11.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 359/103


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1787

tal-5 ta’ Ottubru 2021

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali fir-rigward tal-emendar tad-definizzjoni ta’ “ċereal” jew “ċereali” fil-qafas tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995 (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/88/KE (1) u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1995.

(2)

L-Artikolu 2(1), punt (e), tal-Konvenzjoni jiddefinixxi t-tifsira ta’ “ċereal” jew “ċereali” għall-finijiet tal-Konvenzjoni. Il-membri tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali jistgħu jiddeċiedu li jemendaw dik id-definizzjoni f’konformità mal-Artikolu 32 tal-Konvenzjoni.

(3)

Fl-14 ta’ Mejju 2021, is-Segretarjat tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali ippropona ż-żieda tal-bus u l-ħemes fid-definizzjoni ta’ “ċereal” jew “ċereali” taħt il-punt (e) tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni, b’effett mill-1 ta’ Novembru 2021. Skont dik il-proposta, “Għads, piżelli niexfa, ċiċri, fażola niexfa, bus u ħemes oħrajn u prodotti tagħhom għandhom jiġu inklużi fid-definizzjoni ta’ “ċereal” jew “ċereali” taħt l-Artikolu 2(1)(e) tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali, 1995”.

(4)

F’konformità mad-definizzjoni u mal-klassifikazzjoni ta’ prodotti bażiċi (abbozz) tal-1994 tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Biedja tan-Nazzjonijiet Uniti, “bus u ħemes huma għelejjel leguminużi annwali li jagħtu minn ċereal jew żerriegħa waħda sa 12-il ċereal jew żerriegħa ta’ daqs, forma u kulur li jvarja f’miżwed. Dawn jintużaw kemm għall-ikel kif ukoll għall-għalf.”.

(5)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali fir-rigward tal-emendar tad-definizzjoni ta’ “ċereal” jew “ċereali” taħt il-Konvenzjoni, minħabba li jekk tiġi estiża l-kopertura tal-prodott tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali biż-żieda tal bus u l-ħemes fid-definizzjoni ta’ “ċereal” jew “ċereali”, dan ikun fl-interess tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali għandha tkun li tivvota favur l-emendar tal-Artikolu 2(1), punt (e) tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali billi jiżdied il-bus u l-ħemes fid-definizzjoni ta’ “ċereal” jew “ċereali”, f’konformità mal-proposta ippreżentata mis-Segretarjat tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali fl-14 ta’ Mejju 2021.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-5 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. ŠIRCELJ


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/88/KE tad-19 ta’ Diċembru 1995 rigward l-approvazzjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni dwar in-Negozju taċ-Ċereali u l-Konvenzjoni tal-Għajnuna Alimentari, li tikkostitwixxi l-Ftehim taċ-Ċereali Internazzjonali tal-1995 (ĠU L 21, 27.1.1996, p. 47).