11.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 360/124


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1781

tas-7 ta’ Ottubru 2021

dwar is-sospensjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Gambja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25a(5), il-punt (a), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fl-aħħar ta’ Frar 2019, l-awtoritajiet tal-Gambja ddeċidew unilateralment li jimponu moratorju fuq l-operazzjonijiet kollha ta’ ritorn furzat, li pprevjena r-ritorni effettivi għall-biċċa l-kbira tal-2019. Wara t-tneħħija tal-moratorju f’Jannar 2020, l-Istati Membri ġew ikkonfrontati b’ostakli rikorrenti imposti mill-Gambja għall-organizzazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ ritorn. Livelli fluttwanti ta’ kooperazzjoni mill-Gambja fixklu wkoll il-fażijiet kollha tal-proċess ta’ ritorn, inkluż meta jiġu applikati l-prattiki tajbin eżistenti u arranġamenti operazzjonali oħra maqbula preċedentement bejn l-Unjoni u l-Gambja. Fis-6 ta’ April 2021, l-awtoritajiet tal-Gambja indikaw li l-pajjiż ma kienx f’pożizzjoni li jirċievi persuni rimpatrijati sa ma jingħata avviż ieħor, u f’Ġunju 2021, huma kkonfermaw l-eżistenza ta’ “moratorju fuq ir-ritorn furzat jew ir-ripatrijazzjoni sa wara l-elezzjonijiet f’Diċembru”.

(2)

Mill-2019, il-Kummissjoni ħadet passi biex ittejjeb il-livell ta’ kooperazzjoni tal-Gambja fir-riammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza illegali. Dawk il-passi kienu jikkonsistu f’diversi laqgħat mal-awtoritajiet tal-Gambja, kemm fil-livell tekniku kif ukoll f’dak politiku, biex jinstabu soluzzjonijiet reċiprokament aċċettabbli, u biex jintlaħaq qbil dwar aktar proġetti ta’ appoġġ għall-benefiċċju tal-Gambja. B’mod parallel, saru skambji ta’ livell għoli bejn il-Kummissjoni u l-Gambja. Kwistjonijiet ta’ riammissjoni tqajmu wkoll mal-Gambja f’laqgħat oħra organizzati mis-SEAE.

(3)

B’kont meħud tal-passi li ttieħdu s’issa mill-Kummissjoni biex ittejjeb il-livell ta’ kooperazzjoni, u r-relazzjonijiet ġenerali tal-Unjoni mal-Gambja, huwa meqjus li l-kooperazzjoni tal-Gambja mal-Unjoni dwar kwistjonijiet ta’ riammissjoni mhijiex biżżejjed u li għalhekk hija neċessarja azzjoni mill-Unjoni.

(4)

L-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 jenħtieġ li għalhekk tiġi sospiża temporanjament għaċ-ċittadini tal-Gambja li huma soġġetti għall-ħtieġa tal-viża skont ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. (2) Din għandha tħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Gambja jiġu stimulati jieħdu l-azzjonijiet neċessarji biex itejbu l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ riammissjoni.

(5)

Id-dispożizzjonijiet temporanjament sospiżi huma dawk stabbiliti fl-Artikolu 25a(5), il-punt (a), tal-Kodiċi dwar il-Viżi: is-sospensjoni tal-possibbiltà ta’ rinunzja tar-rekwiżiti fir-rigward tal-evidenza dokumentarja li għandha tiġi ppreżentata mill-applikanti għal viża msemmija fl-Artikolu 14(6), is-sospensjoni tal-perijodu ġenerali ta’ proċessar ta’ 15-il jum kalendarju msemmi fl-Artikolu 23(1) (li bħala konsegwenza jeskludi wkoll l-applikazzjoni tar-regola dwar l-estensjoni ta’ dan il-perijodu sa massimu ta’ 45 jum f’każijiet individwali), is-sospensjoni tal-ħruġ ta’ viżi għal dħul multiplu f’konformità mal-Artikolu 24(2) u (2c) u, is-sospensjoni tal-eżenzjoni mit-tariffa tal-viża fakultattiva għad-detenturi ta’ passaporti diplomatiċi u tas-servizz f’konformità mal-Artikolu 16(5), il-punt (b).

