1.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 429/15


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/2102

tat-28 ta’ Ġunju 2021

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim dwar Spazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) u (7) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fl-1 ta’ Diċembru 2016 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mar-Repubblika tal-Armenja għal ftehim dwar spazju komuni tal-avjazzjoni. In-negozjati ġew konklużi b’suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim dwar Spazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) fl-24 ta’ Novembru 2017.

(2)

L-iffirmar tal-Ftehim f’isem l-Unjoni u l-applikazzjoni provviżorja tiegħu ma jaffettwawx l-allokazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li ma tiġix interpretata bħala li tagħmel użu mill-possibbiltà li l-Unjoni teżerċita l-kompetenza esterna tagħha fir-rigward ta’ oqsma koperti mill-Ftehim li jaqgħu taħt il-kompetenza kondiviża sal-punt li tali kompetenza tkun għadha ma ġietx eżerċitata internament mill-Unjoni.

(3)

Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi ffirmat u applikat fuq bażi provviżorja, sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

(4)

Huwa xieraq li tiġi stipulata l-proċedura li għandha tiġi segwita fir-rigward tal-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt skont l-Artikolu 27(7) tal-Ftehim dwar l-inklużjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fl-Anness II tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar f’isem l-Unjoni tal-Ftehim dwar Spazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra, huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim (1).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew il-persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja f’konformità mal-Artikolu 30(4) u (5) tiegħu, sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

Artikolu 4

Il-Kummissjoni hija awtorizzata tadotta, wara konsultazzjoni biżżejjed minn qabel tal-Kunsill jew tal-korpi preparatorji tiegħu, kif il-Kunsill jista’ jiddeċiedi, il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni rigward deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt skont l-Artikolu 27(7) tal-Ftehim dwar ir-reviżjoni tal-Anness II għall-Ftehim, sa fejn din tikkonċerna l-inklużjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dak l-Anness, soġġett għal kwalunkwe aġġustament tekniku meħtieġ.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-28 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

M. do C. ANTUNES


(1)  Ara l-paġna 17 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.