18.11.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 410/180 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2014
tas-17 ta’ Novembru 2021
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1073 li tistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi u regoli għall-implimentazzjoni tal-qafas ta’ fiduċja għaċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1) u (3) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2021/953 jistabbilixxi ċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, li l-iskop tiegħu huwa li jservi ta’ prova li persuna tkun irċeviet tilqima kontra l-COVID-19, ta’ riżultat ta’ test negattiv, jew li tkun irkuprat minn infezzjoni sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu tal-persuna li jkollha ċ-ċertifikat tul il-pandemija tal-COVID-19. |
(2) |
Biex iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE jkun jista’ jintuża madwar l-Unjoni, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1073 (2), li tistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi u regoli biex iċ-Ċertifikati tal-COVID Diġitali jimtlew, jinħarġu u jiġu verifikati b’mod sigur, biex tkun żgurata l-protezzjoni tad-data personali, biex tiġi stabbilita l-istruttura komuni tal-identifikatur uniku taċ-ċertifikat, u biex jinħareġ barcode validu, sigur u interoperabbli. |
(3) |
Ħafna Stati Membri diġà ħabbru jew diġà bdew bl-għoti ta’ dożi addizzjonali tat-tilqima kontra l-COVID-19 minbarra s-sensiela ta’ tilqim primarju, jiġifieri s-sensiela tat-tilqim maħsuba biex tagħti biżżejjed protezzjoni biżżejjed fl-istadju inizjali, b’mod partikolari lill-persuni li jista’ jkun ma rrispondewx b’mod adegwat għas-sensiela ta’ tilqim primarju, u qed jikkunsidraw dożi “booster” għan-nies li rrispondew b’mod adegwat għat-tilqim primarju. F’dan il-kuntest, fl-1 ta’ Settembru 2021 iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard ippubblika konsiderazzjonijiet interim dwar is-saħħa pubblika dwar l-għoti ta’ dożi addizzjonali tat-tilqima kontra l-COVID-19 (3). |
(4) |
Fl-4 ta’ Ottubru 2021, il-Kumitat dwar Prodotti Mediċinali għall-Użu mill-Bniedem tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini kkonkluda li doża addizzjonali tat-tilqimiet kontra l-COVID-19 Comirnaty u Spikevax jistgħu jingħataw lin-nies b’sistemi immunitarji mdgħajfa ħafna, mhux inqas minn 28 jum wara t-tieni doża tagħhom (4). Il-Kumitat evalwa wkoll id-data għall-Comirnaty li turi żieda fil-livelli tal-antikorpi meta tingħata doża booster madwar sitt (6) xhur wara t-tieni doża f’persuni ta’ età bejn 18 u 55 sena. Abbażi ta’ din id-data, il-Kumitat ikkonkluda li d-dożi booster għall-Comirnaty jistgħu jitqiesu mhux inqas minn sitt (6) xhur wara t-tieni doża għal persuni ta’ 18-il sena jew aktar. Kif qalet l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, il-korpi tas-saħħa pubblika fil-livell nazzjonali jistgħu joħorġu rakkomandazzjonijiet uffiċjali dwar l-użu ta’ dożi booster, huma u jqisu d-data emerġenti dwar l-effettività u d-data limitata dwar is-sikurezza. L-informazzjoni rispettiva dwar il-prodott ta’ Comirnaty (5) u Spikevax (6) ġiet aġġornata biex tinkludi dawn ir-rakkomandazzjonijiet. |
(5) |
Biex jiġu evitati approċċi diverġenti, konfondenti, jew teknikament inkompatibbli bejn l-Istati Membri, huwa meħtieġ li jiġu adottati regoli uniformi dwar kif jimtlew iċ-ċertifikati tat-tilqim msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2021/953 maħruġ wara li jingħataw tali dożi. |
(6) |
Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2021/953, irid jinħareġ ċertifikat tat-tilqim wara l-għoti ta’ kull doża, għandu jindika l-kors ta’ tilqim tlestiex jew le, u għandu jkun fih l-għadd ta’ dożi li ngħataw lid-detentur. Skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament, ċertifikat tat-tilqim irid jinkludi, bħala kampijiet tad-data, in-numru f’sensiela ta’ dożi kif ukoll l-għadd kumplessiv ta’ dożi f’sensiela. Kwalunkwe regoli dwar kif jimtlew iċ-ċertifikati tat-tilqim maħruġa wara l-għoti ta’dożi addizzjonali, adottati permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, iridu jimxu mar-rekwiżiti stabbiliti bir-Regolament (UE) 2021/953. |
(7) |
Iċ-ċertifikati tat-tilqim maħruġa għal dożi tas-sensiela ta’ tilqim primarju jenħtieġ li jindikaw tilqim komplut wara li titlesta s-sensiela primarja saħansitra f’każijiet fejn ikun irrakkomandat l-għoti ta’ dożi addizzjonali aktar tard. Iċ-ċertifikati tat-tilqim maħruġa għal dożi addizzjonali amministrati wara s-sensiela ta’ tilqim primarju jenħtieġ li jindikaw l-għadd ta’ dożi mogħtija lid-detentur, kif previst fil-punt (b) tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) 2021/953, kif ukoll l-għadd kumplessiv ta’ dożi fis-sensiela, li jinkludi d-dożi tat-tilqim primarju kif ukoll kwalunkwe doża addizzjonali. |
(8) |
Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni ta’ gruppi vulnerabbli li jistgħu jirċievu dożi addizzjonali bħala kwistjoni ta’ prijorità. Jekk Stat Membru jiddeċiedi li jagħti dożi addizzjonali biss lil gruppi speċifiċi tal-popolazzjoni, jista’ jikkunsidra li joħroġ ċertifikati tat-tilqim li jindikaw l-għoti ta’ tali dożi addizzjonali b’talba biss u mhux awtomatikament, ladarba l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2021/953 joffri l-possibbiltà li l-Istati Membri jagħżlu bejn dawn iż-żewġ għażliet. Dment li d-dożi addizzjonali jingħataw biss lil grupp speċifiku tal-popolazzjoni, jenħtieġ li l-persuni li jappartjenu għal dan il-grupp ma jkunux meħtieġa juru ċ-ċertifikat li jindika l-għoti ta’ doża addizzjonali meta jkunu qed jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19, u minflok ikunu jistgħu jużaw iċ-ċertifikat li jkunu rċevew wara li lestew l-ewwel sensiela ta’ tilqim primarju. |
(9) |
Fl-istess ħin, huwa importanti li ċ-ċertifikat tat-tilqim maħruġ lil nies li jappartjenu għal tali gruppi wara li jingħataw id-dożi addizzjonali wkoll jirrifletti korrettament l-għadd ta’ dożi li jkunu ngħataw. L-ewwel nett, ir-Regolament (UE) 2021/953 jagħti d-dritt lil kull persuna li tirċievi ċertifikat tat-tilqim, li jindika l-għadd ta’ dożi li jkunu ngħatawlha, wara l-għoti ta’ kull doża. It-tieni, l-Istati Membri jistgħu eventwalment jillimitaw id-durata tal-aċċettazzjoni, għall-finijiet tal-moviment liberu, ta’ ċertifikati tat-tilqim maħruġa wara t-tlestija tas-sensiela ta’ tilqim primarju, jekk issir disponibbli evidenza xjentifika li l-protezzjoni mogħtija mis-sensiela tat-tilqim primarju tbatti għal anqas minn ċertu livell wara ċertu perjodu. Jekk il-gruppi vulnerabbli ma jingħatawx l-opportunità li jiksbu ċertifikati tat-tilqim wara l-għoti ta’ doża addizzjonali, dan ikun jeħtieġ aktar passi amministrattivi biex jiksbuhom meta jsiru aktar importanti għal-libertà ta’ moviment tagħhom, u għalhekk jista’ jirriżulta f’ostakli għaliha. |
