6.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 434/1


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2148

tat-3 ta’ Diċembru 2021

dwar l-oġġezzjonijiet mhux riżolti rigward it-termini u l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni tal-familja tal-prodotti bijoċidali Oxybio f’konformità mal-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2021) 8690)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 36(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ Lulju 2018, il-kumpanija Intergraz et Services (“l-applikant”) issottomettiet applikazzjoni għal rikonoxximent reċiproku b’mod parallel lill-awtoritajiet kompetenti ta’ diversi Stati Membri, inkluża Franza, f’konformità mal-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-familja tal-prodotti bijoċidali Oxybio ta’ prodotti diżinfettanti tas-superfiċe li fihom is-sustanza attiva perossidu tal-idroġenu f’konċentrazzjonijiet bejn 12 u 49 % piż skont il-piż (“il-familja tal-prodotti bijoċidali”). Il-Belġju huwa l-Istat Membru ta’ referenza responsabbli għall-evalwazzjoni tal-applikazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(2)

Il-familja tal-prodotti bijoċidali hija magħmula minn prodotti li fihom il-perossidu tal-idroġenu f’konċentrazzjonijiet ta’ 12 %, 30 %, 35 % u 49 %, organizzati fi tliet sottofamilji, u l-proprjetajiet tekniċi tagħhom huma deskritti fi tliet sommarji ta’ karatteristiċi ta’ prodott bijoċidali (meta SPCs), jiġifieri meta SPC 1, meta SPC 2 u meta SPC 3. Fir-rapport ta’ valutazzjoni tiegħu, il-Belġju rrakkomanda biss l-awtorizzazzjoni għal dawk il-prodotti tal-familja tal-prodotti bijoċidali li fihom il-perossidu tal-idroġenu f’konċentrazzjoni ta’ 12 %. Dawk il-prodotti huma koperti mill-meta SPC 1 (Oxybio L12).

(3)

Fid-29 ta’ Settembru 2020, skont l-Artikolu 35(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, Franza kkomunikat xi oġġezzjonijiet lill-grupp ta’ koordinazzjoni billi indikat li l-familja ta’ prodotti kkontestata ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 19(1)(d) ta’ dak ir-Regolament.

(4)

Franza kkunsidrat li l-istabbiliment tal-perikli fiżiċi tal-prodotti fil-familja tal-prodotti bijoċidali magħmula mill-Belġju fir-rigward tal-proprjetà tal-likwidi ossidanti, u indikata fl-abbozz tas-sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott bijoċidali (SPC) skont l-Artikolu 22(2)(i) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, ma kinitx korretta. Il-Belġju indika li limiti ta’ konċentrazzjoni speċifiċi tal-perossidu tal-idroġenu, kif stabbilit fil-Parti 3 tat-Tabella 3 tal-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), ġew ikkunsidrati għall-istabbiliment tal-proprjetà ossidanti tal-familja tal-prodotti bijoċidali u li l-limitu l-aktar baxx, jiġifieri 50 %, ma ġie ssodisfat mill-ebda prodott tal-familja tal-prodotti bijoċidali. Għaldaqstant, il-Belġju kkonkluda li l-prodotti ma kellhomx jiġu kklassifikati fir-rigward ta’ din il-proprjetà.

(5)

Franza argumentat li huwa inkorrett li l-prodotti ma jiġux ikklassifikati fir-rigward tal-proprjetà tal-likwidi ossidanti. Franza sostniet li, kif indikat fil-Gwida dwar l-Applikazzjoni tal-kriterji CLP (3) tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“il-Gwida ECHA”), l-esperjenza fl-immaniġġjar u fl-użu ta’ sustanzi jew taħlitiet li turi li huma ossidanti hija fattur importanti biex tiġi kkunsidrata l-klassifikazzjoni f’din il-klassi ta’ periklu. Skont Franza, l-applikazzjoni tar-Regolamenti Mudell tan-NU dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi (RTDG) tirrappreżenta din l-esperjenza u l-klassifikazzjoni skont dawn ir-Regolamenti jenħtieġ li tiġi inkluża fl-abbozz tal-SPC. Għaldaqstant, Franza kkonkludiet li l-klassifikazzjoni korretta tal-prodotti tal-familja tal-prodotti bijoċidali koperti mill-meta SPC 1 (Oxybio L12) jenħtieġ li tkun ta’ Likwidu ossidanti, Grupp ta’ imballaġġ III, kif stabbilit fir-Regolamenti Mudell tan-NU RTDG.

