4.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 389/3


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/1910

tal-4 ta’ Novembru 2021

li timplimenta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1333 tal-31 ta' Lulju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja, u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/137/PESK (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-31 ta' Lulju 2015 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333.

(2)

Fil-25 ta' Ottubru 2021, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ('KSNU') stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni tal-KSNU 1970 (2011) żied persuna waħdamal-lista ta’ persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi.

(3)

L-Annessi I u III għad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 għalhekk jenħtieġ li jiġu emendati skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Annessi I u III għad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 huma emendati kif jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Novembru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

G. DOVŽAN


(1)   ĠU L 206, 1.8.2015, p. 34.


ANNESS

Il-persuna li ġejja tiżdied mal-lista li tinsab fl-Anness I u l-Anness III għad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333:

" 29. Isem: 1: Osama 2: Al Kuni 3: Ibrahim 4: mhux disponibbli

Titlu: Maniġer ta' Al Nasr Detention Center f'Zawiyah Deżinjazzjoni: mhux disponibbli Data tat-twelid: 4 ta' April 1976 Post tat-twelid: Tripli, Libja Psewdonimu ta' kwalità tajba.: a) Osama Milad b) Osama al-Milad c) Osama Zawiya d) Osama Zawiyah e) Osama al Kuni Psewdonimu ta' kwalità ħażina: mhux disponibbli Nazzjonalità: Libja Numru tal-passport: mhux disponibbli Numru tal-identifkazzjoni nazzjonali: mhux disponibbli Indirizz: Zawiya, Libja Elenkat fi: 25 ta' Ottubru 2021 Informazzjoni oħra: Bħala maniġer de facto taċ-ċentru ta' detenzjoni ta' Al Nasr il-persuna kkonċernata direttament, u/jew permezz ta' subordinati, kienet involuta fi jew ipprovdiet appoġġ għal atti li jiksru d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem applikabbli, jew atti li jikkostitwixxu abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Libja. Il-persuna kkonċernata aġixxiet għal jew f'isem jew taħt id-direzzjoni ta' żewġ individwi elenkati li huma intrinsikament marbuta mal-attivitajiet ta' traffikar tal-bnedmin tan-network Zawiyah, jiġifieri Mohamed Kashlaf (LYi.025) u Abdulrahman al Milad (LYi.026). Elenkat skont il-paragrafi 15 u 17 tar-riżoluzzjoni 1970 (Projbizzjoni fuq l-Ivvjaġġar, Iffriżar tal-Assi).

Elenkat skont il-paragrafi 11 (a), 11 (f) tar-riżoluzzjoni 2213 (2015); il-paragrafu 11 tar-riżoluzzjoni 2441 (2018).

Informazzjoni addizzjonali

Bħala maniġer de facto taċ-ċentru ta' detenzjoni ta' Al Nasr il-persuna kkonċernata direttament, u/jew permezz ta' subordinati, kienet involuta fi jew ipprovdiet appoġġ għal atti li jiksru d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem applikabbli, jew atti li jikkostitwixxu abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Libja. Il-persuna kkonċernata aġixxiet għal jew f'isem jew taħt id-direzzjoni ta' żewġ individwi elenkati li huma intrinsikament marbuta mal-attivitajiet ta' traffikar tal-bnedmin tan-network Zawiyah, jiġifieri Mohamed Kashlaf (LYi.025) u Abdulrahman al Milad (LYi.026). Għal snin sħaħ, iċ-ċentru ta' detenzjoni ta' Al Nasr f'Zawiyah ġie identifikat fil-pubbliku u f'rapporti kunfidenzjali li jiddeskrivu s-sitwazzjoni mwiegħra tal-migranti u ta' dawk li jfittxu l-asil fil-Libja, inkluż it-tortura, il-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru u t-traffikar tal-bnedmin. L-organizzazzjonijiet umanitarji u l-vittmi tat-traffikar identifikaw b'mod konsistenti lill-persuna kkonċernata bħala l-maniġer de facto taċ-ċentru ta' detenzjoni. Tliet individwi li kienu qed jaħdmu fiċ-ċentru ta' detenzjoni ta' Al Nasr ingħataw sentenzi ta' ħabs għat-tortura tal-migranti fiċ-ċentru ta' detenzjoni."