(10) |
Barra minn hekk, ir-regoli għall-mili taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE jenħtieġ li jiġu ċċarati aktar. Jenħtieġ li ċerti settijiet ta’ valuri speċifiċi li japplikaw ir-regoli ta’ kodifikazzjoni stabbiliti jkunu disponibbli pubblikament. |
(11) |
Biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, jenħtieġ li tiġi definita struttura komuni koordinata għad-data li trid tiġi inkluża fiċ-ċertifikati msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2021/953 permezz tal-użu ta’ skema tal-JavaScript Object Notation (JSON). |
(12) |
Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1073 tiġi emendata skont dan. |
(13) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u ta kummenti formali fit-18 ta’ Ottubru 2021 (8). |
(14) |
Fid-dawl tal-ħtieġa tal-implimentazzjoni rapida tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi emendati fiċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
(15) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 2021/953, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1073 hija emendata kif ġej:
(1) |
L-Artikolu 4 jinbidel b’dan li ġej: “Artikolu 4 Ir-regoli ta’ governanza applikabbli għaċ-ċertifikat tal-kjavi pubblika fir-rigward tal-gateway taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, li jappoġġaw l-aspetti tal-interoperabbiltà tal-qafas ta’ fiduċja, huma stabbiliti fl-Anness IV.”; |
(2) |
jiżdiedu l-Artikoli 5 u 6 li ġejjin: “Artikolu 5 Struttura komuni koordinata tad-data għad-data li trid tiġi inkluża fiċ-ċertifikati msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2021/953, bl-użu ta’ skema tal-JavaScript Object Notation (JSON), hija stabbilita fl-Anness V ta’ din id-Deċiżjoni. Artikolu 6 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.”; |
(3) |
L-Anness II huwa sostitwit bit-test fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni; |
(4) |
l-Anness II huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni; |
(5) |
it-test fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament jiżdied bħala l-Anness V. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.”;
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Novembru 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 211, 15.6.2021, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1073 tat-28 ta’ Ġunju 2021 li tistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi u regoli għall-implimentazzjoni tal-qafas ta’ fiduċja għaċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 230, 30.6.2021, p. 32).
(3) https://www.ecdc.europa.eu/en/publications-data/covid-19-public-health-considerations-additional-vaccine-doses
(4) https://www.ema.europa.eu/en/news/comirnaty-spikevax-ema-recommendations-extra-doses-boosters
(5) https://www.ema.europa.eu/en/documents/product-information/comirnaty-epar-product-information_en.pdf
(6) https://www.ema.europa.eu/en/documents/product-information/spikevax-previously-covid-19-vaccine-moderna-epar-product-information_en.pdf
(7) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(8) https://edps.europa.eu/system/files/2021-10/2021-0943%20Formal_comments_EUDCC_en.pdf
ANNESS I
“ANNESS II
REGOLI GĦALL-FINI TAL-MILI TAĊ-ĊERTIFIKAT COVID DIĠITALI TAL-UE
Ir-regoli ġenerali li jikkonċernaw is-settijiet ta’ valuri stabbiliti f’dan l-Anness għandhom l-għan li jiżguraw l-interoperabbiltà fil-livell semantiku u għandhom jippermettu implimentazzjonijiet tekniċi uniformi għaċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE. L-elementi li jinsabu f’dan l-Anness jistgħu jintużaw għat-tliet xenarji differenti (tilqim/ittestjar/fejqan), kif previst fir-Regolament (UE) 2021/953. F’dan l-Anness jiġu elenkati biss l-elementi bil-ħtieġa ta’ standardizzazzjoni semantika b’settijiet ta’ valur kodifikati.
It-traduzzjoni tal-elementi kodifikati bil-lingwa nazzjonali hi fir-responsabbiltà tal-Istati Membri.
Għall-entrati kollha tad-data mhux imsemmija fid-deskrizzjonijiet tas-sett ta’ valuri li ġejjin, l-ikkowdjar huwa deskritt fl-Anness V.
Jekk għal xi raġuni ma jkunux jistgħu jintużaw is-sistemi tal-kodiċi preferuti elenkati hawn taħt, jistgħu jintużaw sistemi tal-kodiċi internazzjonali oħra u għandu jiġi stabbilit parir dwar kif iridu jiġu mmappjati l-kodiċijiet mis-sistema tal-kodiċi l-oħra għas-sistema tal-kodiċi preferuta. It-test (wiri ta’ ismijiet) jista’ jintuża f’każijiet eċċezzjonali bħala mekkaniżmu ta’ riżerva meta kodiċi xieraq ma jkunx disponibbli fis-settijiet ta’ valur definit.
L-Istati Membri li jużaw ikkowdjar ieħor fis-sistemi tagħhom, għandhom jimmappjaw dawn il-kodiċijiet mas-settijiet ta’ valur deskritti. L-Istati Membri huma responsabbli għal kull immappjar bħal dan.
Minħabba li xi settijiet ta’ valuri bbażati fuq is-sistemi tal-ikkowdjar previsti f’dan l-Anness, bħal dawk għall-ikkowdjar tat-tilqim u tat-testijiet rapidi tal-antiġeni, qed jinbidlu ta’ spiss, dawn għandhom jiġu ppubblikati u aġġornati regolarment mill-Kummissjoni bl-appoġġ tan-Network tas-Servizzi Elettroniċi tas-Saħħa u l-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa. Is-settijiet ta’ valur aġġornati għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit web rilevanti tal-Kummissjoni u fuq il-paġna web tan-Network tal-e-Saħħa. Għandha tiġi pprovduta l-istorja tat-tibdil li jkun sar.
1. Marda jew aġent fil-mira/Marda jew aġent li d-detentur irkupra minnha/u: COVID-19 (SARS-CoV-2 jew wieħed mill-varjanti tiegħu)
Għall-użu fiċ-ċertifikati 1, 2 u 3.
Għandhom jintużaw il-kodiċijiet li ġejjin:
Kodiċi |
Wiri |
Isem tas-Sistema tal-Kodiċi |
URL tas-Sistema tal-Kodiċi |
OID tas-Sistema tal-Kodiċi |
Verżjoni tas-Sistema tal-Kodiċi |
840539006 |
COVID-19 |
SNOMED CT |
http://snomed.info/sct |
2.16.840.1.113883.6.96 |
2021-01-31 |
2. Tilqima jew profilassi tal-COVID-19
Sistema ta’ Kodiċi Preferuta: SNOMED CT jew Klassifikazzjoni ATC.
Għall-użu fiċ-ċertifikat 1.
Eżempji ta’ kodiċijiet li għandhom jintużaw mis-sistemi tal-kodiċi ppreferuti huma l-kodiċi SNOMED CT 1119305005 (it-tilqima antiġene SARS-CoV-2), 1119349007 (it-tilqima SARS-CoV-2 mRNA) jew J07BX03 (tilqimiet kontra l-COVID-19).
