|
3.12.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 432/63 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/2136
tat-2 ta’ Diċembru 2021
dwar Miżura ta’ Assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Moldova
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 41(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1), ġiet stabbilita Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-finanzjament mill-Istati Membri tal-azzjonijiet tal-Unjoni fil-qafas tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni biex jinżamm il-paċi, jiġu pprevenuti l-konflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skont l-Artikolu 21(2), punt (c), tat-Trattat. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2), punt (b)(i) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF tista’ tiffinanzja azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali relatati ma’ kwistjonijiet militari u ta’ difiża. |
|
(2) |
L-Unjoni tappoġġa bis-sħiħ is-sovranità u l-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Moldova fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment, bi status speċjali għat-Transnistrija. L-Unjoni hija impenjata għal soluzzjoni komprensiva, paċifika u sostenibbli tal-konflitt Transnistrijan fil-qafas tal-format 5 + 2. |
|
(3) |
Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (2), għandu l-għan li japprofondixxi d-djalogu u l-kooperazzjoni fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà, inkluż il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK), u jindirizza, fost l-oħrajn, il-kwistjonijiet tal-prevenzjoni tal-konflitti, il-ġestjoni tal-kriżijiet u l-istabbiltà reġjonali. |
|
(4) |
Il-Komunikazzjoni Konġunta ta’ Marzu 2020, “Il-politika tas-Sħubija tal-Lvant lil hinn mill-2020: It-Tisħiħ tar-Reżiljenza – Sħubija tal-Lvant li tikseb riżultati għal kulħadd” u d-Dokument ta’ Ħidma Konġunt tal-Persunal ta’ Lulju 2021, “Irkupru, reżiljenza u riforma: prijoritajiet tas-Sħubija tal-Lvant wara l-2020”, jenfasizzaw it-tisħiħ tar-reżiljenza għar-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant matul is-snin li ġejjin. |
|
(5) |
Il-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Moldova għandhom rwol importanti fl-iżgurar tas-sigurtà u l-istabbiltà fil-pajjiż. Is-sitwazzjoni tas-sigurtà teħtieġ it-tisħiħ tal-kapaċitajiet militari li jistgħu jintużaw ukoll waqt ir-rispons għall-kriżijiet biex jiġu żgurati s-sikurezza u s-sigurtà tal-popolazzjoni ċivili. |
|
(6) |
Il-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova huwa impenjat sabiex jimplimenta riformi, inkluż fis-settur tas-sigurtà u d-difiża, b’infiq finanzjarju u materjali sinifikanti. Biex tappoġġa dawn l-isforzi, l-Unjoni tfittex li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet militari identifikati tal-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Moldova. |
|
(7) |
Fl-ittra tiegħu tal-11 ta’ Ottubru 2021 indirizzata lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”), il-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Integrazzjoni Ewropea tar-Repubblika tal-Moldova talab, f’konformità mal-Artikolu 59(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, appoġġ għall-Forzi Armati permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-Servizz Mediku Militari u tal-Battaljun tal-Inġiniera. |
|
(8) |
Din il-miżura ta’ assistenza għandha tiġi implimentata b’kont meħud tal-prinċipji u r-rekwiżiti stabbiliti fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa iffinanzjati taħt l-EPF u f’konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (3). |
|
(9) |
Il-Kunsill itenni d-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jiggarantixxi d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi, u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Twaqqif, objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u durata
1. Hija b’dan stabbilita miżura ta’ assistenza li tibbenefika minnha r-Repubblika tal-Moldova (il-“benefiċjarju”), li għandha tiġi ffinanzjata mill-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) (il-“Miżura ta’ Assistenza”)..
2. L-objettiv tal-Miżura ta’ Assistenza huwa li jiżdiedu l-kapaċitajiet tas-Servizz Mediku Militari u tal-Battaljun tal-Inġiniera tal-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Moldova (‘Forzi Armati’), inkluż il-kapaċità tagħhom li jipprovdu s-servizzi rispettivi tagħhom lill-popolazzjoni ċivili f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi jew ta’ emerġenza kif ukoll biex issaħħaħ l-kapaċita’ tal-Moldova sabiex tikkontribwixxi għall-missjonijiet u operazzjonijiet militari tal-PSDK.
3. Sabiex jintlaħaq l-objettiv stabbilit fil-paragrafu 2, il-Miżura ta’ Assistenza għandha tiffinanzja l-forniment ta’ tagħmir li mhux maħsub li jillibera forza letali u provvisti li ġejjin lill-unitajiet tal-Forzi Armati msemmija f’dak il-paragrafu:
|
(a) |
Tagħmir mediku għas-Servizz Mediku Militari; u |
|
(b) |
Tagħmir għan-newtralizzazzjoni ta’ mezzi esplożivi għall-Battaljun tal-Inġiniera. |
4. Id-durata tal-Miżura ta’ Assistenza għandha tkun ta’ 36 xahar mid-data tal-konklużjoni tal-ftehim bejn l-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza li jaġixxi bħala uffiċjal ta’ awtorizzazzjoni u l-entità msemmija fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 32(2), punt (a), tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.
