13.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 445/23


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/2199

tat-13 ta’ Diċembru 2021

li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal-31 ta' Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 30(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-31 ta' Mejju 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK.

(2)

Il-Kunsill għadu mħasseb serjament dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja.

(3)

Il-Grupp Wagner, entità militari privata mhux inkorporata bbażata r-Russja, jagħti kontribut kruċjali għall-isforzi tal-gwerra ta' Bashar al-Assad fis-Sirja, b'mod partikolari billi jħarreġ u jmexxi l-forzi Sirjani u l-milizzji affiljati mar-reġim.

(4)

Il-Kunsill iqis li żewġ persuni involuti fl-operazzjonijiet militari tal-grupp Wagner fis-Sirja, kif ukoll tliet kumpanniji li jibbenefikaw mir-reġim Sirjan u li jappoġġawh jenħtieġ li jiżdiedu mal-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet jew korpi soġġetti għal miżuri restrittivi fl-Anness I għad-Deċiżjoni 2013/255/PESK.

(5)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2013/255/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness I għad-Deċiżjoni 2013/255/PESK huwa emendat kif stabbilit fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)   ĠU L 147, 1.6.2013, p. 14.


ANNESS

L-Anness I għad-Deċiżjoni 2013/255/PESK huwa emendat kif ġej:

1.

L-entrati li ġejjin jiżdiedu mal-lista li tinsab fit-Taqsima A (Persuni):

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“316.

Andrey Nikolaevich TROSHEV

(magħruf ukoll bħala Andrei Mykolayvych TROSHEV)

Андрей Николаевич ТРОШЕВ

Pożizzjoni(jiet): Kurunell irtirat, Membru fundatur u Direttur Eżekuttiv (Kap tal-Persunal) tal-Grupp Wagner;

Grad: Kurunell irtirat;

Sinjal tas-sejħa: Siedoy;

Data tat-twelid: 5.4.1953;

Post tat-twelid: Leningrad, l-ex USSR (issa l-Federazzjoni Russa);

Nazzjonalità: Russa;

Qraba/Assoċjati: Dimitriy Utkin (Fundatur tal-Grupp Wagner); Andrey Bogatov (Kap tar-raba' Kumpanija ta' Attakk u Rikonjizzjoni tal-Grupp Wagner), Aleksandr Sergeevich Kuznetsov (Kmandant tal-Ewwel Kumpanija ta' Attakk u Rikonjizzjoni tal-Grupp Wagner);

Sess: raġel

Direttur Eżekuttiv (Kap tal-Persunal) tal-Grupp Wagner, li jopera fis-Sirja u jħarreġ u jmexxi l-forzi Sirjani. Il-Grupp Wagner jappoġġa wkoll lir-reġim ta' Assad u jiġġieled flimkien mal-milizzji affiljati mar-reġim u l-armata Sirjana.

Andrey Troshev huwa involut direttament fl-operazzjonijiet militari tal-Grupp Wagner fis-Sirja. Huwa kien partikolarment involut fiż-żona ta' Deir ez-Zor. Bħala tali, huwa jipprovdi kontribut kruċjali għall-isforz tal-gwerra ta' Bashar al-Assad u għalhekk jappoġġa u jibbenefika mir-reġim Sirjan.

13.12.2021

317.

Andrey Mikhailovich BOGATOV

(magħruf ukoll bħala Andrei Mychailovych BOGATOV)

Андрей Михайлович БОГАТОВ

Pożizzjoni(jiet): Kap tar-Raba' Kumpanija ta' Rikonjizzjoni u Attakk tal- Grupp Wagner

Sinjal tas-sejħa: Brodiaga

Karta tal-Identità tal-Grupp Wagner: M-1601;

Data tat-twelid: 14.6.1964;

Post tat-twelid: Stary Oskol, reġjun ta' Belgorod, l-ex USSR (issa l-Federazzjoni Russa);

Nazzjonalità: Russa;

Qraba/Assoċjati: Dimitriy Utkin (Fondatur tal-Grupp Wagner); Andrey Nikolaevich Troshev (Membru fundatur u Direttur Eżekuttiv (Chief of Staff) tal-Grupp Wagner), Aleksandr Sergeevich Kuznetsov (Kmandant tal-Ewwel Kumpanija ta' Attakk u Rikonjizzjoni tal-Grupp Wagner);

Sess: raġel

Kap tar-Raba' Kumpanija ta' Attakk u Rikonjizzjoni tal-Grupp Wagner, li jopera fis-Sirja u jħarreġ u jmexxi l-forzi Sirjani. Il-Grupp Wagner jappoġġa wkoll lir-reġim ta' Assad u jiġġieled flimkien mal-milizzji affiljati mar-reġim u l-armata Sirjana.

Andrey Bogatov jikkmanda l-operazzjonijiet tal-Grupp Wagner u huwa direttament involut fl-operazzjonijiet militari tal-Grupp Wagner fis-Sirja. Huwa kien partikolarment involut fil-gwerra ta' Palmira. Bħala tali, huwa jagħti kontribut kruċjali għall-isforz tal-gwerra ta' Bashar al-Assad u għalhekk jappoġġa u jibbenefika mir-reġim Sirjan.

13.12.2021”

2.

L-entrati li ġejjin jiżdiedu mal-lista li tinsab fit-Taqsima B (entitajiet):

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“79.

Velada LLC

OOO Велада

Indirizz: Ochakovskoye Shosse, Dom 28, Building 2, Local 3, Room 8, Moscow, 119530, Russian Federation;

Data tal-ħolqien: 29.6.2015

Velada LLC hija kumpannija privata li hija involuta fis-settur taż-żejt u tal-gass fis-Sirja.

F'Diċembru 2019, il-parlament Sirjan approva kuntratt li jagħti lil Velada LLC id-dritt li tiżviluppa ż-żejt u l-gass fis-Sirja, inkluż f'depożiti taż-żejt fiż-żoni kkontrollati mir-reġim fil-Grigal tas-Sirja u depożitu tal-gass fit-Tramuntana ta' Damasku. B'hekk, tibbenefika mir-reġim Sirjan jew tappoġġah.

13.12.2021

80.

Mercury LLC

OOO Меркурий

Indirizz: Leninsky Prospekt, Dom 137, Building 1, Local 2, Room 5, Moscow, Russian Federation;

Mercury LLC hija kumpanija privata involuta fis-settur taż-żejt u tal-gass fis-Sirja.

F'Diċembru 2019, il-parlament Sirjan approva kuntratt li jagħti lil Mercury LLC id-dritt li tiżviluppa ż-żejt u l-gass fis-Sirja, inkluż f'depożiti taż-żejt fiż-żoni kkontrollati mir-reġim fil-Grigal tas-Sirja u depożitu tal-gass fit-Tramuntana ta' Damasku. B'hekk, tibbenefika mir-reġim Sirjan jew tappoġġah.

13.12.2021

81.

Evro Polis LLC

OOO Евро Полис

Indirizz: Ulitsa Bratev, Gozozankinykh, Dom 2B, Pomeshchenie 3.1., Krasnogorsk, 143409, Russia Federation;

Qraba/Assoċjati: General Petroleum Corp.

Evro Polis LLC hija kumpanija privata, marbuta mal-Grupp Wagner fis-Sirja, involuta fis-setturi tal-minjieri, taż-żejt u tal-gass fis-Sirja.

Evro Polis LLC tintuża bħala faċċata għall-Grupp Wagner fis-Sirja. Iffirmat għadd ta' kuntratti mar-reġim Sirjan, permezz tal-proprjetà tal-istat General Petroleum Corp., li minnha tirċievi 25 % tad-dħul mill-produzzjoni taż-żejt u l-gass f’depożiti maqbuda mill-Grupp Wagner. B'hekk, tibbenefika mir-reġim Sirjan jew tappoġġah.

13.12.2021”