Sett ta’ valuri li jistabbilixxi l-kodiċijiet li għandhom jintużaw skont is-sistemi ta’ kodiċijiet stabbiliti f’din it-taqsima għandu jkun ippubblikat u jiġi aġġornat regolarment mill-Kummissjoni bl-appoġ tan-Network tal-e-Saħħa. Is-sett ta’ valur għandu jiġi estiż meta jiġu żviluppati tipi ġodda ta’ tilqimiet u jibdew jintużaw.
3. Prodott mediċinali tat-tilqim kontra l-COVID-19
Sistemi tal-Kodiċi Preferuti (fl-ordni ta’ preferenza):
— |
Reġistru tal-Unjoni tal-prodotti mediċinali għat-tilqim b’awtorizzazzjoni madwar l-UE (numri ta’ awtorizzazzjoni) |
— |
Reġistru dinji tat-tilqim bħal dak li jista’ jiġi stabbilit mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa; |
— |
L-isem tal-prodott mediċinali tat-tilqim f’każijiet oħra. Jekk l-isem jinkludi spazji bojod, dawn għandhom jiġu sostitwiti b’sing (-). |
Isem is-Sett ta’ Valuri: Tilqima.
Għall-użu fiċ-ċertifikat 1.
Eżempju ta’ kodiċi li għandu jintuża mis-sistemi tal-kodiċi preferuti hu EU/1/20/1528 (Comirnaty). Eżempju tal-isem tat-tilqima li għandu jintuża bħala kodiċi: Sputnik-V (li jfisser Sputnik V).
Sett ta’ valuri li jistabbilixxi l-kodiċijiet li għandhom jintużaw skont is-sistemi ta’ kodiċijiet stabbiliti f’din it-taqsima għandu jkun ippubblikat u jiġi aġġornat regolarment mill-Kummissjoni bl-appoġġ tan-Network tal-e-Saħħa.
It-tilqimiet għandhom jiġu kkodifikati bl-użu ta’ kodiċi eżistenti fis-sett ta’ valuri ppubblikat, saħansitra jekk ikollhom ismijiet differenti f’pajjiżi differenti. Ir-raġuni hi li għad ma hemmx reġistru globali tat-tilqim li jkopri t-tilqimiet kollha li qed jintużaw. Pereżempju:
— |
Għat-tilqima “COVID-19 Vaccine Moderna Intramuscular Injection”, li huwa l-isem tat-tilqima Spikevax fil-Ġappun, uża l-kodiċi EU/1/20/1507, għax dan huwa l-isem ta’ din it-tilqima fl-UE. |
Jekk dan mhuwiex possibbli jew rakkomandabbli f’każ speċifiku, jiġi pprovdut kodiċi speċifiku fis-sett ta’ valuri ppubblikat.
4. Detentur jew manifattur tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tat-tilqima kontra l-COVID-19
Sistema ta’ Kodiċi Preferuta:
— |
Kodiċi tal-organizzazzjoni mill-EMA (sistema SPOR għall-ISO IDMP) |
— |
Reġistru tad-detenturi tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq (marketing authorisation holder, MAH) jew tal-manifatturi tat-tilqim fil-livell dinji, bħal dak li jista’ jiġi stabbilit mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa; |
— |
L-isem tal-organizzazzjoni f’każijiet oħra. Jekk l-isem jinkludi spazji bojod, dawn għandhom jiġu sostitwiti b’sing (-). |
Għall-użu fiċ-ċertifikat 1.
Eżempju ta’ kodiċi li għandu jintuża mis-sistema tal-kodiċijiet preferuta hu ORG-100001699 (AstraZeneca AB). Eżempju tal-isem tal-organizzazzjoni li għandu jintuża bħala kodiċi: Sinovac-Biotech (li jfisser Sinovac Biotech).
Sett ta’ valuri li jistabbilixxi l-kodiċijiet li għandhom jintużaw skont is-sistemi ta’ kodiċijiet stabbiliti f’din it-taqsima għandu jkun ippubblikat u jiġi aġġornat regolarment mill-Kummissjoni bl-appoġġ tan-Network tal-e-Saħħa.
Fergħat differenti tal-istess Detentur tal-Awtorizzazzjoni għall-Kummerċjalizzazzjoni jew l-istess manifattur għandhom jużaw kodiċi eżistenti fis-sett ta’ valuri ppubblikat.
Bħala regola ġenerali, għall-istess prodott tat-tilqim, għandu jintuża l-kodiċi li jirreferi għad-detentur tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq fl-UE, minħabba li sa issa għad ma hemmx reġistru ta’ manifatturi tat-tilqim jew detenturi tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq maqbul internazzjonalment. Eżempji:
— |
Għall-organizzazzjoni “Pfizer AG”, li hija l-MAH għat-tilqima “Comirnaty” użata fl-Iżvizzera, uża l-kodiċi ORG-100030215 li jirreferi għal BioNTech Manufacturing GmbH, minħabba li din hija l-MAH ta’ Comirnaty fl-UE. |
— |
Għall-organizzazzjoni “Zuellig Pharma”, li hija l-MAH għat-tilqima Covid-19 Vaccine Moderna (Spikevax) użata fil-Filippini, uża l-kodiċi ORG-100031184 li jirreferi għal Moderna Biotech Spain S.L., minħabba li li hija l-MAH ta’ Spikevax fl-UE. |
Jekk dan mhuwiex possibbli jew rakkomandabbli f’każ speċifiku, jiġi pprovdut kodiċi speċifiku fis-sett ta’ valuri ppubblikat.
5. Numru f’serje ta’ dożi u n-numru dinji ta’ dożi fis-serje
Għall-użu fiċ-ċertifikat 1.
Żewġ entrati:
(1) |
Numru f’sensiela ta’ dożi ta’ tilqima kontra l-COVID-19 (N); |
(2) |
Numru kumplessiv ta’ dożi fis-sensiela ta’ tilqim (C). |
5.1. Sensiela ta’ tilqim primarju
Meta l-persuna tkun qed tirċievi dożi fis-sensiela ta’ tilqim primarju, jiġifieri, is-sensiela ta’ tilqim maħsuba biex tipprovdi biżżejjed protezzjoni fl-istadju inizjali, (C) għandha tirrifletti l-għadd kumplessiv ta’ dożi tas-sensiela standard ta’ tilqim primarju (jiġifieri 1 jew 2, skont it-tip ta’ tilqima mogħtija). Dan jinkludi l-għażla li tintuża sensiela iqsar (C=1) meta l-protokoll tat-tilqim applikat minn Stat Membru jipprevedi l-għoti ta’ doża waħda ta’ tilqima b’2 dożi lil persuni li diġà kienu ġew infettati bis-SARS-CoV-2. Għalhekk, sensiela ta’ tilqim primarju kompluta għandha tiġi indikata b’N/C = 1. Pereżempju:
— |
1/1 tkun tindika t-tlestija ta’ kors ta’ tilqim primarju b’doża waħda, jew it-tlestija ta’ kors primarju li jikkonsisti minn doża waħda ta’ tilqima ta’ 2 dożi mogħti lil persuna mfejqa f’konformità mal-protokoll ta’ tilqim applikat minn Stat Membru; |
— |
2/2 tkun tindika t-tlestija ta’ sensiela ta’ tilqim primarju b’2 dożi. |
Meta s-sensiela ta’ tilqim primarju tiġi estiża, pereżempju għal persuni b’sistemi immunitarji mdgħajfin ħafna jew meta l-intervall rakkomandat bejn id-dożi primarji ma jkunx ġie rrispettat, kwalunkwe doża bħal din għandha tiġi kkodifikata bħala doża addizzjonali li taqa’ taħt it-Taqsima 5.2.