Artikolu 2
Arranġamenti finanzjarji
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-Miżura ta’ Assistenza għandu jkun ta’ massimu ta’ EUR 7 000 000. F’konformità mal-Artikolu 29(5) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza jista’ jagħmel sejħa għal kontribuzzjonijiet wara l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, sa EUR 6 300 000. Il-fondi li għalihom għamel sejħa l-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għandhom jintużaw biss biex titħallas in-nefqa fil-limiti approvati mill-Kumitat stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 fil-baġit emendatorju tal-2021 li tikkorrispondi għal din il-Miżura ta’ Assistenza.
2. In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u r-Regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjata taħt l-EPF.
Artikolu 3
Arranġamenti mal-benefiċjarju
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jagħmel l-arranġamenti neċessarji mal-benefiċjarju biex jiżgura l-konformità tal-benefiċjarju mar-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet stabbiliti permezz ta’ din id-Deċiżjoni bħala kondizzjoni għall-għoti ta’ appoġġ taħt il-Miżura ta’ Assistenza.
2. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju jiżgura:
|
(a) |
konformità tal-unitajiet tal-Forzi Armati appoġġati taħt il-Miżura ta’ Assistenza mad-dritt internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali; |
|
(b) |
użu xieraq u effiċjenti tal-assi kollha pprovduti taħt il-Miżura ta’ Assistenza għall-iskopijiet li għalihom ikunu ġew ipprovduti; |
|
(c) |
manutenzjoni suffiċjenti tal-assi kollha pprovduti taħt il-Miżura ta’ Assistenza biex tiġi żgurata l-użabilità tagħhom u d-disponibbiltà operazzjonali tagħhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom; |
|
(d) |
li l-assi kollha pprovduti taħt il-Miżura ta’ Assistenza mhux ser jintilfu, jew jiġu ttrasferiti mingħajr il-kunsens tal-Kumitat tal-Faċilità stabbilit skont id-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 lil persuni jew entitajiet oħra għajr dawk identifikati f’dawk l-arranġamenti, fi tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom. |
3. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ taħt il-Miżura ta’ Assistenza f’każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 2.
Artikolu 4
Implimentazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u mar-Regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF, konsistenti mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza taħt l-EPF.
2. L-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) għandha titwettaq mill-Aġenzija Ċentrali Litwana għall-Ġestjoni tal-Proġetti (CPMA).
Artikolu 5
Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jiżgura li r-rispett tal-obbligi stabbiliti skont l-Artikolu 3 mill-benefiċjarju jiġi mmonitorjat. Dan il-monitoraġġ għandu jipprovdi għarfien tal-kuntest u r-riskji tal-ksur tal-obbligi stabbiliti skont l-Artikolu 3, u għandu jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ tali ksur, inkluż ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-unitajiet tal-Forzi Armati appoġġati taħt il-Miżura ta’ Assistenza.
2. Il-kontroll ta’ wara t-trasportazzjoni tat-tagħmir u l-provvisti għandu jiġi organizzat kif ġej:
|
(a) |
verifika tal-konsenja, fejn iċ-ċertifikati tal-konsenja għandhom jiġu ffirmati mill-forzi tal-utent aħħari mat-trasferiment tas-sjieda; |
|
(b) |
rappurtar dwar l-attivitajiet, fejn il-benefiċjarju għandu jirrapporta kull sena dwar l-attivitajiet li jinvolvu tagħmir deżinjat ipprovdut taħt il-Miżura ta’ Assistenza sakemm tali rappurtar ma jibqax jitqies meħtieġ mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS); |
|
(c) |
kontroll fuq il-post fejn il-benefiċjarju għandu jagħti lir-Rappreżentant Għoli l-aċċess biex iwettaq kontroll fuq il-post fuq talba ta’ dan tal-aħħar. |
3. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jwettaq evalwazzjoni, permezz tal-ewwel valutazzjoni strutturata tal-Miżura ta’ Assistenza, sitt xhur wara l-ewwel kunsinna ta’ tagħmir. Dan jista’ jinvolvi żjarat fuq il-post biex jiġu verifikati t-tagħmir, il-provvisti u s-servizzi mogħtija skont il-Miżura ta’ Assistenza, jew kwalunkwe forma effettiva oħra ta’ informazzjoni pprovduta indipendentement. Għandha ssir evalwazzjoni finali mat-tlestija tal-kunsinna ta’ tagħmir, provvisti u servizzi taħt il-Miżura ta’ Assistenza sabiex jiġi vvalutat jekk l-Miżura ta’ Assistenza kkontribwixxietx sabiex jintlaħqu l-objettivi ddikjarati.
Artikolu 6
Rappurtar
Matul il-perijodu ta’ implimentazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi lill-KPS rapporti ta’ kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-Miżura ta’ Assistenza f’konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. L-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għandu jinforma regolarment lill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq skont l-Artikolu 38 ta’ dik id-Deċiżjoni, inkluż billi jipprovdi informazzjoni dwar il-fornituri u s-sottokuntratturi involuti.
Artikolu 7
Sospensjoni u terminazzjoni
Il-KPS jista’ jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-Miżura ta’ Assistenza skont l-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.
Il-KPS jista’ jirrakkomanda wkoll li l-Kunsill itemm il-Miżura ta’ Assistenza.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
J. VRTOVEC
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).
(3) Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).