(6)

Billi fil-grupp ta’ koordinazzjoni ma ntlaħaqx ftehim, fl-10 ta’ Diċembru 2020, il-Belġju kkomunika l-oġġezzjoni mhux riżolta lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Il-Belġju pprovda dikjarazzjoni lill-Kummissjoni li tispjega fid-dettall il-kwistjoni li l-Istati Membri ma setgħux jaqblu dwarha u r-raġunijiet għal dak in-nuqqas ta’ qbil. Intbagħtet kopja ta’ dik id-dikjarazzjoni lill-Istati Membri kkonċernati u lill-applikant.

(7)

L-Artikolu 19(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, jistabbilixxi waħda mill-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni, jiġifieri li l-proprjetajiet fiżiċi u kimiċi tal-prodott bijoċidali jkunu ġew stabbiliti u meqjusa aċċettabbli għall-finijiet tal-użu adatt u t-trasport tal-prodott.

(8)

Il-punt 2.13.2.1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 jipprevedi li likwidu ossidanti għandu jiġi klassifikat f’waħda mit-tliet kategoriji għal din il-klassi (il-Kategorija 1, 2 jew 3) permezz tat-test O.2 fil-Parti III, is-sottotaqsima 34.4.2 tal-RTDG tan-NU, il-Manwal dwar it-Testijiet u l-Kriterji f’konformità mat-Tabella 2.13.1 ta’ dak l-Anness.

(9)

It-Tabella 3 tal-Parti 3 tal-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tipprevedi fl-entrata bin-numru tal-indiċi 008-003-00-9, il-klassifikazzjoni armonizzata għas-soluzzjonijiet tal-perossidu tal-idroġenu fir-rigward tal-proprjetà tal-likwidi ossidanti b’limiti ta’ konċentrazzjoni speċifiċi, kif ġej: Likwidu ossidanti tal-Kategorija 1 b’mhux inqas minn 70 % ta’ perossidu tal-idroġenu u Likwidu Ossidanti tal-Kategorija 2 b’mhux inqas minn 50 % iżda mhux aktar minn 70 % ta’ perossidu tal-idroġenu. Madankollu, erba’ asteriski “(****)” jakkumpanjaw dawk il-limiti, li jindika li l-klassifikazzjoni l-korretta trid tiġi kkonfermata permezz tal-ittestjar, kif stabbilit fil-punt 1.2.4 tal-Parti 1 tal-Anness VI ta’ dak ir-Regolament.

(10)

L-applikant ma pprovda l-ebda data tal-ittestjar fir-rigward tal-proprjetà tal-likwidi ossidanti. L-applikant ikkunsidra li l-limiti ta’ konċentrazzjoni speċifiċi indikati fit-Tabella 3 tal-Parti 3 tal-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, fl-entrata bin-numru tal-indiċi 008-003-00-9, fejn applikabbli għall-klassifikazzjoni fir-rigward tal-proprjetà tal-likwidi ossidanti u li l-applikazzjoni tagħhom wasslet għan-nuqqas ta’ klassifikazzjoni tal-prodotti tal-familja tal-prodotti bijoċidali fir-rigward ta’ din il-proprjetà.

(11)

F’konformità mar-Regolamenti Mudell tan-NU RTDG, jenħtieġ li soluzzjonijiet milwiema b’aktar minn 8 % ta’ perossidu tal-idroġenu jiġu kklassifikati fid-diviżjoni 5.1 (sustanzi ossidanti) kif ġej: Likwidu ossidanti, Grupp ta’ imballaġġ III, b’mhux inqas minn 8 % iżda mhux aktar minn 20 % ta’ perossidu tal-idroġenu; Likwidu ossidanti, Grupp ta’ imballaġġ II, b’mhux inqas minn 20 % iżda mhux aktar minn 60 % ta’ perossidu tal-idroġenu; Likwidu ossidanti, Grupp ta’ imballaġġ I, b’aktar minn 60 % ta’ perossidu tal-idroġenu. Il-klassifikazzjoni fir-rigward ta’ din il-klassi ta’ periklu hija bbażata fuq l-istess test bħal dak meħtieġ mill-punt 2.13 tal-Parti 2 tal-Anness I sar-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

(12)

Kif previst fit-taqsima 2.13.5 tal-Gwida tal-ECHA, il-Gruppi tal-imballaġġ I, II u III kif definiti skont ir-Regolamenti Mudell tan-NU RTDG għal-likwidi ossidanti, jikkorrispondu direttament għall-Kategoriji 1, 2 u 3 għal-likwidi ossidanti, rispettivament tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

(13)

Skont il-punt 2.13.4.3 tal-Parti 2 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, fil-każ ta’ diverġenza bejn ir-riżultati tat-test u dak li hu magħruf mill-esperjenza, il-ġudizzji bbażati fuq l-esperjenza magħrufa għandhom jieħdu preċedenza fuq ir-riżultati tat-test. It-taqsima korrispondenti 2.13.4.3 tal-Gwida tal-ECHA tindika wkoll li barra mill-ittestjar, anki l-esperjenza fl-immaniġġjar u fl-użu tas-sustanzi u tat-taħlitiet li turi li huma ossidanti, hija fattur addizzjonali importanti fil-konsiderazzjoni tal-klassifikazzjoni ta’ din il-klassi ta’ periklu.

