22.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 415/29


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/2033

tad-19 ta’ Novembru 2021

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/97 b’appoġġ għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiniċi fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-21 ta’ Jannar 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/97 (1), li tipprevedi perijodu ta’ implimentazzjoni ta’ 36 xahar mid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3) ta’ dik id-Deċiżjoni, għall-proġetti msemmija fl-Artikolu 1 tiegħu.

(2)

Il-perijodu ta’ implimentazzjoni tal-ftehim ta’ finanzjament jintemm fl-4 ta’ Frar 2022.

(3)

Fit-8 ta’ Lulju 2021, l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet ta’ Diżarm (UNODA), li huwa responsabbli għall-implimentazzjoni teknika tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (PESK) 2019/97, talab estensjoni bla ħlas ta’ tnax-il xahar tal-perijodu ta’ implimentazzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni. Din l-estensjoni tippermetti lill-UNODA jwettaq l-implimentazzjoni ta’ diversi mill-proġetti msemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (PESK) 2019/97 li l-implimentazzjoni tagħhom ġarrbet dewmien minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

(4)

L-estensjoni tal-perijodu ta’ implimentazzjoni tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (PESK) 2019/97 sal-4 ta’ Frar 2023 ma għandha ebda implikazzjoni fir-rigward ta’ riżorsi finanzjarji.

(5)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2019/97 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2019/97 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fl-4 ta’ Frar 2023.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Novembru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/97 tal-21 ta’ Jannar 2019 b’appoġġ għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 19, 22.1.2019, p. 11).