16.11.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 405/20 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1993
tal-15 ta’ Novembru 2021
li tistabbilixxi l-ekwivalenza, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, taċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa minn New Zealand maċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2021/953 jistipula qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (“Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE”) għall-fini tal-faċilitazzjoni tal-eżerċizzju tad-detenturi tad-dritt tagħhom għall-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19. Għandu jikkontribwixxi wkoll għall-faċilitazzjoni tat-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu stabbiliti mill-Istati Membri, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, biex jiġi limitat it-tixrid tas-SARS-CoV-2, b’mod ikkoordinat. |
(2) |
Ir-Regolament (UE) 2021/953 jippermetti l-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa minn pajjiżi terzi liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom jekk il-Kummissjoni tikkonstata li dawk iċ-ċertifikati COVID-19 jinħarġu f’konformità ma’ standards li jitqiesu ekwivalenti għal dawk stabbiliti skont dak ir-Regolament. Barra minn hekk, f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-Istati Membri għandhom japplikaw ir-regoli stipulati fir-Regolament (UE) 2021/953 għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, imma li jkunu qed joqogħdu jew jirrisjedu legalment fit-territorju tagħhom u li għandhom id-dritt li jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, kwalunkwe sejba ta’ ekwivalenza stabbilita f’din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika għaċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim u tat-testijiet maħruġa minn New Zealand liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom. B’mod simili, abbażi tar-Regolament (UE) 2021/954, jenħtieġ li tali sejbiet ta’ ekwivalenza japplikaw ukoll għaċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim u tat-testijiet maħruġa minn New Zealand liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qed joqogħdu jew jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament. |
(3) |
Fit-2 ta’ Settembru 2021, New Zealand pprovdiet lill-Kummissjoni b’informazzjoni dettaljata dwar il-ħruġ ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim u tat-testijiet skont is-sistema intitolata “My Covid Record”. New Zealand infurmat lill-Kummissjoni li hija tqis li ċ-ċertifikati COVID-19 tagħha qed jinħarġu f’konformità ma’ standard u sistema teknoloġika li huma interoperabbli mal-qafas ta’ fiduċja stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 u jippermettu l-verifika tal-awtentiċità, tal-validità u tal-integrità taċ-ċertifikati. F’dan ir-rigward, New Zealand infurmat lill-Kummissjoni li ċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa minn New Zealand f’konformità mas-sistema “My Covid Record” fihom id-data stabbilita fl-Anness tar-Regolament (UE) 2021/953. |
(4) |
New Zealand infurmat ukoll lill-Kummissjoni li hija taċċetta ċertifikati tat-tilqim u tat-testijiet maħruġa mill-Istati Membri u mill-pajjiżi taż-ŻEE f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953. |
(5) |
Fid-19 ta’ Ottubru 2021, wara talba minn New Zealand, il-Kummissjoni wettqet testijiet tekniċi li wrew li ċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim u tat-testijiet huma maħruġa minn New Zealand f’konformità mas-sistema, “My Covid Record”, li hija interoperabbli mal-qafas ta’ fiduċja stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953, u tippermetti l-verifika tal-awtentiċità, il-validità u l-integrità taċ-ċertifikati. Il-Kummissjoni kkonfermat ukoll li ċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim u tat-testijiet maħruġa minn New Zealand f’konformità mas-sistema “My Covid Record” fihom id-data meħtieġa. |
(6) |
Minbarra dan, New Zealand infurmat lill-Kummissjoni li qed toħroġ ċertifikati tat-tilqim interoperabbli għall-vaċċini kontra l-COVID-19. Dawn bħalissa jinkludu Pfizer/BioNTech COMIRNATY u Pfizer New Zealand Limited (NZBN: 9429040634296). |
(7) |
New Zealand infurmat ukoll lill-Kummissjoni li qed toħroġ ċertifikati tat-testijiet interoperabbli għat-testijiet ta’ amplifikazzjoni tal-aċidu nuklejku u għat-testijiet rapidi tal-antiġeni. |
(8) |
Barra minn hekk, New Zealand infurmat lill-Kummissjoni li ma toħroġx ċertifikati interoperabbli tal-fejqan. |
(9) |
Minbarra dan, New Zealand infurmat lill-Kummissjoni li meta l-verifikaturi f’New Zealand jivverifikaw iċ-ċertifikati, id-data personali inkluża fihom tiġi pproċessata biss biex jiġu vverifikati u kkonfermati t-tilqim jew ir-riżultat tat-test tad-detentur u mhux se tinżamm wara. |
(10) |
L-elementi meħtieġa biex jiġi stabbilit li ċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa minn New Zealand f’konformità mas-sistema “My Covid Record” għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 u għalhekk huma ssodisfati. |
(11) |
Għalhekk, iċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa minn New Zealand f’konformità mas-sistema “My Covid Record” jenħtieġ li jiġu aċċettati bil-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(5) u fl-Artikolu 6(5) tar-Regolament (UE) 2021/953. |
(12) |
Sabiex din id-Deċiżjoni tkun operattiva, jenħtieġ li New Zealand tkun konnessa mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953. |
(13) |
Sabiex tipproteġi l-interessi tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tas-saħħa pubblika, il-Kummissjoni tista’ tuża s-setgħat tagħha biex tissospendi l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni jew tħassarha, jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2021/953 ma jibqgħux jiġu ssodisfati. |
(14) |
Fid-dawl tal-ħtieġa li New Zealand tiġi konnessa mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 malajr kemm jista’ jkun, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
(15) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 2021/953. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Iċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim u tat-testijiet maħruġa minn New Zealand f’konformità mas-sistema “My Covid Record” għandhom, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953.
Artikolu 2
New Zealand għandha tkun konnessa mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Novembru 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 211, 15.6.2021, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 211, 15.6.2021, p. 24).