(14)

Għat-trasport ta’ oġġetti perikolużi fit-territorji tal-Istati Membri u bejniethom, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jimponi l-applikazzjoni tal-Annessi A u B tal-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bit-Triq (“ADR”), tar-Regolamenti Annessi għall-Ftehim Ewropew rigward it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi fuq Passaġġi tal-Ilma Interni (“ADN”), kif ukoll l-Artikoli 3(f), 3(h), 8(1) u 8(3) tal-ADN, u tal-Anness tar-Regolamenti rigward it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bil-Ferrovija (“RID”).

(15)

L-ADR, l-ADN u l-RID qed isegwu r-Regolamenti Mudell tan-NU RTDG u fihom il-klassifikazzjoni ta’ soluzzjonijiet milwiema li fihom il-perossidu tal-idroġenu kif stabbilit mir-Regolamenti Mudell tan-NU RTDG. Għall-finijiet tat-trasport, il-prodotti tal-familja tal-prodotti bijoċidali koperti mill-meta SPC 1 għandhom għaldaqstant jiġu kklassifikati bħala Likwidi ossidanti, Grupp ta’ imballaġġ III, f’konformità mal-ADR, l-ADN u l-RID.

(16)

Fin-nuqqas ta’ data għall-ittestjar ipprovduta mill-applikant, jidher xieraq li jiġi applikat ġudizzju bbażat fuq l-esperjenza magħrufa fl-immaniġġjar u fl-użu ta’ soluzzjonijiet milwiema li jkun fihom il-perossidu tal-idroġenu li jikkonċerna l-klassifikazzjoni fir-rigward tal-proprjetà tal-likwidi ossidanti. F’dan il-kuntest, il-leġiżlazzjoni dwar it-trasport ta’ oġġetti perikolużi tipprevedi kriterji vinkolanti dwar il-klassifikazzjoni ta’ sustanzi u taħlitiet, inkluż fir-rigward tal-klassi ta’ perikolu għal-likwidi ossidanti, li huma rilevanti għall-każ inkwistjoni.

(17)

Għaldaqstant, huwa xieraq li fl-abbozz tal-SPC jiġi indikat li prodotti li fihom il-perossidu tal-idroġenu f’konċentrazzjoni ta’ 12 % għandhom jiġu kklassifikati bħala Likwidu ossidanti, Grupp ta’ imballaġġ III, f’konformità mar-Regolamenti Mudell tan-NU RTDG li jikkorrispondu għal-Likwidu ossidanti, Kategorija 3, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

(18)

Fit-8 ta’ April 2021, il-Kummissjoni tat lill-applikant l-opportunità li jipprovdi kummenti bil-miktub f’konformità mal-Artikolu 36(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. L-applikant ipprovda kummenti li l-Kummissjoni mbagħad qieset.

(19)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Din id-Deċiżjoni tapplika għall-prodotti koperti mill-meta SPC 1 (Oxybio L12) tal-familja tal-prodotti bijoċidali identifikata bin-numru tal-każ BC-SK041671-32 fir-Reġistru għall-Prodotti Bijoċidali.

Artikolu 2

Għall-fini tal-Artikolu 19(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, il-klassifikazzjoni ta’ periklu fir-rigward tal-proprjetà tal-likwidi ossidanti tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1, għandha tkun Likwidu ossidanti, Grupp ta’ imballaġġ III, f’konformità mar-Regolamenti Mudell tan-NU RTDG, li jikkorrispondu għal-Likwidu ossidanti, Kategorija 3, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

Il-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 jissodisfaw il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 19(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 dment li jiġu kklassifikati bħala Likwidu ossidanti, Grupp ta’ imballaġġ III, f’konformità mar-Regolamenti Mudell tan-NU RTDG, li jikkorrispondu għal-Likwidu ossidanti, Kategorija 3, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Diċembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

(3)  Il-Gwida tal-ECHA dwar l-Applikazzjoni tal-Kriterji tas-CLP, il-Gwida għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 dwar il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ (CLP) ta’ sustanzi u taħlitiet, Verżjoni 5.0, Lulju 2017 https://echa.europa.eu/documents/10162/23036412/clp_en.pdf/58b5dc6d-ac2a-4910-9702-e9e1f5051cc5.

(4)  Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi (ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13).