5.2. Dożi addizzjonali
Meta l-persuna tirċievi dożi wara s-sensiela ta’ tilqim primarju, tali dożi addizzjonali (X) għandhom jiġu riflessi fiċ-ċertifikati korrespondenti b’żidiet fl-għadd ta’ dożi amministrati (N) u l-għadd kumplessiv ta’ dożi (C) (li jirriżultaw f’(N+X)/C+X)). Pereżempju:
— |
2/2 tkun tindika l-għoti ta’ dożi addizzjonali wara kors ta’ tilqim primarju b’doża waħda, jew l-għoti ta’ doża addizzjonali wara t-tlestija ta’ kors primarju li jikkonsisti minn doża waħda ta’ tilqima b’2 dożi mogħti lil persuna mfejqa f’konformità mal-protokoll ta’ tilqim applikat minn Stat Membru; |
— |
3/3 tkun tindika l-għoti ta’ doża addizzjonali wara sensiela ta’ tilqim primarju b’2 dożi. |
Id-dożi addizzjonali mogħtija wara t-tlestija tas-sensiela ta’ tilqim primarju għalhekk għandhom jiġu indikati permezz ta’ (N+X)/(C+X) = 1.
Iċ-ċertifikati tat-tilqim maħruġa sal-31 ta’ Diċembru 2021 għandhom jibqgħu jiġu aċċettati anke jekk dawn iċ-ċertifikati jsegwu regola differenti għall-kodifikazzjoni tan-numru f’sensiela ta’ dożi jew in-numru totali ta’ dożi fis-sensiela. Biex dan jiġi żgurat, jistgħu jittieħdu miżuri tekniċi.
Fi ħdan il-qafas legali stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jindirizzaw is-sitwazzjoni ta’ gruppi vulnerabbli li jistgħu jirċievu dożi addizzjonali bħala kwistjoni ta’ prijorità. Pereżempju, jekk Stat Membru jiddeċiedi li jagħti dożi addizzjonali biss lil gruppi speċifiċi tal-popolazzjoni, huwa jista’ jagħżel, skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2021/953, li joħroġ ċertifikati tat-tilqim li jindikaw l-għoti ta’ tali dożi addizzjonali biss fuq talba u mhux awtomatikament. Fejn jittieħdu miżuri bħal dawn, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-persuni kkonċernati b’dan, kif ukoll li huma jistgħu jkomplu jagħmlu użu miċ-ċertifikat li jkunu rċevew wara t-tlestija tas-sensiela tat-tilqim primarju standard.
6. Stat Membru jew pajjiż terz fejn ingħatat it-tilqima/sar it-test
Sistema ta’ Kodiċi Preferuta: Kodiċijiet tal-Pajjiżi ISO 3166.
Għall-użu fiċ-ċertifikati 1, 2 u 3.
Kontenut tas-sett ta’ valur: il-lista sħiħa ta’ kodiċijiet b’2 ittri, disponibbli bħala sett ta’ valuri definit fl-FHIR (http://hl7.org/fhir/ValueSet/iso3166-1-2) Jekk tkun organizzazzjoni internazzjonali (bħall-UNHCR jew id-WHO) li twettaq it-tilqima jew it-test u ma tkunx disponibbli informazzjoni dwar il-pajjiż, għandu jintuża kodiċi għall-organizzazzjoni. Tali kodiċijiet addizzjonali għandhom jiġu ppubblikati u aġġornati regolarment mill-Kummissjoni bl-appoġġ tan-Network tal-e-Saħħa.
7. It-tip ta’ test
Għall-użu fiċ-ċertifikat 2, u fiċ-ċertifikat 3 jekk b’att delegat jiġi introdott appoġġ għall-ħruġ ta’ ċertifikati tal-fejqan fuq il-bażi tat-tipi ta’ test, għajr l-NAAT.
Għandhom jintużaw il-kodiċijiet li ġejjin.
Kodiċi |
Wiri |
Isem tas-Sistema tal-Kodiċi |
URL tas-Sistema tal-Kodiċi |
OID tas-Sistema tal-Kodiċi |
Verżjoni tas-Sistema tal-Kodiċi |
LP6464-4 |
Amplifikazzjoni tal-aċidu nuklejku b’detezzjoni bis-sonda |
LOINC |
http://loinc.org |
2.16.840.1.113883.6.1 |
2.69 |
LP217198-3 |
Immunoassaġġ rapidu |
LOINC |
http://loinc.org |
2.16.840.1.113883.6.1 |
2.69 |
8. Manifattur u isem kummerċjali tat-test użat (fakultattiv għat-test tal-NAAT)
Għall-użu fiċ-ċertifikat 2.
Il-kontenut tas-sett ta’ valuri għandu jinkludi l-għażla tat-test rapidu tal-antiġeni kif elenkat fil-lista komuni u aġġornata tat-testijiet rapidi tal-antiġeni tal-COVID-19, stabbilita fuq il-bażi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2021/C 24/01 u maqbula mill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa. Il-lista tinżamm mill-JRC fil-Bażi tad-Data ta’ Tagħmir Dijanjostiku in vitro u tal-Metodi ta’ Ttestjar tal-COVID-19 fuq: https://covid-19-diagnostics.jrc.ec.europa.eu/devices/hsc-common-recognition-rat
Għal din is-sistema ta’ kodiċijiet, għandhom jintużaw entrati rilevanti bħall-identifikatur tal-apparat tat-test, l-isem tat-test u tal-manifattur, bil-format strutturat tal-JRC disponibbli fuq: https://covid-19-diagnostics.jrc.ec.europa.eu/devices
9. Riżultat tat-test
Għall-użu fiċ-ċertifikat 2.
Għandhom jintużaw il-kodiċijiet li ġejjin.
