li r-rappreżentant tiegħu jinħatar bħala Kopresident tal-Kumitat u l-Kummissjoni għandu jkollhom rappreżentant addizzjonali wieħed fuq il-Kumitat matul il-kariga tal-Kopresident.

4.   Il-Kopresidenti ma għandux ikollhom dritt għall-vot.

Artikolu 5

F’każ li wieħed mill-Kopresidenti ma jkunx jista’ jaqdi d-dmirijiet ta’ Kopresident, dak il-Kopresident għandu jaħtar sostitut bi qbil mal-Kopresident l-ieħor.

Artikolu 6

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jipprovdi s-servizzi tas-segretarjat tal-Kumitat.

PROCEDIMENTI

Artikolu 7

Jekk tintalab votazzjoni, l-opinjonijiet u r-rapporti għandhom jiġu adottati b’maġġoranza sempliċi tal-membri. Kull membru għandu jkollu vot wieħed. Il-Kumitat għandu jirrapporta dwar il-fehmiet tal-minoritajiet jew il-fehimiet kontra espressi matul id-diskussjoni.

Artikolu 8

Matul il-laqgħat tal-Kumitat jistgħu jitkellmu biss il-membri. Madanakollu, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Kopresidenti jistgħu jaqblu mod ieħor.

Artikolu 9

Rappreżentanti ta’ pajjiżi assoċjati mal-Programm Qafas tal-Unjoni dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll ta’ pajjiżi terzi, esperti esterni u partijiet ikkonċernati rilevanti jistgħu jiġu mistiedna għal-laqgħat rilevanti tal-Kumitat, kif xieraq, għal punti speċifiċi tal-aġenda u f’konformità mar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill.

Artikolu 10

Il-Kumitat jista’, f’każijiet debitament iġġustifikati, jafda lil Task Forces temporanji ad hoc b’kompiti speċifiċi.

Artikolu 11

1.   Il-Kumitat għandu jitlaqqa’ darbtejn fis-sena. Jekk is-sitwazzjoni tkun teħtieġ, il-Kopresidenti għandhom ukoll isejħu laqgħa speċjali tal-Kumitat.

2.   Il-laqgħat tal-Kumitat għandhom normalment isiru fi Brussell, iżda jistgħu jiġu ospitati mill-pajjiż li jkollu l-Presidenza b’rotazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea f’konformità mar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill.

Artikolu 12

1.   Il-Kumitat għandu jkollu Bord ta’ Tmexxija. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jikkonsisti mill-Kopresidenti tal-KŻER u rappreżentant wieħed ta’ kull wieħed mill-Istati Membri tat-Triju ta’ Presidenzi attwali u sussegwenti tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

2.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jagħżel u jħejji suġġetti għad-diskussjonijiet strateġiċi tal-Kumitat, appoġġat, kif meħtieġ, mit-Task Forces ad hoc tal-Kumitat.

Artikolu 13

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat dwar il-ħidma tal-Forum taż-ŻER regolarment.

Artikolu 14

Il-Kumitat għandu jadotta l-Arranġamenti Proċedurali tiegħu stess f’konformità mar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill.