10.12.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
LI 443/1 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2187
tad-9 ta’ Diċembru 2021
li tistabbilixxi l-ekwivalenza, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, taċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġa mir-Repubblika Libaniża maċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2021/953 jistipula qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (“Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE”) għall-fini tal-faċilitazzjoni tal-eżerċizzju mid-detenturi tad-dritt tagħhom għall-moviment liberu matul il-pandemija tal-COVID-19. Huwa għandu jikkontribwixxi wkoll għall-faċilitazzjoni tat-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu stabbiliti mill-Istati Membri, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, biex jiġi limitat it-tixrid tas-SARS-CoV-2, b’mod ikkoordinat. |
(2) |
Ir-Regolament (UE) 2021/953 jippermetti l-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa minn pajjiżi terzi liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom jekk il-Kummissjoni tikkonstata li dawk iċ-ċertifikati COVID-19 jinħarġu f’konformità ma’ standards li jitqiesu ekwivalenti għal dawk stabbiliti skont dak ir-Regolament. Barra minn hekk, f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-Istati Membri għandhom japplikaw ir-regoli stipulati fir-Regolament (UE) 2021/953 għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, imma li jkunu qed joqogħdu jew jirrisjedu legalment fit-territorju tagħhom u li għandhom id-dritt li jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, jenħtieġ li kwalunkwe sejba ta’ ekwivalenza stipulata f’din id-Deċiżjoni tapplika għaċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim maħruġa mir-Repubblika Libaniża liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom. B’mod simili, abbażi tar-Regolament (UE) 2021/954, jenħtieġ li tali sejbiet ta’ ekwivalenza japplikaw ukoll għaċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim maħruġa mir-Repubblika Libaniża liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qed joqogħdu jew jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament. |
(3) |
Fit-12 ta’ Ottubru 2021, ir-Repubblika Libaniża pprovdiet lill-Kummissjoni b’informazzjoni dettaljata dwar il-ħruġ ta’ ċertifikati interoperabbli tat-tilqim kontra l-COVID-19 skont is-sistema intitolata “covax.moph.gov.lb”. Ir-Repubblika Libaniża infurmat lill-Kummissjoni li hija tqis li ċ-ċertifikati COVID-19 tagħha qed jinħarġu f’konformità ma’ sistema standard u teknoloġika, li huma interoperabbli mal-qafas ta’ fiduċja stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 u li jippermettu l-verifika tal-awtentiċità, tal-validità u tal-integrità taċ-ċertifikati. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Libaniża infurmat lill-Kummissjoni li ċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa mir-Repubblika Libaniża f’konformità mas-sistema “covax.moph.gov.lb” fihom id-data stabbilita fl-Anness tar-Regolament (UE) 2021/953. |
(4) |
Barra minn hekk, ir-Repubblika Libaniża infurmat lill-Kummissjoni li hija taċċetta ċertifikati tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġa mill-Istati Membri u mill-pajjiżi taż-ŻEE f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953. |
(5) |
Fis-26 ta’ Novembru 2021, wara talba mir-Repubblika Libaniża, il-Kummissjoni wettqet testijiet tekniċi li wrew li ċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim maħruġa mir-Repubblika Libaniża huma f’konformità mas-sistema “covax.moph.gov.lb”, li hija interoperabbli mal-qafas ta’ fiduċja stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953, u li tippermetti l-verifika tal-awtentiċità, tal-validità u tal-integrità taċ-ċertifikati. Il-Kummissjoni kkonfermat ukoll li ċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim maħruġa mir-Repubblika Libaniża f’konformità mas-sistema “covax.moph.gov.lb” fihom id-data meħtieġa. |
(6) |
Minbarra dan, ir-Repubblika Libaniża infurmat lill-Kummissjoni li qed toħroġ ċertifikati interoperabbli tat-tilqim għall-vaċċini kontra l-COVID-19. Dawk il-vaċċini bħalissa jinkludu Comirnaty, Vaxzevria, R-COVI, Sputnik V u BBIBP-CorV. |
(7) |
Ir-Repubblika Libaniża infurmat ukoll lill-Kummissjoni li hija la toħroġ ċertifikati interoperabbli tat-testijiet għal testijiet ta’ amplifikazzjoni tal-aċidu nuklejku, u lanqas testijiet rapidi tal-antiġeni. |
(8) |
Barra minn hekk, ir-Repubblika Libaniża infurmat lill-Kummissjoni li hija ma toħroġx ċertifikati interoperabbli tal-fejqan. |
(9) |
Barra minn hekk, ir-Repubblika Libaniża infurmat lill-Kummissjoni li meta verifikaturi fil-Libanu jivverifikaw iċ-ċertifikati, id-data personali inkluża fihom se tiġi pproċessata biss biex tivverifika u tikkonferma t-tilqim, ir-riżultat tat-test jew l-istatus tal-fejqan tad-detentur u mhux se tinżamm wara. |
(10) |
L-elementi meħtieġa biex jiġi stabbilit li ċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim maħruġa mir-Repubblika Libaniża f’konformità mas-sistema “covax.moph.gov.lb” għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 huma għalhekk issodisfati. |
(11) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li ċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim maħruġa mir-Repubblika Libaniża f’konformità mas-sistema “covax.moph.gov.lb” jiġu aċċettati skont il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE) 2021/953. |
(12) |
Sabiex din id-Deċiżjoni tkun operattiva, jenħtieġ li r-Repubblika Libaniża tkun konnessa mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953. |
(13) |
Sabiex tipproteġi l-interessi tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tas-saħħa pubblika, il-Kummissjoni tista’ tuża s-setgħat tagħha biex tissospendi l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni jew tħassarha, jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2021/953 ma jibqgħux jiġu ssodisfati. |
(14) |
Sabiex ir-Repubblika Libaniża tkun konnessa mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 malajr kemm jista’ jkun, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
(15) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2021/953, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Iċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim maħruġa mir-Repubblika Libaniża f’konformità mas-sistema “covax.moph.gov.lb” għandhom, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, jitqiesu ekwivalenti għal dawk maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953.
Artikolu 2
Ir-Repubblika Libaniża għandha tkun konnessa mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 211, 15.6.2021, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 211, 15.6.2021, p. 24).