|
16.11.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 405/5 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1987
tad-9 ta’ Novembru 2021
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta’ Koperazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija u Koperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Ażerbajġan, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-estensjoni tal-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Ażerbajġan
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 207 u 209 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim ta’ Sħubija u Koperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti ’l waħda, u r-Repubblika tal-Ażerbajġan, mill-parti l-oħra (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fit-22 ta’ April 1996 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1999. |
|
(2) |
F’konformità mal-Artikolu 81 tal-Ftehim, il-Kunsill ta’ Koperazzjoni, stabbilit mill-Ftehim, jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet adatti bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim. |
|
(3) |
Il-laqgħa tal-Kunsill ta’ Koperazzjoni tat-28 ta’ Settembru 2018 adottat il-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Ażerbajġan għall-perijodu 2018-2020. |
|
(4) |
Il-Kunsill ta’ Koperazzjoni jenħtieġ li jadotta Rakkomandazzjoni dwar l-estensjoni tal-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Ażerbajġan sal-2024 permezz ta’ proċedura bil-miktub. |
|
(5) |
Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Koperazzjoni li tikkonċerna l-estensjoni tal-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Ażerbajġan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta’ Koperazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija u Koperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti ’l waħda, u r-Repubblika tal-Ażerbajġan, mill-parti l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ Rakkomandazzjoni dwar l-estensjoni tal-Prijoritajiet ta’ Sħubija bejn l-UE u l-Ażerbajġan sal-2024 għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ Koperazzjoni (1).
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Novembru 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
A. ŠIRCELJ
(1) Ara d-dokument ST 11568/1/21 REV 1 fuq http://register.consilium.europa.eu.