(6)

L-Artikolu 21(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi li kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-pajjiżi tal-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq. Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tagħti effett lil dawk il-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet. Din id-Deċiżjoni ma taffettwax l-applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva, li testendi d-dritt tal-moviment liberu għall-membri tal-familja irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom meta jakkumpanjaw ċittadin tal-Unjoni jew meta jingħaqdu miegħu. Din id-Deċiżjoni għalhekk ma tapplikax għal membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għalih tapplika d-Direttiva 2004/38/KE jew għall-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jgawdi dritt ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dak ta’ ċittadini tal-Unjoni skont ftehim bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u pajjiż terz, min-naħa l-oħra.

(7)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri skont id-dritt internazzjonali bħala pajjiżi ospitanti ta’ organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali jew ta’ konferenzi internazzjonali mlaqqgħin minn organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali ospitati mill-Istati Membri. Għalhekk, is-sospensjoni temporanja jenħtieġ li ma tapplikax għaċ-ċittadini tal-Gambja li japplikaw għal viża sa fejn ikun neċessarju sabiex l-Istati Membri jikkonformaw mal-obbligi tagħhom bħala pajjiżi ospitanti ta’ tali organizzazzjonijiet jew ta’ tali konferenzi.

(8)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Minħabba li din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur minn meta l-Kunsill ikun iddeċieda dwar din id-Deċiżjoni, jekk hijiex ser timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha.

(9)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (4); għalhekk l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(10)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (5) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt B, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (6).

(11)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (7) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt B, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (8).

(12)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (9) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt B, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (10).

(13)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li b’xi mod ieħor huwa relatat miegħu fis-sens tal-Artikolu 3(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, tal-Artikolu 4(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005 u tal-Artikolu 4(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2011, rispettivament,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għaċ-ċittadini tal-Gambja li huma soġġetti għall-ħtieġa tal-viża skont ir-Regolament (UE) 2018/1806.

2.   Ma għandhiex tapplika għaċ-ċittadini tal-Gambja li huma eżentati mill-ħtieġa tal-viża skont l-Artikoli 4 jew 6 tar-Regolament (UE) 2018/1806.

3.   Din id-Deċiżjoni ma tapplikax għaċ-ċittadini tal-Gambja li japplikaw għal viża u li huma membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għalih tapplika d-Direttiva 2004/38/KE jew għall-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jgawdi dritt ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dak taċ-ċittadini tal-Unjoni skont ftehim bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u pajjiż terz, min-naħa l-oħra.

4.   Din id-deċiżjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-każijiet fejn Stat Membru jkun marbut b’obbligu skont id-dritt internazzjonali, jiġifieri:

(a)

bħala pajjiż ospitanti ta’ organizzazzjoni intergovernattiva internazzjonali;

(b)

bħala pajjiż ospitanti ta’ konferenza internazzjonali msejħa minn, jew taħt l-awspiċji ta’, in-Nazzjonijiet Uniti jew organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali oħra ospitati minn Stat Membru;

(c)

taħt ftehim multilaterali li jagħti privileġġi u immunitajiet; jew

(d)

skont it-Trattat ta’ Konċiljazzjoni tal-1929 (il-Patt tal-Lateran) konkluż mis-Santa Sede (l-Istat tal-Belt tal-Vatikan) u l-Italja, kif emendat l-aħħar.

Artikolu 2

Sospensjoni temporanja tal-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 810/2009

L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li ġejjin tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 għandha tiġi sospiża temporanjament:

(a)

Artikolu 14(6);

(b)

Artikolu 16(5), punt (b);

(c)

Artikolu 23(1);

(d)

Artikolu 24(2) u (2c).

Artikolu 3

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika tal-Bulgarija, lir-Repubblika Ċeka, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Repubblika tal-Estonja, lir-Repubblika Ellenika, lir-Renju ta’ Spanja, lir-Repubblika Franċiża, lir-Repubblika tal-Kroazja, lir-Repubblika Taljana, lir-Repubblika ta’ Ċipru, lir-Repubblika tal-Latvja, lir-Repubblika tal-Litwanja, lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, lill-Ungerija, lir-Repubblika ta’ Malta, lir-Renju tan-Netherlands, lir-Repubblika tal-Awstrija, lir-Repubblika tal-Polonja, lir-Repubblika Portugiża, lir-Rumanija, lir-Repubblika tas-Slovenja, lir-Repubblika Slovakka, lir-Repubblika tal-Finlandja u lir-Renju tal-Iżvezja.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-7 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

M. DIKAUČIČ


(1)  ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU L 303, 28.11.2018, p. 39).

(3)  Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(5)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(7)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(9)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).