Kodiċi |
Wiri |
Isem tas-Sistema tal-Kodiċi |
URL tas-Sistema tal-Kodiċi |
OID tas-Sistema tal-Kodiċi |
Verżjoni tas-Sistema tal-Kodiċi |
260415000 |
Mhux rilevat |
SNOMED CT |
http://snomed.info/sct |
2.16.840.1.113883.6.96 |
2021-01-31 |
260373001 |
Rilevat |
SNOMED CT |
http://snomed.info/sct |
2.16.840.1.113883.6.96 |
2021-01-31 |
ANNESS II
It-Taqsima 3 tal-Anness VI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1073 hija sostitwita b’dan li ġej:
“3. Rekwiżiti ġenerali
Ir-rekwiżiti ġenerali li ġejjin jenħtieġ jiġu ssodisfati fir-rigward tal-UCI:
(1) |
Charset: Huma permessi biss karattri alfanumeriċi kapitali US-ASCII alfa (minn “A” sa “Z”, minn “0” sa “9”); b’karattri speċjali addizzjonali għas-separazzjoni mill-RFC3986 (1), jiġifieri {'/','#',':'}; |
(2) |
Tul massimu: id-disinjaturi jenħtieġ jipprovaw jimmiraw għal tul ta’ 27-30 karattru (2); |
(3) |
Prefiss tal-verżjoni: dan jirreferi għall-verżjoni tal-iskema tal-UCI. Il-prefiss tal-verżjoni hu “01” għal din il-verżjoni tad-dokument; il-prefiss tal-verżjoni hu magħmul minn żewġ ċifri; |
(4) |
Prefiss tal-pajjiż: il-kodiċi tal-pajjiż hu speċifikat mill-ISO 3166-1. Kodiċijiet itwal (eż. 3 karattri u aktar (pereżempju, “UNHCR”) huma riżervati għall-użu futur; |
(5) |
Suffiss tal-kodiċi / Checksum:
|
Għandha tiġi żgurata r-retrokompatibilità: L-Istati Membri li maż-żmien jibdlu l-istruttura tal-identifikaturi tagħhom (fil-verżjoni ewlenija, attwalment stabbilita għal v1) għandhom jiżguraw li kwalunkwe żewġ identifikaturi li jkunu identiċi jirrappreżentaw l-istess ċertifikat/dikjarazzjoni tat-tilqim. Jew, fi kliem ieħor, l-Istati Membri ma jistgħux jirriċiklaw l-identifikaturi.
(1) rfc3986 (ietf.org)
(2) Għall-implimentazzjoni bil-kodiċijiet QR, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jintuża sett addizzjonali ta’ karattri b’tul totali sa 72 karattru (inklużi s-27-30 tal-identifikatur innifsu) biex iwasslu informazzjoni oħra. L-ispeċifikazzjoni ta’ din l-informazzjoni hi f’idejn l-Istati Membri biex jiddefinixxuha.
(3) L-algoritmu Luhn mod N hu estensjoni għall-algoritmu Luhn (magħruf ukoll bħala algoritmu mod 10) li jaħdem għal kodiċijiet numeriċi u jintuża pereżempju għall-kalkolu taċ-checksums tal-karti ta’ kreditu. L-estensjoni tippermetti lill-algoritmu jaħdem b’sekwenzi ta’ valuri fi kwalunkwe bażi (karattri alfa fil-każ tagħna).” ”
ANNESS III
“ANNESS V
SKEMA TAL-JAVASCRIPT OBJECT NOTATION (JSON)
1. Introduzzjoni
Dan l-Anness jistabbilixxi l-istruttura teknika tad-data għaċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE (EUDCC), irrappreżentata bħala skema JSON. Id-dokument jipprovdi struzzjonijiet speċifiċi relatati mal-kampijiet tad-data individwali.
2. Post u verżjonijiet tal-Iskema JSON
L-iskema uffiċjali awtoritattiva tal-JSON għall-EUDCC hija disponibbli fuq https://github.com/ehn-dcc-development/ehn-dcc-schema. Lokazzjonijiet oħra mhumiex awtoritattivi, iżda jistgħu jintużaw għat-tħejjija ta’ reviżjonijiet li ġejjin.
Awtomatikament, il-verżjoni attwali kif stipulata f’dan l-Anness u appoġġata mill-pajjiżi kollha li bħalissa qiegħda fil-produzzjoni qed tintwera taħt il-URL indikat.
Il-verżjoni sussegwenti li jmiss, li għandha tiġi appoġġata sa data definita mill-pajjiżi kollha, tintwera taħt il-URL indikat permezz tal-ittaggjar tal-verżjonijiet, deskritt b’mod aktar speċifiku fil-fajl Readme.
3. Strutturi komuni u rekwiżiti ġenerali
Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE ma għandux jinħareġ jekk l-oqsma tad-data kollha ma jkunux jistgħu jiġu popolati f'konformità ma’ din l-ispeċifikazzjoni minħabba informazzjoni nieqsa. Dan ma għandux jinftiehem li jaffettwa l-obbligu li l-Istati Membri joħorġu ċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE.
L-informazzjoni fl-oqsma kollha tista’ tiġi pprovduta bl-użu tas-sett sħiħ tal-karattri UNICODE 13.0 kodifikati permezz tal-UTF-8, sakemm ma jkunx hemm restrizzjoni speċifika għal settijiet ta’ valuri jew settijiet aktar dojoq ta’ karattri.
L-istruttura komuni għandha tkun kif ġej:
"JSON": {
"ver": <informazzjoni dwar il-verżjoni>,
"nam": {
<informazzjoni dwar isem il-persuna>
},
"dob": <data tat-twelid>,
"v" or "t" or "r": [
{<informazzjoni dwar id-doża tat-tilqima jew dwar it-test jew il-fejqan, entrata waħda>}
]
}
L-informazzjoni dettaljata dwar il-gruppi u l-oqsma individwali tingħata fit-taqsimiet li jmiss.
3.1. Verżjoni
Għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni dwar il-verżjoni. Il-verżjonijiet isegwu s-Semantic Versioning (semver: https://semver.org). Fil-produzzjoni, għandha tkun wħada mill-verżjonijiet maħruġa uffiċjalment (dik attwali jew waħda uffiċjalment maħruġa preċedentement). Ara t-Taqsima JSON Schema location għal aktar dettalji.
ID tal-kamp |
Isem tal-kamp |
Struzzjonijiet |
ver |
Verżjoni tal-iskema |
Għandha tkun taqbel mal-identifikatur tal-verżjoni tal-iskema użata għall-produzzjoni tal-EUDCC. Pereżempju: "ver": "1.3.0" |
3.2. L-isem tal-persuna u d-data tat-twelid
L-isem tal-persuna huwa l-isem uffiċjali sħiħ tal-persuna, li jikkorrespondi għal dak indikat fuq id-dokumenti tal-ivvjaġġar. L-identifikatur tal-istruttura huwa nam Għandu jiġi mogħti isem ta’ persuna eżattament wieħed (1).
