11.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 360/120


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1779

tal-5 ta’ Ottubru 2021

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1013/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Awstrija biex tkompli tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2009/1013/UE (2) awtorizzat lir-Repubblika tal-Awstrija (‘l-Awstrija’) biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mid-Direttiva 2006/112/KE (“il-miżura speċjali”). Wara estensjonijiet suċċessivi, din l-awtorizzazzjoni hija mistennija tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2021.

(2)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/162/UE (3) daħħlet l-Artikolu 168a fid-Direttiva 2006/112/KE sabiex jillimita t-tnaqqis għall-proporzjon tal-użu tan-negozju effettiv u b’hekk jiġi applikat aktar effettivament il-prinċipju skont liem it-tnaqqis isir biss sakemm l-oġġetti u s-servizzi kkonċernati jintużaw għall-iskopijiet tan-negozju tal-persuna taxxabbli. L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1013/UE ġiet emendata biex tiġi inkluża referenza għall-Artikolu 168a tad-Direttiva 2006/112/KE. Għaldaqstant it-titolu tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1013/UE jenħtieġ li jirreferi wkoll għall-Artikolu 168a tad-Direttiva 2006/112/KE.

(3)

Il-miżura speċjali tidderoga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE li jirregolaw id-dritt tal-persuni taxxabbli li jnaqqsu t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imposta fuq l-oġġetti u s-servizzi fornuti lilhom għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħhom. Il-miżura speċjali hi maħsuba biex teskludi mid-dritt għat-tnaqqis il-VAT fuq l-oġġetti u s-servizzi meta l-użu mill-persuni taxxabbli tal-oġġetti u s-servizzi f’90 % tal-każijiet ikun għal finijiet privati jew għall-finijiet tal-impjegati tagħha, jew b’mod ġenerali għal finijiet li mhumiex tan-negozju jew għal attivitajiet mhux ekonomiċi.

(4)

L-għan tal-miżura speċjali huwa li tissimplifika l-proċedura tal-intaxxar u tal-ġbir tal-VAT. L-ammont ta’ taxxa dovut fil-livell tal-konsum finali huwa affettwat biss b’mod negliġibbli.

(5)

Permezz tal-ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fid-19 ta’ Marzu 2021, l-Awstrija talbet li tkun awtorizzata tkompli tapplika din il-miżura speċjali (“it-talba”).

(6)

Skont l-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, permezz ta’ ittri bid-data tas-7 ta’ April 2021, il-Kummissjoni bagħtet it-talba lill-Istati Membri l-oħrajn. Permezz ta’ bid-data tat-8 ta’ April 2021, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Awstrija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

(7)

Skont l-Awstrija, il-miżura speċjali kienet effettiva ħafna biex tissimplifika l-ġbir tal-VAT u biex tipprevjeni l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa. Tnaqqas il-piżijiet amministrattivi għan-negozji u l-amministrazzjonijiet tat-taxxa, minħabba li ma hemm l-ebda ħtieġa ta’ monitoraġġ tal-użu sussegwenti tal-oġġetti u s-servizzi li għalihom kienet tapplika l-esklużjoni mit-tnaqqis meta jkunu ġew akkwistati. Għalhekk, jenħtieġ li l-Awstrija tkun awtorizzata tkompli tapplika l-miżura speċjali għal perjodu limitat ulterjuri sal-31 ta’ Diċembru 2024.

(8)

Fil-każ li l-Awstrija tqis li tkun meħtieġa estensjoni lil hinn mill-2024, jenħtieġ li tissottometti talba lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2024, akkumpanjata minn rapport dwar l-applikazzjoni tal-miżura speċjali, inkluż rieżami tar-rata tat-tqassim applikata.

(9)

Il-miżura speċjali mhu se jkollha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-VAT.

(10)

Jenħtieġ għalhekk li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1013/UE tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni 2009/1013/UE hija emendata kif ġej:

(1)

It-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2009/1013/UE tat-22 ta’ Diċembru 2009 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Awstrija biex tkompli tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud”;

(2)

L-Artikoli 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 1

B’deroga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Repubblika tal-Awstrija hija awtorizzata teskludi kompletament it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imġarrba fuq l-oġġetti u s-servizzi mid-dritt għal tnaqqis tal-VAT meta aktar minn 90 % tal-użu ta’ dawn l-oġġetti u s-servizzi jkun għall-finijiet privati ta’ persuna taxxabbli jew tal-impjegati tagħha, jew b’mod iktar ġenerali, għal finijiet li mhumiex tan-negozju jew għal attivitajiet mhux ekonomiċi.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2024.

Kull talba għal estensjoni tal-miżura ta’ deroga prevista f’din id-Deċiżjoni għandha tintbagħat lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2024.

Tali talba għandha tkun akkumpanjata minn rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din il-miżura li jinkludi rieżami tar-rata tat-tqassim applikata fuq id-dritt għal tnaqqis tal-VAT abbażi ta’ din id-Deċiżjoni.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Awstrija.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-5 ta’Ottubru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. ŠIRCELJ


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2009/1013/UE tat-22 ta’ Diċembru 2009 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Awstrija biex tkompli tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 348, 29.12.2009, p. 21).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/162/UE tat-22 ta’ Diċembru 2009 li temenda diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 10, 15.1.2010, p. 14).