29.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 384/112


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1895

tat-28 ta’ Ottubru 2021

li tistabbilixxi l-ekwivalenza, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, taċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġa mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq maċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2021/953 jistipula qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (‘Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE’) għall-fini tal-faċilitazzjoni tal-eżerċizzju mid-detenturi tad-dritt tagħhom għall-moviment liberu matul il-pandemija tal-COVID-19. Huwa għandu jikkontribwixxi wkoll għall-faċilitazzjoni tat-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu stabbiliti mill-Istati Membri, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, biex jiġi limitat it-tixrid tas-SARS-CoV-2, b’mod ikkoordinat.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2021/953 jippermetti l-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa minn pajjiżi terzi liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom jekk il-Kummissjoni tikkonstata li dawk iċ-ċertifikati COVID-19 jinħarġu f’konformità ma’ standards li jitqiesu ekwivalenti għal dawk stabbiliti skont dak ir-Regolament. Barra minn hekk, f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-Istati Membri għandhom japplikaw ir-regoli stipulati fir-Regolament (UE) 2021/953 għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, imma li jkunu qed joqogħdu jew jirrisjedu legalment fit-territorju tagħhom u li għandhom id-dritt li jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, kwalunkwe sejba ta’ ekwivalenza ta’ din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika għaċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġa mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom. B’mod simili, abbażi tar-Regolament (UE) 2021/954, jenħtieġ li tali sejbiet ta’ ekwivalenza japplikaw ukoll għaċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġa mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qed joqogħdu jew jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament.

(3)

Fit-28 ta’ Lulju 2021, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ipprovda lill-Kummissjoni b’informazzjoni dettaljata dwar il-ħruġ ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan skont sistema unika intitolata ‘UK COVID Certificates’. Din is-sistema tinkludi erba’ komponenti għall-Ingilterra, Wales u l-Isle of Man; Jersey u Guernsey; l-Iskozja; u l-Irlanda ta’ Fuq, rispettivament intitolati ‘Covid Pass’, ‘2D Barcode API’, ‘NHS Scotland Covid Status’ u ‘COVIDCert’. Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq informa lill-Kummissjoni li huwa jqis li ċ-ċertifikati COVID-19 tiegħu qed jinħarġu f’konformità ma’ standard u sistema teknoloġika li huma interoperabbli mal-qafas ta’ fiduċja stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 u li jippermettu l-verifika tal-awtentiċità, il-validità u l-integrità taċ-ċertifikati. F’dan ir-rigward, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq informa lill-Kummissjoni li ċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq f'konformità mas-sistema intitolata “UK COVID Certificates” fihom id-data stabbilita fl-Anness tar-Regolament (UE) 2021/953.

(4)

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq informa wkoll lill-Kummissjoni li jaċċetta ċertifikati tat-tilqim maħruġa mill-Istati Membri u l-pajjiżi taż-ŻEE f'konformità mar-Regolament (UE) 2021/953. Barra minn hekk, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq informa lill-Kummissjoni li se jittratta lid-detenturi taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan bl-istess mod bħad-detenturi taċ-ċertifikati maħruġa mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq. Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq irrimarka li l-vjaġġaturi kollha mlaqqma kompletament b’vaċċin rikonoxxut mir-Renju Unit jew b’vaċċin li rċieva awtorizzazzjoni għall-UE kollha huma eżentati mill-kwarantina u milli jagħmlu test fit-tmien jum, jekk jaslu minn pajjiżi kklassifikati bl-użu tal-kodiċi “isfar” skont is-sitwazzjoni epidemjoloġika tagħhom. Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq speċifika wkoll li t-testijiet negattivi u l-immunità naturali wara test pożittiv mhumiex parti mill-politika tiegħu li teżenta lin-nies mill-kwarantina.

(5)

Fl-4 ta’ Ottubru 2021, wara talba mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, il-Kummissjoni wettqet testijiet tekniċi li wrew li ċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan qed jinħarġu mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq f’konformità mas-sistema intitolata ‘UK COVID Certificates’, li hija interoperabbli mal-qafas ta’ fiduċja stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953, u tippermetti l-verifika tal-awtentiċità, il-validità u l-integrità taċ-ċertifikati. Il-Kummissjoni kkonfermat ukoll li ċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġa mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq f'konformità ma’ kull komponent mas-sistema intitolata ‘UK COVID Certificates’ fihom id-data meħtieġa. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni hija kkonfermata wara n-notifika addizzjonali ppreżentata mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq fl-14 ta’ Ottubru 2021.

(6)

Barra minn hekk, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq informa lill-Kummissjoni li qed joħroġ ċertifikati tat-tilqim interoperabbli għall-vaċċini kontra l-COVID-19. Dawk il-vaċċini bħalissa jinkludu Comirnaty, Covid-19 Vaccine Janssen, Spikevax u Vaxzevria. Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq indika wkoll li huwa joħroġ ċertifikati tat-tilqim għall-kandidati għall-vaċċini li jkunu għaddejjin minn provi kliniċi lill-parteċipanti tal-provi li jkunu rċevew il-kandidati għall-vaċċini. Bħalissa dak japplika għall-kandidat għall-vaċċini żviluppat minn Novavax CZ AS.

(7)

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq informa wkoll lill-Kummissjoni li se joħroġ ċertifikati tat-testijiet interoperabbli għat-testijiet tal-amplifikazzjoni tal-aċidu nuklejku biss, iżda mhux għal testijiet rapidi tal-antiġeni.

(8)

Barra minn hekk, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq informa lill-Kummissjoni li huwa joħroġ ċertifikati tal-fejqan interoperabbli. Dawk iċ-ċertifikati huma validi għal mhux aktar minn 180 jum wara d-data tal-ewwel test pożittiv.

(9)

Barra minn hekk, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq informa lill-Kummissjoni li meta verifikaturi fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jivverifikaw iċ-ċertifikati, id-data personali inkluża fihom se tiġi pproċessata biss biex tivverifika u tikkonferma t-tilqim, ir-riżultat tat-test jew l-istatus tal-fejqan tad-detentur u mhux se tinżamm wara.

(10)

L-elementi meħtieġa biex jiġi stabbilit li ċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq f'konformità mas-sistema intitolata “UK COVID Certificates” għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk maħruġa skont ir-Regolament (UE) 2021/953 huma għalhekk issodisfati.

(11)

Għalhekk, iċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq f'konformità mas-sistema intitolata ‘UK COVID Certificates’ jenħtieġ li jiġu aċċettati skont il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(5), l-Artikolu 6(5) u l-Artikolu 7(8) tar-Regolament (UE) 2021/953.

(12)

Sabiex din id-Deċiżjoni tkun operattiva, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jenħtieġ li jkun konness mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953.

(13)

Sabiex tipproteġi l-interessi tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tas-saħħa pubblika, il-Kummissjoni tista’ tuża s-setgħat tagħha biex tissospendi jew ittemm din id-Deċiżjoni jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2021/953 ma jibqgħux jiġu ssodisfati.

(14)

Sabiex ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jiġi konness mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 malajr kemm jista’ jkun, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(15)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2021/953,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Iċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġa mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq f'konformità mas-sistema intitolata ‘UK COVID Certificates’ għandhom, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953.

Artikolu 2

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandu jkun konness mal-qafas fiduċjarju taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 211, 15.6.2021, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 211, 15.6.2021, p. 24).