|
8.12.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 439/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/2123
tal-11 ta’ Novembru 2021
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija fil-qasam tas-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania kif ukoll tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(5),
wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim ta’ Sħubija fil-qasam tas-Sajd Sostenibbli bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika iżlamika tal-Mauritania (minn hawn ’il quddiem “il-Mauritania”), approvat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1801/2006 (1), ġie applikat b’mod provviżorju mit-8 ta’ Awwissu 2008. Il-Protokoll tiegħu li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti minn dan il-Ftehim, li ġie applikat b’mod provviżorju mill-istess jum, ġie sostitwit diversi drabi. |
|
(2) |
Il- Protokoll tal-Ftehim fis-seħħ bħalissa jiskadi fil-15 ta’ Novembru 2021. |
|
(3) |
Fit-8 ta’ Lulju 2019, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-Mauritania sabiex jiġi konkluż ftehim ta’ sħubija ġdid fil-qasam tas-sajd sostenibbli kif ukoll protokoll ġdid li jimplimenta dak il-ftehim. |
|
(4) |
Bejn Settembru 2019 u Lulju 2021, twettqu tmien ċikli ta’ negozjati mal-Mauritania. Dawn in-negozjati ġew finalizzati u l-Ftehim ta’ Sħubija fil-qasam tas-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim ta’ Sħubija”) u l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu (minn hawn ’il quddiem “Protokoll”) ġew inizjalati fit-28 ta’ Lulju 2021. |
|
(5) |
L-objettivi tal-Ftehim ta’ Sħubija u tal-Protokoll huma li jippermettu lill-bastimenti tal-Unjoni li jeżerċitaw l-attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Mauritania u li jippermettu lill-Unjoni u lill-Mauritania li jikkollaboraw mill-qrib biex ikomplu jippromwovu l-iżvilupp ta’ politika tas-sajd sostenibbli u sfruttament responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Mauritania u fl-Oċean Atlantiku, f’konformità mal-objettiv ta’ konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar rikonoxxut mil-liġi tal-Unjoni. Din il-kooperazzjoni tikkontribwixxi wkoll għall-ħolqien ta’ kondizzjonijiet tax-xogħol diċenti fis-settur tas-sajd. |
|
(6) |
Jenħtieġ li l-Ftehim ta’ Sħubija u l-Protokoll jiġu ffirmati. |
|
(7) |
Il-Ftehim ta’ Sħubija u l-Protokoll jenħtieġ li jidħlu fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun minħabba l-importanza ekonomika tal-attivitajiet tas-sajd tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd tal-Mauritania u l-ħtieġa li jitnaqqas, jew li kemm jista’ jkun jiġi evitat, iż-żmien li dawk l-attivitajiet idumu interrotti, fejn rilevanti. |
|
(8) |
Jenħtieġ li l-Ftehim ta’ Sħubija u l-Protokoll jiġu applikati b’mod provviżorju, sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tagħhom. |
|
(9) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725 (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u ta opinjoni fl-14 ta’ Ottubru 2021, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta’ Sħubijafil-qasam tas-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania u tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu huwa b’awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni ta’ dawk l-atti (3).
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim ta’ Sħubija u l-Protokoll f’isem l-Unjoni
Artikolu 3
Il-Ftehim ta’ Sħubija u l-Protokoll għandhom jiġu applikati b’mod provviżorju, f’konformità mal-Artikoli 20 u 19 rispettivament, mill-jum tal-iffirmar tagħhom (4), sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tagħhom.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Novembru 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
Z. POČIVALŠEK
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1801/2006 tat-30 ta’ Novembru 2006 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja (ĠU L 343, 8.12.2006, p. 1).
(2) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(3) Ara paġna 3 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.
(4) Id-data minn meta il-Ftehim ta’ Sħubija u l-Protokoll ser jiġu applikati b’mod provviżorju ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.