26.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 378/12


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1876

tal-20 ta’ Ottubru 2021

dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra koperti bid-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għal kull Stat Membru għall-2019

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għar-rapportar ta’ informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tistabbilixxi l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet għal kull Stat Membru għal kull sena tal-perjodu mill-2013 sal-2020 u mekkaniżmu biex kull sena tiġi vvalutata l-konformità ma’ dawk il-limiti. L-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet tal-Istati Membri, mogħtija f’ekwivalenti ta’ tunnellati ta’ CO2, jinsabu fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/162/UE (3). L-aġġustamenti fl-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet għal kull Stat Membru huma stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/634/UE (4).

(2)

L-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 525/2013 jipprevedi proċedura għar-rieżami tal-inventarji tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Istati Membri sabiex tiġi vvalutata l-konformità mad-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE. Ir-rieżami annwali msemmi fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (UE) Nru 525/2013 twettaq abbażi tad-data dwar l-emissjonijiet tal-2019 irrappurtata lill-Kummissjoni f’Marzu tal-2021 f’konformità mal-proċeduri stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 749/2014 (5) u fl-Anness XVI ta’ dak ir-Regolament.

(3)

L-ammont totali tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra koperti bid-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE għal kull Stat Membru għall-2019 jenħtieġ li jqis il-korrezzjonijiet tekniċi u l-istimi riveduti kkalkulati waqt ir-rieżami komprensiv kif mogħtija fir-rapporti ta’ eżami finali mfassla skont l-Artikolu 35(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 749/2014.

(4)

Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha biex tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19(7) tar-Regolament (UE) Nru 525/2013 li jistabbilixxi d-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni bħala l-punt tat-tluq għall-perjodu ta’ erba’ xhur li matulu l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw il-mekkaniżmi ta’ flessibbiltà skont id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-somma totali ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra koperti bid-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE għal kull Stat Membru għall-2019 li ġejjin mid-data kkoreġuta tal-inventarju wara li tlesta r-rieżami annwali msemmi fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (UE) Nru 525/2013, hija stabbilita fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 165, 18.6.2013, p. 13.

(2)  Id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-2020 (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 136).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/162/UE tas-26 ta’ Marzu 2013 dwar kif għandhom jiġu ddeterminati l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet tal-Istati Membri għall-perjodu mill-2013 sal-2020 skont id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 90, 28.3.2013, p. 106).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/634/UE tal-31 ta’ Ottubru 2013 dwar l-aġġustamenti fl-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet għall-perjodu mill-2013 sal-2020 skont id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 292, 1.11.2013, p. 19).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 749/2014 tat-30 ta’ Ġunju 2014 dwar l-istruttura, il-format u l-proċessi tat-tressiq u r-reviżjoni tal-informazzjoni rrapportata mill-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 203, 11.7.2014, p. 23).


ANNESS

Stat Membru

L-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-2019 koperti bid-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE

(f’ekwivalenti ta’ tunnellati ta’diossidu tal-karbonju)

Il-Belġju

72 013 554

Il-Bulgarija

25 814 515

Iċ-Ċekja

60 543 276

Id-Danimarka

32 050 593

Il-Ġermanja

444 262 722

L-Estonja

6 208 760

L-Irlanda

45 579 575

Il-Greċja

44 744 947

Spanja

201 878 747

Franza

336 358 317

Il-Kroazja

16 058 241

L-Italja

274 938 773

Ċipru

4 377 563

Il-Latvja

8 650 111

Il-Litwanja

14 298 998

Il-Lussemburgu

9 239 043

L-Ungerija

44 894 942

Malta

1 427 261

In-Netherlands

97 096 843

L-Awstrija

50 218 754

Il-Polonja

209 084 930

Il-Portugall

41 527 062

Ir-Rumanija

75 211 340

Is-Slovenja

10 809 900

Is-Slovakkja

20 087 964

Il-Finlandja

29 643 287

L-Iżvezja

31 679 703

Ir-Renju Unit

329 100 245