12.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 401/3


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1969

tas-27 ta’ Ottubru 2021

dwar it-talba għar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Sejħa għall-Azzjoni — Protezzjoni ambjentali fil-politiki kollha” skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2021) 7742)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) u (3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ġiet ippreżentata talba għar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Sejħa għall-Azzjoni — Protezzjoni ambjentali fil-politiki kollha” lill-Kummissjoni fil-11 ta’ Lulju 2021.

(2)

Fl-10 ta’ Awwissu 2021, f’konformità mal-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) 2019/788, il-Kummissjoni infurmat lill-grupp ta’ organizzaturi bil-valutazzjoni tagħha li r-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 6(3)(a), (d) u (e) ta’ dak ir-Regolament ġew issodisfati u li r-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 6(3)(b) ma kienx applikabbli. Madankollu, il-Kummissjoni indikat ukoll li t-test tal-inizjattiva kif ifformulat fit-talba tal-11 ta’ Lulju 2021 ma kienx jippermettilha tikkonkludi li ssodisfat ir-rekwiżit skont l-Artikolu 6(3)(c) fl-intier tiegħu. Il-Kummissjoni kienet ġiet mistiedna “tiddikjara kriżi ambjentali, u b’hekk tħeġġeġ lill-individwi jimirħu lil hinn minn fejn iħossuhom komdi u jinsistu għal bidliet fil-politika. L-għan huwa li jiġu adattati politiki individwali, billi jitqiesu l-fatturi ambjentali kif ukoll dawk soċjali b’mod aktar olistiku.” Ma ġiex speċifikat liema atti legali tal-Unjoni kienet qed tintalab tipproponi l-Kummissjoni. Il-Kummissjoni stiednet lill-organizzaturi jirrevedu l-inizjattiva tagħhom, billi jindikaw liema kien l-att legali tal-Unjoni li stiednu lill-Kummissjoni biex tipproponi, u billi jiċċaraw il-kontenut ta’ tali att(i) legali.

(3)

Għaldaqstant ġiet ippreżentata verżjoni emendata tal-inizjattiva lill-Kummissjoni fil-5 ta’ Ottubru 2021.

(4)

L-għanijiet tal-inizjattiva emendata huma espressi kif ġej: “Il-Kummissjoni trid tissalvagwardja u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej, filwaqt li tipproteġi l-ispeċijiet l-oħra u l-ambjent naturali kollu kemm hu. B’hekk, il-Kummissjoni għandha tipproponi att legali — rakkomandazzjoni li twassal għal fehim aħjar tal-miżuri ta’ protezzjoni ambjentali fl-Istati Membri tal-UE u l-konformità magħhom. L-għan tal-inizjattiva huwa li l-Kummissjoni tipproponi att legali li jiżgura liċ-ċittadini Ewropej li l-awtoritajiet nazzjonali tagħhom iqisu l-ambjent meta jintroduċu politiki ġodda jew jemendaw politiki eżistenti.”

(5)

L-Anness jipprovdi aktar dettalji dwar is-suġġett, l-għan u l-isfond tal-inizjattiva. Barra minn hekk, l-organizzaturi pprovdew aktar informazzjoni dwar l-inizjattiva tagħhom f’dokument addizzjonali.

(6)

Sa fejn l-inizjattiva tistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għal att legali bil-għan li jiġi żgurat li l-Istati Membri jqisu l-ambjent meta jadottaw leġiżlazzjoni u miżuri nazzjonali, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tagħmel dan abbażi tal-Artikolu 192(1) tat-Trattat.

(7)

Għal dawn ir-raġunijiet, l-ebda parti mill-inizjattiva ma taqa’ manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni biex tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati kif meħtieġ mill-Artikolu 6(3)(c) tar-Regolament (UE) 2019/788.

(8)

Din il-konklużjoni hija mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet fattwali u sostantivi konkreti meħtieġa biex il-Kummissjoni taġixxi, inkluż il-konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, ikunux issodisfati f’dan il-każ.

(9)

Il-grupp ta’ organizzaturi pprovda evidenza xierqa li huwa jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/788, u li ħatar il-persuni ta’ kuntatt f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(3) ta’ dak ir-Regolament.

(10)

L-inizjattiva la hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u lanqas ma tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u d-drittijiet stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(11)

Bħala konklużjoni, l-inizjattiva intitolata “Sejħa għall-Azzjoni — Protezzjoni ambjentali fil-politiki kollha” tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2019/788 u għaldaqstant jenħtieġ li tiġi rreġistrata.

(12)

Il-konklużjoni li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2019/788 huma ssodisfati bl-ebda mod ma timplika li l-Kummissjoni tikkonferma l-korrettezza fattwali tal-kontenut tal-inizjattiva, li hija r-responsabbiltà unika tal-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva. Il-kontenut tal-inizjattiva jesprimi biss il-fehmiet tal-grupp ta’ organizzaturi, u bl-ebda mod ma jista’ jitqies li jirrifletti l-fehmiet tal-Kummissjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Sejħa għall-Azzjoni — Protezzjoni ambjentali fil-politiki kollha” għandha tiġi rreġistrata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Sejħa għall-Azzjoni — Protezzjoni ambjentali fil-politiki kollha”, irrappreżentat mis-Sur Jure LEBEN u s-Sur Marko MAVER li jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Kummissjoni

Věra JOUROVÁ

Viċi President


(1)   ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55.