10.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 397/26


DEĊIŻJONI (UE) 2021/1944 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-2 ta’ Novembru 2021

li temenda d-Deciżjoni (UE) 2020/1997 dwar l-approvazzjoni tal-volum ta’ ħrug ta’ muniti fl-2021 (BĊE/2021/48)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 128(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandu d-dritt esklussiv mill-1 ta’ Jannar 1999 biex japprova l-volum ta’ muniti maħruġin mill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

(2)

Skont l-istimi tad-domanda għall-muniti tal-euro fl-2021 li l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro ppreżentaw lill-BĊE, il-BĊE approva l-volum totali tal-muniti tal-euro intiżi għaċ-ċirkolazzjoni u l-muniti tal-euro għall-kolletturi mhux intiżi għaċ-ċirkolazzjoni għall-2021, fid-Deċiżjoni (UE) 2020/1997 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2020/57) (1).

(3)

Skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (UE) 2015/2332 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/43) (2), Stat Membru taż-żona tal-euro għandu jinnotifika lill-BĊE jekk id-domanda reali għall-muniti tal-euro aktarx li taqbeż il-volum approvat ta’ ħruġ ta’ muniti f’sena kalendarja u għandu jitlob approvazzjoni ad hoc għal volum addizzjonali ta’ ħruġ ta’ muniti f’dik is-sena kalendarja jekk iż-żieda fid-domanda għall-muniti tkompli.

(4)

Fl-1 ta’ Settembru 2021, De Nederlandsche Bank, ukoll f’isem il-Ministeru tal-Finanzi tan-Netherlands, talab li l-volum ta’ muniti tal-euro li n-Netherlands jistgħu joħorġu fl-2021 jiżdied b’volum addizzjonali ta’ EUR 50 miljun minn EUR 0,1 miljun għal EUR 50,1 miljun biex ikun jista’ jwieġeb għal żieda mhux mistennija fid-domanda għall-muniti b’riżultat ta’ rilassament tal-miżuri ta’ lockdown tal-COVID-19, il-ftuħ mill-ġdid tal-ħwienet u effett staġjonali.

(5)

Fit-8 ta’ Settembru 2021, Latvijas Banka talbet li l-volum ta’ muniti tal-euro li l-Latvja tista’ toħroġ fl-2021 jiżdied b’volum addizzjonali ta’ EUR 5,1 miljun minn EUR 5,7 miljun għal EUR 10,8 miljun biex ikun jista’ jwieġeb għal żieda mhux mistennija fid-domanda għall-muniti bħala riżultat tal-impatt tal-COVID-19 fuq iċ-ċirkolazzjoni tal-muniti fil-Latvja.

(6)

Fl-4 ta’ Ottubru 2021, Národná banka Slovenska talbet li l-volum ta’ muniti tal-euro li s-Slovakkja tista’ toħroġ fl-2021 jiżdied b’volum addizzjonali ta’ EUR 2 miljun minn EUR 16 miljun għal EUR 18 miljun b’reazzjoni għal ħruġ nett ogħla ta’ muniti tal-euro meta mqabbel mal-2020 u l-2019 bħala riżultat tal-impatt tal-COVID-19 u domanda ogħla prevista għall-perjodu ta’ qabel il-Milied fl-2021.

(7)

Fl-interess tal-effiċjenza, u b’deroga mill-Artikolu 3(7) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/2332 (BĊE/2015/43) dwar it-talbiet speċifiċi għal approvazzjoni ad hoc għall-Latvja u s-Slovakkja, huwa xieraq li l-Kunsill Governattiv jimplimenta dawn il-modifiki billi jemenda d-Deċiżjoni (UE) 2020/1997 (BĊE/2020/57).

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (UE) 2020/1997 (BĊE/2020/57) tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi

It-tabella fl-Artikolu 2 tad-Decizjoni (UE) 2020/1997 (BĊE/2020/57) hija mibdula hekk kif gej:

(1)

ir-ringiela dwar il-Latvja hija ssostitwita b’li ġejja:

“Il-Latvja

10,6

0,2

10,8”

(2)

ir-ringiela dwar in-Netherlands hija ssostitwita b’li ġejja:

“In-Netherlands

50,0

0,1

50,1”

(3)

ir-ringiela dwar is-Slovakkja hija ssostitwita b’li ġejja:

“Is-Slovakkja

16,0

2,0

18,0”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum meta tiġi nnotifikata lid-destinatarji.

Artikolu 3

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-2 ta’ Novembru 2021.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Id-Deċiżjoni (UE) 2020/1997 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta' Novembru 2020 dwar l-approvazzjoni tal-volum ta' ħruġ ta' muniti fl-2021 (BĊE/2020/57) (ĠU L 410, 7.12.2020. 104).

(2)  Id-Deċiżjoni (UE) 2015/2332 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta' Diċembru 2015 dwar il-qafas proċedurali għall-approvazzjoni tal-volum ta' ħrug ta' muniti tal-euro (BĊE/2015/43) (ĠU L 328, 12.12.2015, p. 123).