ID tal-kamp |
Isem tal-kamp |
Struzzjonijiet |
nam/fn |
Kunjom(ijiet) |
Kunjom(ijiet) id-detentur Għandu jiġi pprovdut eżattament kamp wieħed (1) mhux vojt, bil-kunjomijiet kollha inklużi fih. Fil-każ ta’ aktar minn kunjom wieħed, dawn għandhom jiġu mifrudin bi spazju. L-ismijiet ikkombinati, li jinkludu singijiet jew karattri simili għandhom madankollu jibqgħu l-istess. Eżempji: "fn": "Musterfrau-Gößinger" "fn": "Musterfrau-Gößinger Müller" |
nam/fnt |
Kunjom(ijiet) standardizzat(i) |
Il-kunjom(ijiet) tad-detentur trażlitterat(i) bl-użu tal-istess konvenzjoni bħal dik użata fid-dokument tal-ivvjaġġar li jinqraw minn magna (bħar-regoli definiti fl-ICAO Doc 9303 Parti 3). Għandu jiġi pprovdut eżattament kamp wieħed (1) mhux vojt, li jinkludi biss il-karattri A-Z u <. Tul massimu: 80 karattru (skont l-ispeċifikazzjoni 9303 tal-ICAO). Eżempji: "fnt": "MUSTERFRAU<GOESSINGER" "fnt": "MUSTERFRAU<GOESSINGER<MUELLER" |
nam/gn |
Isem/ismijiet |
Isem/ismijiet tad-detentur. Jekk id-detentur ma jkollu l-ebda isem, dan il-kamp jinqabeż. Fil-każijiet kollha l-oħrajn, għandu jiġi pprovdut eżattament kamp wieħed (1) mhux vojt, bl-ismijiet kollha inklużi fih. Fil-każ ta’ aktar minn isem wieħed, dawn għandhom jiġu mifrudin bi spazju. Pereżempju: "gn": "Isolde Erika" |
nam/gnt |
Isem/ismijiet standardizzat(i) |
L-isem/ismijiet tad-detentur trażlitterat(i) bl-użu tal-istess konvenzjoni bħal dik użata fid-dokument tal-ivvjaġġar li jinqraw minn magna (bħar-regoli definiti fl-ICAO Doc 9303 Parti 3). Jekk id-detentur ma jkollu l-ebda isem, dan il-kamp jinqabeż. Fil-każijiet l-oħrajn kollha, għandu jiġi pprovdut eżattament kamp wieħed (1) mhux vojt, li jinkludi biss il-karattri A-Z u <. Tul massimu: 80 karattru. Pereżempju: "gnt": "ISOLDE<ERIKA" |
dob |
Data tat-twelid |
Data tat-twelid tad-detentur tal-EUDCC. Data sħiħa jew parzjali mingħajr ħin, ristretta għall-medda bejn 1900-01-01 u 2099-12-31. Għandu jiġi pprovdut eżattament kamp wieħed (1) mhux vojt jekk id-data tat-twelid sħiħa jew parzjali tkun magħrufa. Jekk id-data tat-twelid ma tkunx magħrufa lanqas parzjalment, fil-kamp għandu jitqiegħed string vojt "". Din għandha tkun taqbel mal-informazzjoni mogħtija fid-dokumenti tal-ivvjaġġar. Għandhom jintużaw il-formati ISO 8601 li ġejjin jekk l-informazzjoni dwar id-data tat-twelid tkun disponibbli. Għażliet oħra mhumiex appoġġati. YYYY-MM-DD SSSS-XX SSSS (L-app għall-verifika tista’ turi partijiet neqsin tad-data tat-twelid bl-użu tal-konvenzjoni XX bħal dik użata fid-dokumenti tal-ivvjaġġar li jinqraw minn magna, pereżempju 1990-XX-XX.) Eżempji: "dob": "1979-04-14" "dob": "1901-08" "dob": "1939" "dob": "" |
3.3. Gruppi għal informazzjoni speċifika għat-tip ta’ ċertifikat
L-iskema JSON jappoġġa tliet gruppi ta’ entrati li jiġbru informazzjoni speċifika għat-tip ta’ ċertifikat. Kull EUDCC għandu jkun fih eżattament grupp wieħed (1). Il-gruppi vojta mhumiex permessi.
Identifikatur tal-grupp |
Isem il-Grupp |
Entrati |
v |
Grupp tat-tilqim |
Jekk preżenti, għandu jkun fih eżattament entrata waħda (1) li tiddeskrivi eżattament doża waħda (1) ta’ vaċċin (doża waħda). |
t |
Grupp tat-testijiet |
Jekk preżenti, għandu jkun fih eżattament entrata waħda (1) li tiddeskrivi eżattament riżultat wieħed (1) ta’ test. |
r |
Grupp tal-fejqan |
Jekk preżenti, għandu jkun fih eżattament entrata waħda (1) li tiddeskrivi eżattament dikjarazzjoni waħda (1) ta’ fejqan. |
4. Informazzjoni speċifika għat-tip ta’ ċertifikat
4.1. Ċertifikat tat-tilqim
Il-grupp tal-vaċċinazzjoni, jekk preżenti, għandu jkun fih eżattament entrata waħda li tiddeskrivi eżattament avveniment wieħed ta’ tilqim (doża waħda). L-elementi kollha tal-grupp tat-tilqim huma obbligatorji, u l-valuri vojta mhumiex appoġġati.
ID tal-kamp |
Isem tal-kamp |
Struzzjonijiet |
v/tg |
Marda jew aġent fil-mira: COVID-19 (SARS-CoV jew wieħed mill-varjanti tiegħu) |
Valur ikkodifikat mis-sett ta’ valuri disease-agent-targeted.json. Dan is-sett ta’ valuri għandu entrata waħda 840539006, li hija l-kodiċi għall-COVID-19 minn SNOMED CT (GPS). Għandu jingħata eżattament kamp wieħed (1) mhux vojt. Pereżempju: "tg": "840539006" |
v/vp |
Tilqima jew profilassi tal-COVID-19 |
Tip ta’ tilqima jew profilassi użat Valur ikkodifikat mis-sett ta’ valuri vaccine-prophylaxis.json. Is-sett ta’ valuri huwa distribwit mill-Gateway tal-EUDCC. Għandu jingħata eżattament kamp wieħed (1) mhux vojt. Pereżempju: "vp": "1119349007" (tilqima fuq il-bażi tal-mRNA kontra s-SARS-CoV-2) |
v/mp |
Prodott ta’ tilqim kontra l-COVID-19 |
Prodott mediċinali użat għal din id-doża speċifika ta’ tilqima. Valur ikkodifikat mis-sett ta’ valuri vaccine-medicinal-product.json. Is-sett ta’ valuri huwa distribwit mill-Gateway tal-EUDCC. Għandu jingħata eżattament kamp wieħed (1) mhux vojt. Pereżempju: "mp": "EU/1/20/1528" (Comirnaty) |
v/ma |
Detentur jew manifattur tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tat-tilqima kontra l-COVID-19 |
Detentur tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fuq is-suq jew manifattur, jekk ma jkun hemm l-ebda detentur tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fuq is-suq preżenti. Valur ikkodifikat mis-sett ta’ valuri vaccine-mah-manf.json. Is-sett ta’ valuri huwa distribwit mill-Gateway tal-EUDCC. Għandu jingħata eżattament kamp wieħed (1) mhux vojt. Pereżempju: "ma": "ORG-100030215" (Biontech Manufacturing GmbH) |
v/dn |
Numru f’sensiela ta’ dożi |
Numru tas-sekwenza (integru pożittiv) tad-doża mogħtija tul l-avveniment ta’ tilqim. 1 għall-ewwel doża, 2 għat-tieni doża eċċ. Aktar regoli speċifiċi huma previsti fit-Taqsima 5 tal-Anness II. Għandu jingħata eżattament kamp wieħed (1) mhux vojt. Eżempji: "dn": "1" (l-ewwel doża) "dn": "2" (it-tieni doża)) "dn": "3" (it-tielet doża) |
