|
19.10.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 371/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1830
tat-22 ta’ Frar 2021
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Cabo Verde li jemenda l-Ftehim dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għal żjarat qosra għal ċittadini tar-Repubblika tal-Kap Verde u tal-Unjoni Ewropea
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 77(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fil-konklużjonijiet tal-20 ta’ Novembru 2007, il-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, laqgħu l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-futur tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde. B’mod partikolari, il-Kunsill laqgħa l-approfondiment tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u Cabo Verde permezz tal-implimentazzjoni ta’ Pjan ta’ Azzjoni għall-iżvilupp ta’ “sħubija speċjali” bejn iż-żewġ partijiet. Barra minn hekk, dik il-Kumunikazzjoni tipprovdi li l-għan ta’ dik is-“sħubija speċjali” huwa li jiġi żviluppat djalogu miftuħ, kostruttiv u pragmatiku u li tkun prijorità strateġika kondiviża li tiġi ttrattata l-immigrazzjoni illegali. |
|
(2) |
Fl-1 ta’ Diċembru 2014, daħal fis-seħħ il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għal żjarat qosra għal ċittadini tar-Repubblika tal-Kap Verde u tal-Unjoni Ewropea (1) (“il-Ftehim tal-2014”). |
|
(3) |
Mill-1 ta’ Diċembru 2014, il-leġiżlzzjoni tal-Unjoni u dik ta’ Cabo Verde evolviet, bir-reviżjoni tal-Kodiċi dwar il-Viżi permezz tar-Rgolament (UE) 2019/1155 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u d-deċiżjoni ta’ Cabo Verde li teżenta liċ-ċittadini tal-Unjoni minn rekwiżit ta’ viża għal żjarat sa 30 jum. Fid-dawl ta’ dawk il-bidliet u fid-dawl tal-valutazzjoni mwettqa mill-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 10 tal-Ftehim tal-2014 u inkarigat bil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Ftehim tal-2014, xi wħud mid-dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw il-ħruġ ta’ viżi liċ-ċittadini ta’ Cabo Verde u, fuq il-bażi ta’ reċiproċità, tal-Unjoni, għal żjara intenzjonata ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum, jenħtieġ li jiġi aġġustat u kkumplimentat bi Ftehim emendatorju. |
|
(4) |
Fid-29 ta’ Ottubru 2019, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati ma’ Cabo Verde għal Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Cabo Verde li jemenda l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għal żjarat qosra għal ċittadini tar-Repubblika tal-Kap Verde u tal-Unjoni Ewropea (‘il-Ftehim emendatorju’). In-negozjati ġew konklużi b’suċċess fit-30 ta’ Jannar 2020 u l-Ftehim emendatorju ġie inizjalat permezz ta’ skambju ta’ emails fl-24 ta’ Lulju 2020. |
|
(5) |
Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (3). Għalhekk l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
|
(6) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
|
(7) |
Il-Ftehim emendatorju jenħtieġ li jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard, u d-Dikjarazzjonijiet Konġunti mehmuża miegħu jenħtieġ li jiġu approvati, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar fisem l-Unjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Cabo Verde li jemenda l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Kap Verde dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għal żjarat qosra għal ċittadini tar-Repubblika ta’ Kap Verde u tal-Unjoni Ewropea huwa b’dan awtorizzat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim emendatorju msemmi (4).
Artikolu 2
Id-Dikjarazzjonijiet Konġunti annessi mal-Ftehim emendatorju huma b’dan approvati f’isem l-Unjoni.
Artikolu 3
Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jaħtar il-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa sabiex jiffirmaw il-Ftehim emendatorju f’isem l-Unjoni.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Frar 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
J. BORRELL FONTELLES
(1) ĠU L 282, 24.10.2013, p. 3.
(2) Ir-Regolament (UE) 2019/1155 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 810/2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 188, 12.7.2019, p. 25).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).
(4) Ara paġna 5 ta’ dan Il-Ġurnal Uffiċjali.