v/sd |
Numru kumplessiv ta’ dożi fis-sensiela |
Numru kumplessiv ta’ dożi (integru) fis-sensiela ta’ tilqim. Regoli aktar speċifiċi huma pprovduti fit-Taqsima 5 tal-Anness II. Għandu jingħata eżattament kamp wieħed (1) mhux vojt. Eżempji: "sd": "1" (fil-każ ta’ kors ta’ tilqim primarju b’doża waħda (1)) "sd": "2" (fil-każ ta’ sensiela ta’ tilqim primarju b’2 dożi jew għal doża addizzjonali wara kors ta’ tilqim primarju b’doża waħda (1)) "sd": "3" (pereżempju fil-każ ta’ dożi addizzjonali wara sensiela ta’ tilqim primarju b’2 dożi) |
v/dt |
Data tat-tilqima |
Id-data meta ġiet amministrata d-doża deskritta, fil-format YYYY-MM-DD (data sħiħa mingħajr ħin). Formati oħra mhumiex appoġġati. Għandu jingħata eżattament kamp wieħed (1) mhux vojt. Pereżempju: "dt": "2021-03-28" |
v/co |
Stat Membru jew pajjiż terz li fih saret it-tilqima |
Il-pajjiż espress bħala kodiċi b’2 ittri skont l-ISO3166 ittri (RAKKOMANDAT) jew referenza għal organizzazzjoni internazzjonali responsabbli għall-avveniment ta’ tilqim (bħall-UNHCR jew id-WHO). Valur kodifikat mis-sett ta’ valuri country-2-codes.json. Is-sett ta’ valuri huwa distribwit mill-Gateway tal-EUDCC. Għandu jingħata eżattament kamp tad-data wieħed (1) Pereżempju: "co": "CZ" "co": "UNHCR" |
v/is |
Emittent taċ-ċertifikat |
Isem l-organizzazzjoni li ħarġet iċ-ċertifikat. L-identifikaturi huma permessi bħala parti mill-isem, iżda mhuwiex irrakkomandat li jintużaw waħedhom, mingħajr l-isem miktub. Massimu ta’ 80 karattru UTF-8. Għandu jingħata eżattament kamp wieħed (1) mhux vojt. Pereżempju: "is": "Ministry of Health of the Czech Republic" "is": "Vaccination Centre South District 3" |
v/ci |
Identifikatur uniku taċ-ċertifikat |
identifikatur uniku taċ-ċertifikat (UVCI) kif speċifikat fi https://ec.europa.eu/health/sites/default/files/ehealth/docs/vaccination-proof_interoperability-guidelines_en.pdf Iċ-checksum mhux bilfors jiġi inkluż. Il-prefiss "URN:UVCI:" jista jinżied. Għandu jingħata eżattament kamp wieħed (1) mhux vojt. Eżempji: "ci": "URN:UVCI:01:NL:187/37512422923" "ci": "URN:UVCI:01:AT:10807843F94AEE0EE5093FBC254BD813#B" |
4.2. Ċertifikat tat-test
Grupp tat-testijiet, jekk preżenti, għandu jkun fih eżattament entrata waħda (1) li tiddeskrivi eżattament riżultat wieħed ta’ test.
ID tal-kamp |
Isem tal-kamp |
Struzzjonijiet |
||||
t/tg |
Marda jew aġent fil-mira: COVID-19 (SARS-CoV jew wieħed mill-varjanti tiegħu) |
Valur ikkodifikat mis-sett ta’ valuri disease-agent-targeted.json. Dan is-sett ta’ valuri għandu entrata waħda 840539006, li hija l-kodiċi għall-COVID-19 minn SNOMED CT (GPS). Għandu jingħata eżattament kamp wieħed (1) mhux vojt. Pereżempju: "tg": "840539006" |
||||
t/tt |
It-tip ta’ test |
It-tip ta’ test użat, fuq il-bażi tal-materjal fil-mira tat-test. Valur ikkodifikat mis-sett ta’ valuri test-type.json (skont il-LOINC). Valuri barra mis-sett ta’ valuri humiex permessi. Għandu jingħata eżattament kamp wieħed (1) mhux vojt. Pereżempju: "tt": "LP6464-4" (Amplifikazzjoni tal-aċidu nuklejku b’detezzjoni bis-sonda) "tt": "LP217198-3" (Immunoassaġġ rapidu) |
||||
t/nm |
Isem tat-test (testijiet bl-amplifikazzjoni tal-aċidu nuklejiku biss) |
L-isem tat-test bl-amplifikazzjoni tal-aċidu nuklejiku (NAAT) użat. L-isem jenħtieġ li jinkludi l-isem tal-manifattur tat-test u l-isem kummerċjali tat-test, mifrudin b’virgola. Għal NAAT: dan il-kamp tad-data huwa fakultattiv. Għal RAT: dan il-kamp tad-data ma għandux jintuża, minħabba li l-isem tat-test jingħata indirettament peremezz tal-indikatur tal-apparat użat għat-test (t/ma). Meta jingħata, il-kamp tad-data ma għandux ikun vojt. Pereżempju: "nm": "ELITechGroup, SARS-CoV-2 ELITe MGB® Kit" |
||||
t/ma |
Identifikatur tal-apparat tat-test (testijiet rapidi tal-antiġeni biss) |
Identifikatur tal-apparat tat-test rapidu tal-antiġeni (RAT) mill-bażi ta’ data tal-JRC. Sett ta’ valuri (lista komuni tal-HSC):
Fil-pajjiżi tal-UE/ŻEE, l-emittenti għandhom joħorġu ċertifikati biss għat-testijiet li jappartjenu għas-sett ta’ valuri attwalment validu. Is-sett ta’ valuri għandu jiġi aġġornat kull 24 siegħa. Il-valuri li mhumiex fis-sett ta’ valuri jistgħu jintużaw f’ċertifikati maħruġa minn pajjiżi terzi madankollu l-identifikaturi għandhom xorta jkunu dawk mill-bażi ta’ data tal-JRC. L-użu ta’ identifikaturi oħra bħal dawk ipprovduti direttament mill-manifatturi tat-testijiet mhuwiex permess. Il-verifikaturi għandhom jaqbdu l-valuri li ma jappartjenux għas-sett ta’ valuri aġġornat, u juru li ċ-ċertifikati li jkollhom tali valuri huma invalidi. Jekk identifikatur jitneħħa mis-sett ta’ valuri, iċ-ċertifikati li jkunu jinkluduh jistgħu jiġu aċċettati għal massimu ta’ 72 siegħa mid-data ta’ tneħħija. Is-sett ta’ valuri huwa distribwit mill-Gateway tal-EUDCC. Għal RAT: għandu jiġi pprovdut eżattament kamp tad-data wieħed (1) mhux vojt. Għal NAAT: il-kamp tad-data ma għandux jintuża, anke jekk l-identifikatur tat-test tal-NAA jkun disponibbli fil-bażi ta’ data tal-JRC. Pereżempju: "ma": "344" (SD BIOSENSOR Inc, STANDARD F COVID-19 Ag FIA) |
||||
t/sc |
Data u ħin tal-ġbir tal-kampjun għat-test |
Id-data u l-ħin li fih inġabar il-kampjun għat-test. Il-ħin għandu jinkludi informazzjoni dwar iż-żona tal-ħin. Il-valur ma għandux jagħti l-ħin li fih ġie prodott ir-riżultat tat-test. Għandu jingħata eżattament kamp wieħed (1) mhux vojt. Għandu jintuża wieħed mill-formati ISO 8601 li ġejjin. Għażliet oħra mhumiex appoġġjati. YYYY-MM-DDThh:mm:ssZ YYYY-MM-DDThh:mm:ss[+-]hh YYYY-MM-DDThh:mm:ss[+-]hhmm YYYY-MM-DDThh:mm:ss[+-]hh:mm Eżempji: "sc": "2021-08-20T10:03:12Z" (Ħin UTC) "sc": "2021-08-20T12:03:12+02" (Ħin CEST) "sc": "2021-08-20T12:03:12+0200" (Ħin CEST) "sc": "2021-08-20T12:03:12+02:00" (Ħin CEST) |
||||
t/tr |
Riżultat tat-test |
Ir-riżultat tat-test. Valur kodifikat mis-sett ta’ valuri test-result.json (fuq il-bażi ta’ SNOMED CT, GPS). Għandu jingħata eżattament kamp wieħed (1) mhux vojt. Pereżempju: "tr": "260415000" (Mhux rilevat) |
||||
t/tc |
Ċentru jew faċilità tal-ittestjar |
Isem tal-attur li wettaq it-test. L-identifikaturi huma permessi bħala parti mill-isem, iżda mhuwiex irrakkomandat li jintużaw waħedhom, mingħajr l-isem miktub. Massimu ta’ 80 karattru UTF-8. Jekk ikun hemm xi karattri oħra dawn jenħtieġ li jiġu tronkati. L-isem mhuwiex imfassal għall-verifika awtomatizzata. Għat-testijiet NAAT: għandu jiġi pprovdut eżattament kamp tad-data wieħed (1) mhux vojt. Għat-testijiet RAT: dan il-kamp tad-data huwa fakultattiv. Jekk ipprovdut, ma għandux ikun vojt. Pereżempju: "tc": "Test centre west region 245" |
||||
t/co |
Stat Membru jew pajjiż terz li fih sar it-test; |
Il-pajjiż espress bħala kodiċi b’2 ittri skont l-ISO3166 (RAKKOMANDAT) jew referenza għal organizzazzjoni internazzjonali responsabbli għat-twettiq tat-test (bħall-UNHCR jew id-WHO). Dan għandu jkun valur kodifikat mis-sett ta’ valuri country-2-codes.json. Is-sett ta’ valuri huwa distribwit mill-Gateway tal-EUDCC. Għandu jingħata eżattament kamp tad-data wieħed (1) Eżempji: "co": "CZ" "co": "UNHCR" |
||||
t/is |
Emittent taċ-ċertifikat |
Isem l-organizzazzjoni li ħarġet iċ-ċertifikat. L-identifikaturi huma permessi bħala parti mill-isem, iżda mhuwiex irrakkomandat li jintużaw waħedhom, mingħajr l-isem miktub. Massimu ta’ 80 karattru UTF-8. Għandu jingħata eżattament kamp wieħed (1) mhux vojt. Eżempji: "is": "Ministry of Health of the Czech Republic" "is": "North-West region health authority" |
||||
t/ci |
Identifikatur uniku taċ-ċertifikat |
identifikatur uniku taċ-ċertifikat (unique certificate identifier, UVCI) kif speċifikat fi https://ec.europa.eu/health/sites/default/files/ehealth/docs/vaccination-proof_interoperability-guidelines_en.pdf Iċ-checksum mhux bilfors jiġi inkluż. Il-prefiss "URN:UVCI:" jista jinżied. Għandu jingħata eżattament kamp wieħed (1) mhux vojt. Eżempji: "ci": "URN:UVCI:01:NL:187/37512422923" "ci": "URN:UVCI:01:AT:10807843F94AEE0EE5093FBC254BD813#B" |
4.3. Ċertifikat ta’ fejqan
Grupp tal-fejqan, jekk preżenti, għandu jkun fih eżattament entrata waħda (1) li tiddeskrivi eżattament dikjarazzjoni waħda ta’ rikoveru. L-elementi kollha tal-grupp tal-fejqan huma obbligatorji, u l-valuri vojta mhumiex appoġġati.
ID tal-kamp |
Isem tal-kamp |
Struzzjonijiet |
r/tg |
Il-marda jew l-aġent li minnha/minnu jkun rikoverat id-detentur: COVID-19 (SARS-CoV-2 jew wieħed mill-varjanti tiegħu) |
Valur ikkodifikat mis-sett ta’ valuri disease-agent-targeted.json. Dan is-sett ta’ valuri għandu entrata waħda 840539006, li hija l-kodiċi għall-COVID-19 minn SNOMED CT (GPS). Għandu jingħata eżattament kamp wieħed (1) mhux vojt. Pereżempju: "tg": "840539006" |
r/fr |
Data tal-ewwel riżultat pożittiv tat-test NAAT tad-detentur |
Id-data li fiha jkun inġabar il-kampjun għat-test NAAT li ta riżultat pożittiv, fil-format YYYY-MM-DD (data sħiħa mingħajr il-ħin). Formati oħra mhumiex appoġġati. Għandu jingħata eżattament kamp wieħed (1) mhux vojt. Pereżempju: "fr": "2021-05-18" |
r/co |
Stat Membru jew pajjiż terz li fih sar it-test |
Il-pajjiż espress bħala kodiċi b’2 ittri skont l-ISO3166 (RAKKOMANDAT) jew referenza għal organizzazzjoni internazzjonali responsabbli għat-twettiq tat-test (bħall-UNHCR jew id-WHO). Dan għandu jkun valur kodifikat mis-sett ta’ valuri country-2-codes.json. Is-sett ta’ valuri huwa distribwit mill-Gateway tal-EUDCC. Għandu jingħata eżattament kamp tad-data wieħed (1) Eżempji: "co": "CZ" "co": "UNHCR" |
r/is |
Emittent taċ-ċertifikat |
Isem l-organizzazzjoni li ħarġet iċ-ċertifikat. L-identifikaturi huma permessi bħala parti mill-isem, iżda mhuwiex irrakkomandat li jintużaw waħedhom, mingħajr l-isem miktub. Massimu ta’ 80 karattru UTF-8. Għandu jingħata eżattament kamp wieħed (1) mhux vojt. Pereżempju: "is": "Ministry of Health of the Czech Republic" "is": "Central University Hospital" |
r/df |
Ċertifikat validu minn |
L-ewwel data li minnha ċ-ċertifikat jitqies validu. Id-data ma għandhiex tkun aktar kmieni mid-data kkalkulata permezz ta’ r/fr + 11 days. Id-data għandha tingħata fil-format YYYY-MM-DD (data sħiħa mingħajr ħin). Formati oħra mhumiex appoġġati. Għandu jingħata eżattament kamp wieħed (1) mhux vojt. Pereżempju: "df": "2021-05-29" |
r/du |
Ċertifikat validu sa |
L-aħħar data li fiha ċ-ċertifikat huwa meqjus li jkun validu, assenjata mill-emittent taċ-ċertifikat. Id-data ma għandhiex tkun aktar tard mid-data kkalkulata permezz ta’ r/fr + 180 days. Id-data għandha tingħata fil-format YYYY-MM-DD (data sħiħa mingħajr ħin). Formati oħra mhumiex appoġġati. Għandu jingħata eżattament kamp wieħed (1) mhux vojt. Pereżempju: "du": "2021-11-14" |
r/ci |
Identifikatur uniku taċ-ċertifikat |
identifikatur uniku taċ-ċertifikat (UVCI) kif speċifikat fi https://ec.europa.eu/health/sites/default/files/ehealth/docs/vaccination-proof_interoperability-guidelines_en.pdf Iċ-checksum mhux bilfors jiġi inkluż. Il-prefiss "URN:UVCI:" jista’ jinżied. Għandu jingħata eżattament kamp wieħed (1) mhux vojt. Eżempji: "ci": "URN:UVCI:01:NL:187/37512422923" "ci": "URN:UVCI:01:AT:10807843F94AEE0EE5093FBC254BD813#B" |